3.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 163/37


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2021 – Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-33/21)

(2021/C 163/50)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrent: Ir-Rumanija (rappreżentanti: E. Gane u L. Bațagoi, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1734 tat-18 ta’ Novembru 2020 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), fir-rigward tal-ispejjeż fl-ammont totali ta’ EUR 18 717 475,08 effettwati mill-aġenzija tal-pagamenti akkreditata fir-Rumanija u ddikjarata fil-kuntest tal-FAEŻR, li tirrappreżenta korrezzjonijiet b’rata fissa (25 %) applikati għall-pagamenti magħmula fis-snin finanzjarji 2017, 2018, 2019 għas-submiżura 1a tal-miżura 215 tal-Programm Nazzjonali għall-Iżvilupp Rurali (PNŻR) 2007-2013;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv: eżerċizzju ħażin mill-Kummissjoni tas-setgħa li teskludi somom mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, bi ksur tal-Artikoli 76 sa 78 tar-Regolament Nru 1605/2002, tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, tal-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Nru 907/2014, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba

Wara li aċċettat il-metodoloġija għall-kalkolu tal-pagamenti relatati mas-submiżura 1a u r-riżultat tagħha, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2012)3529 final li tapprova r-reviżjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali tar-Rumanija għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni għandha tassumi r-responsabbiltà fil-każ li, wara verifiki sussegwenti, dawn kienu kkunsidrati bħala li jiksru l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet, wara l-verifiki, li l-metodoloġija għall-kalkolu tal-pagamenti relatati mas-submiżura 1a twassal għal kumpens żejjed tal-benefiċjarji, u għalhekk tikser l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.

Il-Kummissjoni wettqet żball meta applikat kemm l-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Nru 907/2014, kif ukoll il-Linji Gwida dwar il-Kalkolu tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji, tagħha stess, meta tistabbilixxi r-raġuni għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet u t-tip ta’ dawn il-korrezzjonijiet.

Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2012)3529 final, il-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi kemm għall-awtoritajiet Rumeni kif ukoll għall-benefiċjarji dwar ir-regolarità tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-pagamenti relatati mas-submiżura 1a u r-riżultat tagħha.

Permezz tal-aġir tagħha, konkretament il-pożizzjonijiet diverġenti u r-risposta tardiva mogħtija lill-awtoritajiet Rumeni b’konnessjoni mas-sitwazzjoni li hija stess kienet l-oriġini tagħha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

Il-Kummissjoni ma argumentatx b’mod suffiċjenti u adegwat, fir-rigward tas-submiżura 1a, għalfejn il-metodoloġija għall-kalkolu allegatament skorretta tikkostitwixxi sitwazzjoni li hija limitata għall-ipoteżi rregolati mill-Artikolu 12(6) u (7) tar-Regolament Nru 907/2014, jiġifieri irregolarità, fis-sens tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Kalkolu tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji, u lanqas ma argumentat fir-rigward tal-bdil fil-pożizzjoni tagħha dwar il-kuntest legali ta’ metodoloġija għall-kalkolu allegatament skorretta.


(1)  ĠU 2020, L 390, p. 10.