11.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 321/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – l-Ugerija) – Xella Magyarország Építőanyagipari Kft. vs Innovációs és Technológiai Miniszter

(Kawża C-106/22 (1), Xella Magyarország)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Moviment liberu tal-kapital - Libertà ta’ stabbiliment - Regolament (UE) 2019/452 - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin f’impriżi residenti meqjusa bħala “strateġiċi” - Deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi l-akkwist minn kumpannija residenti tal-ishma kollha ta’ kumpannija residenti oħra - Impriża akkwistata meqjusa bħala “strateġika” minħabba li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-estrazzjoni minerarja ta’ ċerti materji primi bażiċi bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal - Impriża akkwirenti meqjusa bħala “investitur barrani” minħabba li hija tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija holding tagħhom hija stabbilita f’pajjiż terz - Preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għal interess tal-Istat, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru - Għan intiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima bażika għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell reġjonali)

(2023/C 321/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Xella Magyarország Építőanyagipari Kft.

Konvenut: Innovációs és Technológiai Miniszter

Fil-preżenza ta’: “JANES ÉS TÁRSA” Szállítmányozó, Kereskedelmi és Vendéglátó Kft.

Dispożittiv

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà tal-istabbiliment

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn jipprekludu mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin previst mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jippermetti l-projbizzjoni tal-akkwist tal-proprjetà ta’ kumpannija residenti meqjusa bħala strateġika minn kumpannija residenti oħra li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji stabbiliti f’diversi Stati Membri, li fiha impriża ta’ pajjiż terz għandha influwenza determinanti, minħabba li dan l-akkwist jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika l-interess tal-Istat li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, fir-rigward tal-materja prima bażika, bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal.


(1)   ĠU C 207, 23.5.2022.