23.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 338/29


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2021 – Flybe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-380/21)

(2021/C 338/38)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Flybe Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: G. Peretz; QC, u D. Colgan, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

parzjalment tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta’ April 2021, li tirrigwarda l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ftehim ta’ liberalizzazzjoni ta’ slots bejn British Airways u Flybe Limited, dwar il-każ No COMP/M.6447 – IAG/BMI, billi tannulla t-totalità tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 tad-deċiżjoni kkontestata; jew, fl-alternattiv, temenda n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 tad-deċiżjoni kkontestata u,

tagħti lir-rikorrenti l-ispejjeż tagħha għall-preparazzjoni u l-preżentata ta’ dan l-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ fatt fl-ispjegazzjoni tagħha tar-restrizzjonijiet imposti taħt il-ftehim ta’ liberalizzazzjoni ta’ slots. Ir-rikorrenti targumenta li l-ftehim, innegozjat minn British Airways u Flybe limited (preċedentement Thyme OPCO Limited), ma jagħmel ebda riferiment għal xi bżonn għal kwalunkwe trasferiment ta’ slots li jkun akkumpanjat bit-trasferiment tal-liċenzja ta’ operar. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, billi żiedet il-kliem “jiġifieri flimkien tal-liċenzja ta’ operar ta’ Thyme” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 hija għalhekk skorretta f’dak li huwa intiż li jkun sommarju tal-ftehim.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tqis b’mod xieraq l-abbiltà tar-rikorrenti li tkun tista’ tikkonforma mar-rekwiżit addizzjonali li tittrasferi biss slots korrettivi bħala parti minn negozju avvjat fejn dan jinkludi t-trasferiment tal-liċenzja ta’ operar tagħha, b’kuntradizzjoni ma’ dak li huwa possibbli taħt ir-regolamenti dwar il-liċenzjar tal-linji tal-ajru tar-Renju Unit.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali, ekonomiku u legali tal-ftehim ta’ liberalizzazzjoni ta’ slots, li wera li ma hemmx bżonn li jiġi impost rekwiżit fir-rigward tat-trasferiment ta’ liċenzja ta’ operar.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa kuntrarju mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-rikorrenti targumenta li l-Impenji tal-Grupp Internazzjonali tal-Linji tal-Ajru Kkonsolidati ma kinux jinkludu restrizzjoni fuq it-trasferiment ta’ slots korrettivi.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti billi imponiet restrizzjoni mingħajr qabel ma ddiskutiet din ir-restrizzjoni mar-rikorrenti.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-dmir tagħha ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tat ebda motivazzjoni għall-impożizzjoni tar-restrizzjoni fuq ir-rikorrenti, bi ksur tar-rekwiżit li atti legali għandhom isemmu l-motivazzjoni li huma bbażati fuqhom.