19.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 138/47 |
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2021 – Il-Portugall vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-95/21)
(2021/C 138/63)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrent: Ir-Repubblika Portugiża (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, M. J. Marques, L. Borrego u A. M. Soares de Freitas, aġenti, assistiti minn M. Gorjão-Henriques u A. Saavedra, avukati)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea.
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tordna li jiddaħħlu mal-proċess id-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont kif mitlub fir-rikors preżenti; |
— |
tannulla l-Artikolu 1, kif ukoll l-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2020)8550 final tal-4 ta’ Diċembru 2020, “dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex2018/NN) applikata mill-Portugall favur iż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (ŻĦM) – Skema III”. |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhata, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi:
1. |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-miżura inkwistjoni hija ta’ natura ġenerali u ma hijiex selettiva u għaldaqstant ma tikkostitwixxix għajnuna pubblika fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
2. |
It-tieni motiv, fi kwalunkwe każ, ibbażat fuq nuqqas ta’ prova mill-Kummissjoni li ġie ssodisfatt il-kriterju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. |
3. |
It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 108 TFUE u 21 sa 23 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, għall-għajnuna li hija eżistenti. |
4. |
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi tad-Deċiżjoni sa fejn l-Iskema III taż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (ŻĦM) ġiet implimentata konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-2007 u tal-2013 u mal-Artikoli 107 u 108 TFUE. |
5. |
Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball fir-rigward tal-punti ta’ fatt tad-Deċiżjoni u/jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti peress li r-rekwiżiti tal-iskema tat-taxxa u fuq is-sorveljanza tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali huma idonei sabiex jikkontrollaw l-Iskema III taż-ŻĦM. |
6. |
Is-sitt motiv, ibbażat fuq żball fir-rigward tal-punti ta’ fatt tad-Deċiżjoni u/jew fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li r-Repubblika Portugiża wettqet kontrolli dwar ir-rekwiżit ta ħolqien/żamma ta’ postijiet tax-xogħol. |
7. |
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti tinvoka, b’mod partikolari, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni. |