6.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 490/46


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2021 – Bremino-Grupp vs Il-Kunsill

(Kawża T-564/21)

(2021/C 490/56)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Bremino-Grupp OOO (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentant: A. Shmagin, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1002 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 219I, p. 70), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/997 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 219I, p. 3), sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Il-motivazzjoni mogħtija għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi li jinsabu fl-Annessi tal-atti legali kkontestati ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-motivazzjoni mogħtija hija vaga u ma hijiex preċiża biżżejjed. Minn naħa, mill-motivazzjoni mogħtija ma joħroġx b’mod ċar liema appoġġ Statali allegatament irċeviet ir-rikorrenti għall-iżvilupp taż-żona ekonomika speċjali Bremino-Orsha. Barra minn hekk, il-motivazzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ “għadd ta’ vantaġġi finanzjarji u tat-taxxa u benefiċċji oħra” favur ir-rikorrenti ma hijiex ċara sa fejn ma jistgħux jiġu identifikati liema huma dawn il-vantaġġi. L-affermazzjoni li l-azzjonisti ta’ Bremino-Grupp OOO huma s-“sidien ta’ Bremino-Orsha” hija inkorretta sa fejn legalment ma huwiex possibbli li żona ekonomika jkollha sid. Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni li t-tliet azzjonisti tar-rikorrenti “jifformaw parti miċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti marbuta ma’ Lukaschenka” hija wisq ġenerali u ma tistax tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

2.

It-tieni motiv: żball manifest ta’ evalwazzjoni

Huwa manifest li l-konvenut telaq minn premessa fattwali żbaljata, b’tali mod li l-evalwazzjoni magħmula kienet inkorretta. Il-fatt li ż-żona ekonomika speċjali nħolqot permezz ta’ digriet tal-President ma jagħtix vantaġġ lir-rikorrenti sa fejn din il-proċedura hija prevista fil-leġiżlazzjoni Bjelorussa fir-rigward tal-ħolqien ta’ żoni ekonomiċi. Il-vantaġġi fiskali fil-kuntest taż-żona ekonomika speċjali huma disponibbli għal kull investitur. Ma huwiex ċar kif il-konvenut wasal sabiex jiddefinixxi ċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti marbuta ma’ Lukaschenka u fuq liema bażi inkluda lill-azzjonisti tar-rikorrenti f’dan iċ-ċirku. Barra minn hekk, minn din il-motivazzjoni ma joħroġx b’mod ċar kif ir-rikorrenti kienet ikkonċernati sa fejn ma bbenefikat minn ebda vantaġġ. Hija lanqas ma kienet irċeviet appoġġ min-naħa ta’ bin il-President, Viktar Lukaschenka.

3.

It-tielet motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Il-konvenut ma informax lir-rikorrenti li kien qiegħed jipprevedi l-inklużjoni tagħha fil-listi li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura u ma tahiex l-opportunità sabiex tiddefendi ruħha qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni tal-miżuri restrittivi u, jekk ikun il-każ, sabiex tipproduċi provi li jirribattu l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha.

4.

Ir-raba’ motiv: nuqqas ta’ proporzjonalità tal-miżuri restrittivi

L-atti legali kkontestati jikkostitwixxu ndħil inġustifikat u sproporzjonat fid-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, b’mod partikolari fid-dritt tagħha għall-proprjetà, fid-dritt tagħha għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u fid-dritt tagħha għall-ħarsien tar-reputazzjoni tagħha skont l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.