5.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/26


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2021 – Pszonka vs Il-Kunsill

(Kawża T-242/21)

(2021/C 263/35)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Artem Wiktorowycz Pszonka (Kramatorsk, l-Ukraina) (rappreżentant: M. Mleziva, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/394 tal-4 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1) kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/391 tal-4 ta’ Marzu 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (2), sa fejn id-deċiżjoni msemmija u r-regolament imsemmi jirrigwardaw lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

insostenn tal-ilment tiegħu r-rikorrent isostni, inter alia, li billi adotta d-deċiżjoni kkontestata l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma aġixxiex bid-diliġenza meħtieġa inkwantu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, la ħa inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-rikorrent u lanqas il-provi favurih prodotti minnu, iżda bbaża ruħu biss b’mod partikolari fuq sunt konċiż redatt mill-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina u ma talabx informazzjoni supplementari dwar il-progress tal-investigazzjoni fl-Ukraina.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrent għall-proprjetà

f’dan ir-rigward ir-rikorrent isostni li r-restrizzjonijiet, imposti fil-konfront tiegħu, huma sproporzjonati u ma humiex neċessarji kif ukoll li jiksru l-garanziji ta’ protezzjoni taħt id-dritt internazzjonali tad-dritt għal proprjetà li għalih huwa intitolat.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent iggarantiti lilu mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

f’dan ir-rigward ir-rikorrent isostni li r-restrizzjonijiet imposti fil-konfront tiegħu kisru d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, id-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt ta’ protezzjoni tal-proprjetà privata.


(1)  ĠU 2021, L 77, p. 29.

(2)  ĠU 2021, L 77, p. 2.