29.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 481/39


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2021 – Bloom vs Il-Parlament u l-Kunsill

(Kawża T-645/21)

(2021/C 481/54)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Bloom (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: C. Saynac u L. Chovet-Ballester, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, abbażi tal-Artikoli 256 u 263 TFUE, parzjalment ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (ĠU 2021, L 247, p. 1), b’mod partikolari l-Artikoli 17, 18 u 19 tiegħu;

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-għanijiet ta’ protezzjoni għolja tal-ambjent u ta’ żvilupp sostenibbli. Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament FEAMPA”) jerġgħu jintroduċu sussidji ta’ ħsara għall-ambjent marittimu bi ksur tal-għanijiet ta’ protezzjoni għolja tal-ambjent u ta’ żvilupp sostenibbli kkonfermati ripetutament mit-testi Ewropej.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew ta’ prekawzjoni u ta@ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, l-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament FEAMPA imorru kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni sanċit fl-Artikolu 191(2) TFUE. Barra minn hekk, l-effetti tal-artikoli msemmija iktar ’il fuq huma f’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità applikabbli fil-qasam tas-sajd.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-Dritt tal-Baħar, tal-10 ta’ Diċembru 1982, tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u ż-Żona Kostali tal-Mediterran tad-9 ta’ Lulju 2004 u tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-konvenzjonijiet. Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament FEAMPA imorru kontra l-obbligi fil-qasam ta’ ġlieda kontra s-sajd żejjed u ta’ preżervazzjoni tar-riżorsi tal-baħar previsti mill-konvenzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Il-Parlament u l-Kunsill allegatament kisru l-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-konvenzjonijiet billi adottaw l-artikoli kkontestati.