5.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/25


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2021 – Il-Bulgarija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-235/21)

(2021/C 263/34)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Bulgarija (rappreżentanti: Ts. Mitova u L. Zaharieva)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/261 tas-17 ta’ Frar 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), fil-parti tagħha li tikkonċerna l-partita tal-baġit 6200, sa fejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-FAEG infiq imġarrab mir-Repubblika tal-Bulgarija fl-ammont ta’ EUR 7 656 848,97, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 (2), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 (3) u mal-Linji gwida tal-2015 dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qafas tal-proċeduri tal-approvazzjoni ta’ konformità u finanzjarja tal-kontijiet (4), ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ kontradittorju u ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba bidla tal-bażi legali fir-rigward tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità li permezz tagħha l-infiq, li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, ġie eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba n-natura kontradittorja u insuffiċjenti tal-motivi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/261.

3.

It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 54(5)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 54(1) tiegħu, minħabba interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni fis-sens li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ 18-il xahar, previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, beda jiddekorri mal-“wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti” tar-rapporti finali tal-OLAF.

4.

Ir-raba’ motiv: ksur tal-Artikolu 54(5)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 54(1) tiegħu, ksur tal-Artikolu 325 TFUE u ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ awtonomija proċedurali minħabba l-konklużjoni infondata u żbaljata tal-Kummissjoni fis-sens li l-aġenzija tal-pagamenti ma aġixxietx bid-diliġenza meħtieġa sabiex tistabbilixxi l-ammonti kontenzjużi u kienet negliġenti għaliex ma fetħitx proċedura amministrattiva ta’ rkupru fit-terminu previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

5.

Il-ħames motiv: l-ammont stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni ma josservax ir-regoli tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 u jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  ĠU 2021, L 59, p. 10.

(2)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25).

(4)  C(2015) 3675 final.