20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 513/35


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ottubru 2021 – Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-691/21)

(2021/C 513/50)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Alcogroup (Brussell, il-Belġju) u Alcodis (Brussell) (rappreżentanti: P. de Bandt, C. Binet u M. Nuytten, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2021 li tistieden lir-rikorrenti jibdew mill-ġdid, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-proċedura għar-riżolviment fil-kuntest tal-Kawża AT.40054 – Ethanol Benchmarks, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata li tistieden lir-rikorrenti jibdew mill-ġdid proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni kisret ir-regoli applikabbli fil-qasam tar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Fil-fatt, ir-regoli applikabbli ma jippermettux lill-Kummissjoni, minn naħa, tiftaħ mill-ġdid proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u, min-naħa l-oħra, tagħmel dan billi timponi fuq ir-rikorrenti li jirrinunzjaw għal kull diskussjoni dwar il-fatti li bihom huma akkużati.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma tistax tissuġġetta l-ftuħ ta’ proċedura ġdida għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għall-kundizzjoni li huma jirrinunzjaw għall-argumenti li ppreżentaw fil-kuntest tal-proċedura ordinarja wara l-falliment tal-ewwel proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim.