25.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 431/43


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2021 – IMG vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-509/21)

(2021/C 431/51)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: International Management Group (IMG) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u J.-Y. de Cara, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li dan ir-rikors huwa ammissibbli u fondat;

u, għaldaqstant:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2021, meħuda għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2019 (Kawżi C-183/17 P u C-184/17 P), li tipprovdi li r-rikorrent ma huwiex eliġibbli sabiex jeżegwixxi l-fondi tal-Unjoni skont il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni indiretta applikabbli għall-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-Unjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-kumpens tad-dannu materjali u morali;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 266 TFUE. F’dan ir-rigward ir-rikorrent jinvoka ksur tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2019.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza minħabba ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

4.

Ir-raba’ motiv: ir-rikorrent jallega li d-deċiżjoni hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

5.

Il-ħames motiv: ksur ta’ terminu raġonevoli.