19.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 289/37


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2021 – Luossavaara-Kiirunavaara vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-244/21)

(2021/C 289/54)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Luossavaara-Kiirunavaara AB (Luleå, l-Isvezja) (rappreżentanti: A. Bryngelsson, F. Sjövall u A. Johansson, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Frar 2021 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-liġi li tirregola l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet (ETS), b’mod partikolari l-Anness 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 (2) u l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE (3).

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari l-premessa 13 tagħha, l-Artikolu 1(3), u l-Anness III, jiksru l-Artikolu 10a (1) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Anness 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331. Il-parametru referenzjarju għal mineral sinterizzat stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 għandu jiġi interpretat f’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, mat-trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Skont dik id-direttiva u l-ġurisprudenza, prodotti sostituti u metodi ta’ produzzjoni alternattivi għandhom jiġu nklużi taħt l-istess parametru referenzjarju tal-prodott, sabiex jiġu promossi l-iktar teknoloġiji effiċjenti għall-klima. Kif muri mill-provi prodotti, pellets tal-mineral tal-ħadid sinterizzat u trab fin tal-mineral tal-ħadid sinterizzat huma sostituti primarji għal xulxin. Peress li rrifjutat l-inklużjoni tal-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-pellets sinterizzati tar-rikorrenti taħt il-parametru referenzjarju, huwa sostnut li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat id-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament Delegat (UE) 2019/331 u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni.

Huwa sostnut li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ċċitati peress li tiddiskrimina bejn il-kumpanniji u s-setturi b’tali mod li tiffavorixxi indebitament ċerti impriżi. Dan jikkonċerna kemm it-trattament ta’ trab fin sinterizzat fil-konfront tal-produzzjoni ta’ pellets sinterizzati, kif ukoll it-trattament tal-produzzjoni ta’ pellets tar-rikorrenti fil-konfront ta’ produzzjoni ta’ pellets oħra.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligi tal-Unjoni dwar il-liġi ambjentali internazzjonali.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-impenji espliċiti meħuda mill-Unjoni bħala kontribuzzjoni nazzjonali speċifika taħt il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dmir tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali.

Id-deċiżjoni kkontestata tirrifletti pożizzjoni ta’ politika adottata mill-Kummissjoni Ewropea li, ir-rikorrenti ssostni, ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni teknika oġġettiva fil-fond dwar is-sostitwibbiltà tal-prodotti u tat-tekniki inkwistjoni, iżda li minflok sempliċement tibbaża ruħha fuq it-talbiet minn waħda mill-partijiet affettwati mid-determinazzjoni, jiġifieri organizzazzjoni tal-industrija tal-azzar, mingħajr ma tevalwa l-oġġezzjonijiet tekniċi mqajma minn, fost l-oħrajn, ir-rikorrenti u l-Aġenzija Svediża għall-Protezzjoni Ambjentali, jew tikkonsulta lil parti terza newtrali.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE.

Id-deċiżjoni kkontestata, skont ir-rikorrenti, naqset milli tipprovdi l-iċken spjegazzjoni rigward is-sostitwibbiltà teknika bejn pellets sinterizzati u trab fin sinterizzat jew dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda minflok tirreferi sempliċement għall-parametru referenzjarju li huwa “imfassal sabiex” jeskludi l-produzzjoni ta’ pellets sinterizzati (tar-rikorrenti). B’riżultat ta’ dan, huwa impossibbli għall-persuni kkonċernati li jaċċertaw ir-raġunijiet għad-determinazzjoni mid-deċiżjoni nnifisha.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq, sussidjarjament, li r-Regolament Delegat (UE) 2019/331 għandu jiġi ddikjarat invalidu sa fejn japplika għad-deċiżjoni kkontestata mid-data tas-sentenza, skont l-Artikolu 277 TFUE.

Permezz tas-sitt motiv tagħha, li huwa sussidjarju għall-motivi imsemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li, jekk ir-Regolament Delegat (UE) 2019/331 għandu jiġi interpretat sabiex jeskludi l-pellets sinterizzati tar-rikorrenti (iżda mhux il-pellets sinterizzati ta’ produttur kompetitur imsemmi) (4), dak ir-regolament innifsu għandu jiġi ddikjarat invalidu, peress li jikser id-Direttiva 2003/87/KE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Frar 2021 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Council (ĠU 2021, L 68, p. 221).

(2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2019, L 59, p. 8, rettifika fil-ĠU 2020, L 296, p. 8).

(3)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

(4)  Nota editorjali: isem il-produttur ġie ommess.