28.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/26


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Marzu 2021 – McCord vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-161/21)

(2021/C 252/36)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Raymond Irvine McCord (Belfast, ir-Renju Unit) (rappreżentant: C. O’Hare, Solicitor)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tannulla d-deċiżjoni u/jew l-abbozz ta’ regolament tad-29 ta’ Jannar 2021 tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi applikat l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2020/L 29/07) (il-“Ftehim dwar il-ħruġ”) u;

skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma jkunx hemm politika ppubblikata jew ordni li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa u tippubblika politika dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq;

skont l-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tieħu azzjoni sabiex ikun hemm politika ppubblikata jew ordni li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa u tippubblika politika dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq;

tordna li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tar-rikorrent ta’ dan ir-rikors, inklużi l-ispejjeż legali preparatorji kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni u/jew abbozz ta’ regolament sabiex jiġi invokat l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq tal-tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1), mill-Kummissjoni Ewropea kienu sproporzjonati u kontra l-liġi. Huwa jissottometti wkoll li l-Kummissjoni għandha tippubblika l-politika tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.


(1)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020 L 29, p. 7).