7.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/60


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2021 – EurO3zon vs ECHA

(Kawża T-199/21)

(2021/C 217/76)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: EurO3zon (Zemst, il-Belġju) (rappreżentanti: I. de Seze, F. Puel, u L. Marchal, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-att tal-konvenuta li jissospendi l-evalwazzjoni tal-fajl tas-sustanzi attivi tar-rikorrenti dwar l-Ożonu (O3), taħt ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (1), u li jgħaqqad din il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma’ fajl ta’ applikant ieħor; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta aġixxiet ultra vires u ma kellhiex il-kompetenza li tadotta l-att ikkontestat peress li l-konvenuta ma tgawdi minn ebda setgħa espliċita jew impliċita li taġixxi fil-qasam tal-evalwazzjonijiet ta’ sustanzi attivi bijoċidali taħt id-dritt tal-UE jew fil-qasam ta’ kondiviżjoni obbligatorja tad-data fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali.

Barra minn hekk, huwa sostnut li l-ġustifikazzjoni tal-konvenuta għall-att ikkontestat hija dokument li jirreġistra l-kunsens tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali; dan ma huwa la xieraq fir-rigward tas-suġġett tiegħu, u lanqas ma huwa ta’ natura vinkolanti għall-konvenuta.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

L-att ikkontestat ma jinkludi l-ebda referenza jew ċitazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali, li tawtorizza lill-konvenuta taġixxi kif għamlet.

Huwa sostnut ukoll li l-att ikkontestat jikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti sa fejn huwa intiż li jidderoga mill-istadji legali u proċedurali espliċitament previsti mir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali, b’mod partikolari fir-rigward tat-termini obbligatorji indikati fih.

L-att ikkontestat jikser ukoll l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti sa fejn id-dokument imsemmi mill-konvenuta, bħala ġustifikazzjoni tal-att, fil-fatt jikkonċerna proċeduri u sitwazzjonijiet, li huma irrilevanti għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-att ikkontestat joħloq inċertezza legali għall-operaturi.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta ttrattat lir-rikorrenti b’mod diskriminatorju.

Huwa sostnut li l-att ikkontestat ikollu l-effett li jissuġġetta lir-rikorrenti għal rekwiżiti proċedurali u dewmien, li ma ġewx imposti fuq terzi f’sitwazzjonijiet simili.

L-att ikkontestat iwassal għall-ksur tad-drittijiet esklużivi tar-rikorrenti fuq informazzjoni protetta u għall-użu ta’ din l-informazzjoni għall-benefiċċju ta’ terzi mingħajr kumpens finanzjarju, liema konsegwenza ma gietx imposta fuq terzi f’sitwazzjonijiet simili.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali inkluża fil-fajl tas-sustanza attiva tagħha ngħatat lil terzi mingħajr awtorizzazzjoni u mingħajr il-protezzjoni ta’ ftehim ta’ kunfidenzjalità, liema konsegwenza ma gietx imposta fuq terzi f’sitwazzjonijiet simili.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-att ikkontestat naqas milli jagħti r-raġunijiet peress li ma indikax, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-Aġenzija, b’tali mod li r-rikorrenti tkun taf ir-raġunijiet għall-miżura u l-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li bl-adozzjoni tal-att ikkontestat il-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li dan l-att ma jimplimentax il-miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija minnu u jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu.

Barra minn hekk, huwa sostnut li l-miżuri li jirriżultaw mill-att ikkontestat ma jikkostitwixxux dawk l-inqas onerużi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnu.


(1)  Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 280, p. 57).