Kawża T-422/21
Daimler AG
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
Digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2021
“Rikors għal annullament – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ rappreżentanza minn avukat li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE – Inammissibbiltà manifesta”
Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Firma minn avukat – Rikors iffirmat minn avukat li ma huwiex awtorizzat jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat li huwa parti fil-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni adottata wara tmiem il-perijodu tranżitorju stabbilit fil-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – Rikors iffirmat minn avukat awtorizzat jipprattika quddiem il-qrati tar-Renju Unit – Inammissibbiltà manifesta
(Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 87, 91(1) u (2), 92(1), 93, 95(1), u 97; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 u l-Artikolu 53)
(ara l-punti 15, 17‑25)
Sunt
Permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Lulju 2021, Daimler AG ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑7 ta’ Mejju 2021. Daimler indikat li hija kienet irrappreżentata minn żewġ avukati awtorizzati jipprattikaw quddiem il-qrati tar-Renju Unit.
Il-Ftehim dwar il-ħruġ ( 1 ) jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fit-31 ta’ Diċembru 2020.
Permezz tad-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ta’ Daimler bħala manifestament inammissibbli. Għall-ewwel darba, hija tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn rikorrenti rrappreżentata minn avukati awtorizzati jipprattikaw quddiem il-qrati tar-Renju Unit kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO adottata wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tfakkar li huwa biss avukat li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jista’ jirrappreżenta jew jassisti lil parti quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 2 ). F’dan ir-rigward, il-Ftehim dwar il-ħruġ jipprevedi ipoteżijiet differenti li fihom avukat li huwa awtorizzat jipprattika quddiem il-qrati tar-Renju Unit jista’ jirrappreżenta jew jassisti lil parti quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 3 ).
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan ir-rikors ma jaqa’ taħt ebda waħda mill-imsemmija ipoteżijiet stabbiliti mill-Ftehim dwar il-ħruġ, bil-konsegwenza li l-avukati tar-rikorrenti ma setgħux jirrappreżentawha quddiem il-qrati tal-Unjoni.
Fil-fatt, hija tirrileva li sa fejn l-att ġie sottomess wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dispożizzjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ li tirrigwarda l-proċeduri pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni qabel tmiem dan il-perijodu ma hijiex applikabbli. Bl-istess mod, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, lanqas ma tapplika d-dispożizzjoni dwar id-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni qabel tmiem dan il-perijodu ( 4 ).
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, hawnhekk, dan la huwa każ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni ( 5 ), la każ ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mir-Renju Unit, minn persuni li jirrisjedu fih jew li kienu stabbiliti fi ħdanu, jew li tirrigwarda l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni ( 6 ), u lanqas każ ta’ proċedura tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jew ta’ proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ( 7 ). Il-kawża lanqas ma taqa’ taħt l-Artikolu 97 tal-Ftehim dwar il-ħruġ peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss ir-rappreżentanza fil-proċedimenti pendenti quddiem l-EUIPO u mhux quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 1 ) Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”).
( 2 ) Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
( 3 ) Artikolu 91(1) u (2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 4 ) Artikolu 91(1) u (2) moqri flimkien mal-Artikolu 95(1) tal-ftehim dwar il-ħruġ..
( 5 ) Artikolu 91(1) moqri flimkien mal-Artikolu 87 tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 6 ) Artikolu 91(2), moqri flimkien mal-Artikolu 92(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.
( 7 ) Artikolu 91(2) moqri flimkien mal-Artikolu 93 tal-Ftehim dwar il-ħruġ.