19.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 138/50 |
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2021 – QI vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-122/21)
(2021/C 138/67)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: QI (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla r-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-karriera finali tar-rikorrenti għall-2018 u 2019; |
— |
tannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tas-16 ta’ Novembru 2020; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni applikabbli. Fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2018, ir-rikorrenti ssostni reviżjoni illegali tan-natura sodisfaċenti jew le tas-servizzi fl-istadju tal-appell. Fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2019, ir-rikorrenti tikkritika l-intervent tal-evalwatur tal-appell fi stadju prekoċi. Fl-aħħar nett, fir-rigward taż-żewġ rapporti, ir-rikorrenti tinvoka żball fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni għas-sitwazzjoni tagħha tal-Artikolu 2(3)(a) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni u tal-Artikolu 4 ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet. |
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ imparzjalità u ta’ newtralità, il-ksur tad-dmir ta’ assistenza u ta’ amministrazzjoni tajba, il-ksur tal-Artikolu 21a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ta’ użu ħażin jew abbuż ta’ proċedura. |
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inċertezzi materjali li jikkonċernaw il-fatti, allegazzjonijiet abbużivi mhux marbuta mal-fatti oġġettivi u fuq il-ksur tal-kunċett tad-dmir ta’ lealtà. |