21.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/40


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ottubru 2021 – NO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-708/21)

(2022/C 84/57)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: NO (rappreżentant: E. Smartt, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 265 TFUE, sa fejn ma spjegatx il-pożizzjoni tagħha b’risposta għall-ilmenti tar-rikorrent dwar, fost l-oħrajn, għajnuna mill-Istat mill-Irlanda;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż; u

tikkundanna li jiġu rimborsati l-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motiv li ġej:

Skont l-Artikolu 265 TFUE il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tispjega l-pożizzjoni tagħha b’risposta għall-ilmenti tar-rikorrent dwar, fost l-oħrajn, għajnuna mill-Istat mill-Irlanda, fid-data ta’ jew qabel l-iskadenza ta’ perijodu raġonevoli minn meta r-rikorrent ikun għamel l-ilmenti tiegħu. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni fi żmien raġonevoli, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2021. B’risposta għat-talba tar-rikorrent sabiex tieħu azzjoni, il-Kummissjoni naqset milli tispjega l-pożizzjoni tagħha fil-perijodu stabbilit wara t-talba tar-rikorrent għal teħid ta’ azzjoni.

Peress li qies li f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa paċifiku n-nuqqas tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors għal nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni taħt l-Artikolu 265 TFUE.