28.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/31


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2021 – Aquino vs Il-Parlament

(Kawża T-253/21)

(2021/C 252/41)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Roberto Aquino (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: L. Levi, avukata)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li dan ir-rikors huwa ammissibbli u fondat;

għaldaqstant,

tannulla d-deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2020 li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal annulla l-elezzjoni tal-President tal-Kumitat tal-Persunal u ddeċieda li jerġa’ jipproċedi bl-imsemmija elezzjoni;

jannulla l-laqgħa kostituttiva tal-14 ta’ Settembru 2020 u l-elezzjonijiet li seħħew fiha u, b’mod partikolari, l-elezzjoni tal-President tal-Kumitat tal-Persunal;

tannulla d-deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2021 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent fis-6 ta’ Ottubru 2020;

tikkundanna lill-konvenut għall-kumpens tad-dannu morali evalwat ex aequo et bono għal EUR 2 000;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenut tad-dmir tiegħu li jiżgura li l-uffiċjali tiegħu u l-Membri tiegħu għandhom il-possibbiltà li jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom b’libertà sħiħa u b’osservanza ta’ regoli stabbiliti. Ir-rikorrent jinvoka wkoll il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat tal-Persunal u tad-dmir ta’ diliġenza.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.