12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/42


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2021 – Mendes de Almeida vs Il-Kunsill

(Kawża T-75/21)

(2021/C 128/50)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Anna Carla Mendes de Almeida (Sobreda, il-Portugall) (rappreżentanti: R. Leandro Vasconcelos u M. Marques de Carvalho, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2020/1117 tas-27 ta’ Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2020, L 244, p. 18), fil-parti fejn taħtar għall-kariga ta’ Prosekutur Ewropew għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 13, għal perijodu li ma jistax jiġġedded, ta’ tliet snin, mid-29 ta’ Lulju 2020, lil José Eduardo Moreira Alves d’Oliveira Guerra, kandidat innominat mill-Portugall;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż taż-żewġ partijiet.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli applikabbli għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej, garanti tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew. Ir-rikorrenti ssostni li l-kontestazzjoni mill-Gvern Portugiż, permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Novembru 2019, tal-klassifikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) (ĠU 2017, L 283, p. 1), tal-kandidati proposti mill-Gvern innifsu, bl-indikazzjoni ta’ kandidat differenti mill-preferenza tiegħu u bl-aċċettazzjoni ta’ din l-ittra mill-Kunsill, tqiegħed inkwistjoni l-istruttura tal-proċedura ta’ ħatra tal-Prosekuturi Ewropej, liema struttura għandha bħala għan li tiżgura l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew u tal-Prosekuturi Ewropej. In-natura leġittima tal-Prosekuturi Ewropej tirriżulta mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura ta’ ħatra, b’mod partikolari l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll il-Parlament Ewropew, u mhux mill-involviment tal-gvernijiet nazzjonali. L-imsemmija ittra tal-Gvern Portugiż u l-aċċettazzjoni tagħha mill-Kunsill iqiegħdu serjament inkwistjoni l-indipendenza, u b’hekk il-kredibbiltà, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew u tal-Prosekuturi Ewropej.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest dwar il-preżupposti tad-deċiżjoni. Ir-rikorrenti tallega, b’mod partikolari, li l-ittra tad-29 ta’ Novembru 2019 mibgħuta mill-Gvern Portugiż lill-Kunsill, kienet tinkludi żewġ żbalji gravi, li barra minn hekk ġew irrikonoxxuti bħala tali mill-Gvern innifsu. Dawn kienu r-riferiment għall-kandidat ippreferut tal-Gvern Portugiż, għal sitt darbiet bħala “il-Prosekutur Ġenerali Awżiljarju José Guerra”, u l-affermazzjoni li l-istess Prosekutur kellu pożizzjoni ta’ natura inkwiżitorja u akkużatorja f’kawża importanti fil-qasam ta’ reati mwettqa kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Issa la l-Prosekutur maħtur mill-att ikkontestat ma kien jew ma huwa l-Prosekutur Ġenerali Awżiljarju, u lanqas ma pparteċipa fl-imsemmija kawża fil-fażi inkwiżitorja. Filwaqt li huwa minnu li l-Kunsill jiċħad ir-rilevanza ta’ dawn iż-żewġ żbalji fid-deċiżjoni tiegħu, huwa minnu wkoll li huwa qatt ma għamel riferiment għalihom, u kkorreġihom, minkejja l-fatt li aċċetta l-kumplament tal-argumenti tal-Gvern Portugiż imsemmija fl-ittra. Fil-verità, il-Kunsill ittratta l-kwistjoni tal-iżbalji biss wara li l-fatti inkwistjoni saru ta’ natura pubblika, fejn effettivament inħolqot kritika mill-pubbliku sew fil-Portugall kif ukoll fl-Ewropa.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Ir-rikorrenti tallega li l-għanijiet li fir-rigward tagħhom ġew attribwiti l-kompetenzi lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl-ambitu tal-proċedura ta’ għażla u ħatra tal-Prosekuturi Ewropej, jikkonsistu f’li tiġi żgurata l-indipendenza tal-organu, kif ukoll f’li jinħatru l-kandidati nazzjonali l-iktar ikkwalifikati u li joffru l-garanziji kollha ta’ indipendenza għall-eżerċizzju tal-kariga ta’ Prosekutur Ewropew. L-intervent tal-Gvern Portugiż u l-azzjoni tal-Kunsill kellhom għanijiet differenti minn dawk invokati jew mill-inqas hekk irriżultaw. L-għażla u l-ħatra sussegwenti, permezz tal-att ikkontestat, tal-Prosekutur Portugiż, ma kkontribwixxewx neċessarjament għall-ħatra tal-kandidati nazzjonali iktar ikkwalifikati u li kienu joffru l-garanziji kollha ta’ indipendenza fl-eżerċizzju tal-kariga ta’ Prosekutur Ewropew, bi ħsara għall-għanijiet li jirriżultaw mir-regolamenti u mid-deċiżjonijiet imsemmija, fejn ġiet ippreġudikata n-natura leġittima tal-Prosekuturi maħtura u l-kredibbiltà tal-organu nnifsu.