Kawża T‑449/21
Natixis
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2022
“Rikors għal annullament – Kwistjoni proċedurali – Assenza ta’ rappreżentanza minn avukat awtorizzat sabiex jipprattika biss quddiem il-qrati tar-Renju Unit f’waħda mill-ipoteżijiet previsti b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 91(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom – Assenza ta’ rappreżentanza minn avukat awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim ŻEE – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”
Proċedura ġudizzjarja – Kwistjoni proċedurali – Talba għar-rikonoxximent ta’ barrister u ta’ solicitor bħala rappreżentanti ta’ parti quddiem il-Qorti Ġenerali – Talba ppreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u mill-Euratom u intiż kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 101 TFUE fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 – Assenza ta’ rappreżentanza minn avukat awtorizzat jipprattika biss quddiem il-qrati tar-Renju Unit f’waħda mill-ipoteżijiet previsti b’mod eżawrjenti mill-imsemmi ftehim – Konsegwenza – Assenza ta’ rappreżentanza minn avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Ċaħda tat-talba
(Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 87, 90, 91(1) u (2), 92(1), 93, u 95(1) u (3); Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni UE u KEEA-Renju Unit, Artikolu 193(a) u (g); Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 u l-Artikolu 56; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 130(2))
(ara l-punti 16-22, 27, 28, 30, 33, 34, 36-39)
Sunt
Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2021, il-kumpannija Natixis ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar proċediment taħt l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ( 1 ), sa fejn din tikkonċernaha. Ir-rikorrenti indikat li kienet irrappreżentata, fost oħrajn, minn żewġ barristers u żewġ solicitors awtorizzati sabiex jipprattikaw il-professjoni tagħhom quddiem il-qrati tar-Renju Unit.
Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ( 2 ) jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Permezz tad-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba tar-rikorrenti għar-rikonoxximent ta’ barrister u solicitor bħala r-rappreżentanti tagħha. B’dan il-mod, din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti Ġenerali teżamina d-diversi testi u dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk avukat awtorizzat jipprattika biss quddiem il-qrati tar-Renju Unit jistax jirrappreżenta parti quddiem il-Qorti Ġenerali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa biss avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti għall-Ftehim ŻEE li jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 3 ). Madankollu, fir-rigward tal-każ partikolari tal-avukati awtorizzati jipprattikaw quddiem il-qrati tar-Renju Unit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, qabelxejn, id-dispożizzjonijiet possibbilment rilevanti tal-ftehimiet internazzjonli li jorbtu lir-Renju Unit u lill-Unjoni, jiġifieri l-Ftehim dwar il-ħruġ u kif ukoll il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ( 4 ).
F’dan ir-rigward, il-Ftehim dwar il-ħruġ jipprevedi każijiet elenkati b’mod eżawrjenti li fihom avukat awtorizzat jipprattika quddiem il-qrati tar-Renju Unit jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 5 ). Fl-istat attwali tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, avukat li kien jirrappreżenta parti qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 jista’ jibqa’ jirrappreżentaha jew jassistiha f’azzjoni mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali ( 6 ). Tali avukat jista’ wkoll jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament intiżi kontra d-deċiżjonijiet addottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 u li tagħhom ir-Renju Unit jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fir-Renju Unit huma destinatarji ( 7 ). L-istess japplika fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet adottati wara l-31 ta’ Diċembru 2020, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedimenti li japplikaw l-Artikoli 101 jew 102 TFUE miftuħa qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 u li tagħhom ir-Renju Unit jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fir-Renju Unit huma destinatarji. Fl-aħħar nett, avukat awtorizzat jipprattika quddiem il-qrati tar-Renju Unit jista’ jirrappreżenta jew jassisti lil dan l-Istat quddiem il-Qorti Ġenerali ( 8 ) fil-proċeduri li fihom l-imsemmi Stat iddeċieda li jintervjeni ( 9 ).
Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan ir-rikors ma jaqa’ taħt ebda waħda mill-imsemmija ipoteżijiet previsti b’mod eżawrjenti mill-Ftehim dwar il-ħruġ. Ir-rikorrenti hija kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż stabbilita fi Franza. Ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li destinatarji oħra tad-deċiżjoni inkwistjoni huma, min-naħa tagħhom, stabbiliti fir-Renju Unit. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, minkejja li tkun redatta u ppubblikata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala ġabra ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward ta’ kull waħda mill-kumpanniji destinatarji l-ksur jew l-okkorrenzi ta’ ksur imputabbli lilha u li jimponulha, skont il-każ, multa. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija “stabbilita” fir-Renju Unit bħala “overseas company”, mid-dokumenti pprovduti minnha jirriżulta li hija biss irreġistrata u mhux stabbilita f’dan l-Istat. Il-Qorti Ġenerali tirrileva wkoll li d-dritt ta’ rappreżentanza jew ta’ assistenza rrikonoxxut mill-Ftehim dwar il-ħruġ ( 10 ) lill-avukati awtorizzati jipprattikaw quddiem il-qrati tar-Renju Unit japplika biss fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi ( 11 ) bl-esklużjoni ta’ eventwali proċeduri ġudizzjarji sussegwenti ( 12 ).
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tindika li r-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Dan il-ftehim ma jipprevedix ( 13 ) li parti għalih tawtorizza avukat tal-parti l-oħra għall-imsemmi ftehim li jipprovdi fit-territorju tagħha servizzi legali relatati mad-dritt tal-Unjoni, li taħtu jaqa’ l-Artikolu 101 TFUE, jew li jipprovdi rappreżentanza legali quddiem, b’mod partikolari, il-qrati u tribunali uffiċjali oħra debitament ikkostitwiti minn parti għall-imsemmi ftehim, fosthom il-Qorti Ġenerali.
Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikors ġie ppreżentat fit-30 ta’ Lulju 2021, jiġifieri wara l-iskadenza, fil-31 ta’ Diċembru 2020, tal-perijodu tranżitorju li matulu d-dritt tal-Unjoni kompla japplika għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu minkejja l-istatus tiegħu ta’ Stat terz. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk avukati awtorizzati jipprattikaw biss quddiem il-qrati tar-Renju Unit maħtura mir-rikorrenti għandhomx jitqiesu awtorizzati jipprattikaw quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti għall-Ftehim ŻEE ( 14 ) ma tistax tiġi eżaminata iktar fid-dawl tad-dispożizzjonijiet jew tal-atti tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). Għaldaqstant, tali eżami għandu jsir fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni speċifika li jista’ jkun hemm ta’ Stat Membru li tawtorizza unilateralment lil dawn l-avukati jipprattikaw quddiem il-qrati tiegħu, li madankollu ma teżistix f’dan il-każ fi Franza.
( 1 ) Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).
( 2 ) Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”).
( 3 ) Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
( 4 ) Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2021, L 149, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”).
( 5 ) Artikoli 87, 90 sa 92 u 95 tal-Ftehim dwar il-ħruġ moqrija flimkien.
( 6 ) Skont l-Artikolu 91(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 7 ) Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 91(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, moqri flimkien mal-Artikolu 95(1) u (3) ta’ dan il-ftehim.
( 8 ) Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, moqri flimkien mal-Artikolu 90 tiegħu.
( 9 ) Skont il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 90 tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 10 ) Artikolu 94(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 11 ) Imsemmija fl-Artikoli 92 u 93 tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 12 ) Previsti mill-Artikolu 91 tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 13 ) Artikolu 193(a) u (g) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
( 14 ) Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
( 15 ) Inklużi dawk applikabbli għall-professjoni ta’ avukat, bħad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri għajr dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), jew ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52).