22.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 98/29 |
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2021 – Inivos u Inivos vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-38/21)
(2021/C 98/33)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Inivos Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u Inivos BV (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: R. Martens u L. Hoet, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-deċiżjoni b’data mhux magħrufa sabiex tinfetaħ il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt għax-xiri ta’ ammont sa 200 robot ta’ diżinfezzjoni; |
— |
tannulla d-deċiżjoni b’data mhux magħrufa sabiex jingħata l-Kuntratt Qafas għar-Robots ta’ Diżinfezzjoni għal Sptarijiet Ewropej (Covid-19) lil UVD Robots APS/Kompaï Robotics & Teamnet; |
— |
tannulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2020 sabiex jiġi konkluż il-Kuntratt Qafas għar-Robots ta’ Diżinfezzjoni għal Sptarijiet Ewropej (Covid-19) ma’ UVD Robots APS/Kompaï Robotics & Teamnet; |
— |
tiddikjara li l-Kuntratt Qafas għar-Robots ta’ Diżinfezzjoni għal Sptarijiet Ewropej (Covid-19), b’mod partikolari l-Kuntratti konklużi bir-referenza FW-00103506 u FW-00103507 huma nulli; |
— |
tiddikjara li l-konvenuta hija responsabbli għal kumpens abbażi tat-telf ta’ opportunità. |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-konvenuta kisret l-Artikoli 160(1) u (2) tar-Regolament Finanzjarju u tal-punt 11 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tal-Anness 1 tar-Regolament Finanzjarju flimkien ma’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li l-konvenuta b’mod żbaljat għamlet użu mill-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt għax-xiri ta’ ammont sa 200 robot ta’ diżinfezzjoni, u għalhekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
2. |
It-tieni motiv fejn huwa allegat li l-konvenuta kisret, minn naħa, l-Artikoli 61, 160(1) u 167(1) tar-Regolament Finanzjarju flimkien mal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-konvenuta u l-offerent li rebaħ il-kuntratt (UVD Robots APS) huma suġġetti għal kunflitt ta’ interessi li jfisser irregolarità serja li tagħmel il-Kuntratt Qafas konkluż wieħed null. |
3. |
It-tielet motiv fejn huwa allegat li l-konvenuta kisret l-Artikolu 160(3) tar-Regolament Finanzjarju, peress li l-għoti tal-Kuntratt Qafas għar-Robots ta’ Diżinfezzjoni għal Sptarijiet Ewropej (Covid-19) lil UVD Robots APS joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. |