8.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/46


Rikors ippreżentat fl-21 ta’ Settembru 2021 – WP et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-604/21)

(2021/C 452/59)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: WP, WQ, WR (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2020 tal-PMO.4 li tirrifjuta t-talba mressqa fl-14 ta’ Settembru preċedenti f’isem il-mejjet sabiex tintalab ir-restituzzjoni tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni nazzjonali ttrasferiti lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni flimkien mal-interessi li akkumulaw fuq id-drittijiet tiegħu matul dawn is-snin kollha u sar-rimbors sħiħ;

tannulla, sa fejn ikun hemm bżonn, id-deċiżjoni ta’ ċaħda espliċita tal-15 ta’ Ġunju 2021 tal-ilment imressaq f’isem il-mejjet fil-15 ta’ Frar 2021 li t-tkomplija tiegħu permezz tas-suċċessjoni ġiet ikkomunikata fil-25 ta’ Mejju 2021;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu min-naħa tal-konvenut.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn l-applikazzjoni, mill-konvenut, tal-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu kif stabbilit fil-ġurisprudenza hija differenti mill-implimentazzjoni tal-istess prinċipju minn istituzzjonijiet oħra f’sitwazzjonijiet li, madankollu, huma identiċi.