24.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/17


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landesgericht Korneuburg – l-Awstrija) – Austrian Airlines AG vs TW

(Kawża C-49/22 (1), Austrian Airlines (Titjira ta’ ripatrijazzjoni))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikolu 5(1)(a) - Kanċellazzjoni ta’ titjira - Artikolu 8(1) - Obbligu ta’ assistenza - Kunċett ta’ “rotta differenti” - Kumpens tal-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira - Pandemija tal-COVID-19 - Titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ missjoni ta’ assistenza konsulari - Titjira operata mill-istess trasportatur tal-ajru li jopera u fl-istess ħin tat-titjira kkanċellata - Spejjeż tal-passiġġier li jaqbżu l-ispejjeż netti għal dik it-titjira)

(2023/C 261/25)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Austrian Airlines AG

Konvenut: TW

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 5(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

titjira ta’ ripatrijazzjoni, organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ miżura ta’ assistenza konsulari, wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira, ma tikkostitwixxix “rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li għandha tiġi offruta mit-trasportatur tal-ajru li jopera lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata.

2)

L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

passiġġier li, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu lura, jirreġistra huwa stess għal titjira ta’ ripatrijazzjoni organizzata minn Stat Membru fil-kuntest ta’ miżura ta’ assistenza konsulari, u li huwa obbligat iħallas f’dan ir-rigward lil dan l-Istat kontribuzzjoni fl-ispejjeż obbligatorji, ma għandux dritt għar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mit-trasportatur tal-ajru li jopera abbażi ta’ dan ir-regolament.

Min-naħa l-oħra, tali passiġġier jista’ jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, in-nuqqas ta’ osservanza mit-trasportatur tal-ajru li jopera, minn naħa, tal-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma twettqux jew li saru inutli meta mqabbla mal-pjan ta’ vjaġġ inizjali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ assistenza tiegħu, inkluż miegħu d-dmir ta’ informazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, u dan sabiex jikseb kumpens mingħand dan it-trasportatur tal-ajru li jopera. Tali kumpens għandu madankollu jkun limitat għal dak li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, huwa neċessarju, xieraq u raġonevoli sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas tal-imsemmi trasportatur tal-ajru li jopera.


(1)  ĠU C 191, 10.5.2022.