26.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/19


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2021 – QB vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-71/21)

(2021/C 148/27)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: QB (rappreżentant: R. Wardyn, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-PMO tas-6 ta’ April 2020 u d- d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-3 ta’ Novembru 2020 li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea irrifjutat li tagħti lir-rikorrent l-allowance tal-espatrijazzjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegata motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-PMO u tal-Awtorità tal-Ħatra.

Ir-rikorrent jargumenta li l-PMO u l-Awtorità tal-Ħatra ma semmewx il-fatt li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali applikabbli għall-imħallfin Pollakki, b’konformità mal-prinċipju tal-Istat tad-dritt, ma ppermettewx lir-rikorrent jidħol fi kwalukwe relazzjoni ġuridika man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), jew ma’ kwalunkwe organu ieħor irregolat mid-dritt privat fil-Polonja jew barra mill-pajjiż;

Huwa jargumenta wkoll li l-PMO u l-Awtorità tal-Ħatra ma ħadux inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont id-dritt Pollakk, ir-rikorrent, li kien imħallef fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji attivi, ma setax ikun taħt is-sorveljanza ta’ kwalunkwe awtorità oħra minbarra l-Qorti Distrettwali ta’ Lubartow u l-ġerarkija tal-KSSiP (l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Prosekuzzjoni Pubblika).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Huwa argumenta li l-frażi “xogħol li sar [għal] Stat ieħor” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri ċ-ċirkustanzi kollha li jirriżultaw minn xogħol imwettaq għal Stat ieħor u ma għandhiex tkun limitata għal xogħol imwettaq għar-rappreżentanza uffiċjali ta’ dan l-Istat, filwaqt li la l-liġi u lanqas il-ġurisprudenza ma jsostnu l-evalwazzjoni restrittiva tal-Awtorità tal-Ħatra;

Huwa argumenta ukoll li l-KSSiP għandu jitqies li huwa organu ċentrali tal-Istat u, konsegwentement, xogħol imwettaq mir-rikorrent matul id-delega tiegħu għall-KSSiP għandu jitqies li huwa xogħol imwettaq għall-Istat tal-Polonja;

Ir-rikorrent jargumenta, barra minn hekk, li x-xogħol imwettaq minnu (1) kien sussidjarju għar-relazzjoni ġuridika bejn ir-rikorrent u l-KSSiP;

Ir-rikorrent jargumenta, ukoll, li l-okkupazzjoni prinċipali tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza kienet ix-xogħol tiegħu għall-KSSiP fil-Polonja.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Huwa argumentat li nżammet rabta speċifika bejn ir-rikorrent u l-Polonja, b’tali mod li din ipprekludiet il-ħolqien ta’ rabta fit-tul mal-Belġju;

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li s-sitwazzjoni legali u fattwali tiegħu ma ppermettewx l-integrazzjoni tiegħu fis-soċjetà Belġjana.


(1)  Nota editorjali: frażi tħalliet barra sabiex tiġi żgurata l-anonimat.