9.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/41


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2021 – eSlovensko Bratislava vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-304/21)

(2021/C 320/47)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: eSlovensko Bratislava (Bratislava, is-Slovakkja) (rappreżentant: B. Fridrich, avukat)

Konvenut: Il-Kumissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, b’mod konkret, l-att ġuridiku individwali “Tmiem tal-Azzjoni” adottat mill-Kummissjoni Ewropea, INEA, Nru ARES(2021)1953853, maħruġ fit-30 ta’ Marzu 2021;

tibgħat lura l-azzjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea u quddiem l-INEA u tqis il-ftehim ta’ azzjoni u ta’ sussidju bħala validu u mhux mitmum skont il-ftehim ta’ sussidju Nru INEA/CEF/ICT/A2015/1154788 għall-proġett “Slovak Safer Internet Centre IV”, Nru 2015-SK-IA-0038;

tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsa l-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Tmiem tal-Azzjoni” Ref. ARES(2021)1953853, minħabba ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom, jew użu ħażin ta’ poter, b’mod partikolari evalwazzjoni legali irregolari ta’ fatti u ta’ konstatazzjonijiet (ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-Istat tad-dritt, tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tal-evalwazzjoni legali żbaljata ta’ fatti u ta’ konstatazzjonijiet tat-talba għal ħlas finali fil-proġett 2015-SK-IA-0038 Slovak Safer Internet Centre IV).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq li t-talba għal ħlas finali fir-rigward tal-proġett “Slovak Safer Internet Centre IV” tintbagħat lura quddiem il-Kummissjoni u quddiem l-INEA għall-evalwazzjoni tagħha u l-implimentazzjoni tal-kompetenza ta’ kontroll kif ukoll sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi kuntrattwali bbażati fuq ftehim ta’ sussidju Nru INEA/CEF/ICT/A2015/1154788 u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tipproċedi għall-ħlas finali tal-ispejjeż eliġibbli lir-rikorrenti, skont il-ftehim ta’ sussidju validu u effettiv, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li titratta kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ proġett u trasferimenti finanzjarji taħt il-kuntratt validu u effettiv bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni tiġi ordnata tirrimborsa l-ispejjeż tal-proċedura. Skont l-argumenti msemmija iktar ’il fuq kif ukoll in-natura arbitrarja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti titlob rimbors tal-ispejjeż konnessi mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropa kif ukoll l-ispejjeż għall-għajnuna legali fir-rigward ta’ din it-talba.