SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
21 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Dumping – Estensjoni tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fuljetti tal-aluminju li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fuljetti tal-aluminju mibgħuta mit-Tajlandja – Investigazzjoni kontra l-evażjoni – Evażjoni – Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Provi suffiċjenti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑748/21,
Hangzhou Dingsheng Industrial Group Co., Ltd, stabbilita f’Hangzhou (iċ-Ċina),
Dingheng New Materials Co., Ltd, stabbilita f’Rayong (it-Tajlandja),
Thai Ding Li New Materials Co., Ltd, stabbilita f’Rayong,
irrappreżentati minn G. Coppo u G. Pregno, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková, bħala aġent,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn R. da Silva Passos, President, S. Gervasoni u I. Reine (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u billi ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[omissis]
It-talbiet tal-partijiet
|
13 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
[omissis]
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament bażiku permezz tal-ftuħ tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni
Osservazzjonijiet preliminari
[omissis]
|
29 |
Minbarra dan, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi li: “[i]d-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom japplikaw skont dan l-Artikolu”. Isegwi li l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Bidu tal-proċedimenti” japplika f’dan il-każ. |
|
30 |
Għalhekk, konformement mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni teżamina, sa fejn huwa possibbli, l-eżattezza u l-adegwatezza tal-provi pprovduti fl-ilment, sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistux biżżejjed provi sabiex ikun iġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, ċerti restrizzjonijiet ta’ natura proċedurali li japplikaw għall-Kummissjoni skont l-imsemmi regolament jistgħu jipprekludu li din tal-aħħar milli twettaq verifiki u analiżijiet eżawrjenti tal-informazzjoni pprovduta fl-ilment. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha biss, skont l-Artikolu 5(9) ta’ dan ir-regolament, 45 jum li jiddekorru mill-preżentata tal-ilment sabiex tiddeċiedi dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni. Dan it-terminu jista’ jirriżulta insuffiċjenti sabiex isiru verifiki u analiżijiet kompleti tal-informazzjoni kollha li tinsab fl-ilment. Tali dmir ta’ verifika u ta’ analiżi joħloq riskju wkoll li dan l-ilment isir wieħed pubbliku anki qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ ftuħ, li jmur kontra l-Artikolu 5(5) tal-istess regolament (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:740, punti 96 u 97, u tal‑11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il‑Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 86). |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kwantità u l-kwalità tal-provi neċessarji sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju tan-natura suffiċjenti tal-provi għall-finijiet tal-ftuħ ta’ investigazzjoni huma differenti minn dawk li huma neċessarji għall-finijiet ta’ determinazzjoni finali tal-eżistenza ta’ evażjoni. B’konsegwenza, provi li jkunu insuffiċjenti, kemm mill-perspettiva tal-kwantità jew tal-kwalità, sabiex tiġi ġġustifikata determinazzjoni finali tal-eżistenza ta’ evażjoni, jistgħu madankollu jkunu suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il‑Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 98). Għalhekk, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku ma jobbligax lill-Kummissjoni li twettaq analiżi tal-informazzjoni disponibbli kollha, li tkun adegwata għal investigazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:740, punt 106). Fil-fatt, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta fl-ilment tikkostitwixxi prova inkonfutabbli tal-eżistenza tal-fatti allegati. Barra minn hekk, in-natura insuffiċjenti tal-imsemmija informazzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u b’konsegwenza għandha tiġi evalwata f’kull każ. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li l-ilment jinkludi analiżi tal-informazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:740, punti 94 u 95). [omissis] |
Fuq l‑assenza ta’ provi suffiċjenti relatati mal‑bidla fix‑xejra tal‑kummerċ
[omissis]
|
44 |
Għandu jitfakkar li d-definizzjoni ta’ “evażjoni” hija fformulata fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku f’termini ġenerali ħafna li jħallu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li ma tingħata l-ebda preċiżjoni fir-rigward tan-natura u tal-modalitajiet tal-“bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni” (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 48, u tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Guangxi Xin Fu Yuan vs Il‑Kummissjoni, T‑144/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:346, punt 145). |
|
45 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, jirriżulta mill-ilment li, fl-2017, li tikkorrispondi għas-sena ta’ adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271, li permezz tiegħu d-dazju antidumping definittiv kien ġie estiż għall-prodotti kkonċernati kollha, l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni mit-Tajlandja laħqu kwantità globali ta’ 375 t, b’kuntrast ma’ 25 t esportati minn dan il-pajjiż terz fl-2016. Minbarra dan, fl-2018, il-volum tal-imsemmija esportazzjonijiet tela’ għal 3417 t sabiex intlaħaq livell globali ta’ 7240 t fl-2019. |
|
46 |
Ir-rikorrenti ma jikkontestawx ir-realtà ta’ din id-data. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li din hija relatata mal-kodiċijiet NC 76071119 u NC 76071190 tan-Nomenklatura Magħquda, li kienu jikkonċernaw varjetà kbira ta’ prodotti mhux limitati għall-prodotti kkonċernati. |
|
47 |
Ċertament, il-kodiċijiet NM 76071119 u NM 76071190 tan-Nomenklatura Magħquda jinkludu, minbarra l-prodotti kkonċernati, prodotti oħra bħall-fuljetti tal-aluminju ddestinati għall-ipproċessar. |
|
48 |
Madankollu, ir-rikorrenti jammettu, mingħajr madankollu jipprovdu iktar preċiżazzjonijiet, li l-kodiċi NM 76071119 tan-Nomenklatura Magħquda jkopri t-tipi ta’ prodotti l-iktar rappreżentattivi. Minbarra dan, minħabba ż-żieda kunsiderevoli, f’dan il-każ ta’ tliet snin, tal-volum ta’ importazzjonijiet ta’ fuljetti tal-aluminju, inklużi dawk li kienu ddestinati għal użu domestiku u għall-ipproċessar, billi dan il-volum kien 289 darba ogħla wara l-estensjoni tad-dazju antidumping definittiv fl‑2017, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li kienu jeżistu provi suffiċjenti dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ, jew tal-inqas ta’ riskju ta’ evażjoni relatat mal-prodotti kkonċernati. |
|
49 |
Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl taż-żieda tal-importazzjonijiet ta’ fuljetti tal-aluminju mit-Tajlandja, kien probabbli li l-proporzjon tal-prodotti kkonċernati fl-imsemmi argument kien daqstant sinjifikattiv. Issa, ir-rikorrenti ma sostnewx li l-imsemmija importazzjonijiet kienu jirrigwardaw kważi esklużivament prodotti differenti mill-prodotti kkonċernati, bħall-fuljetti tal-aluminju ddestinati għall-ipproċessar. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping tista’ tkun ibbażata fuq riskju ta’ evażjoni sa fejn tali riskju huwa pprovat u ma jkunx biss wieħed ipotetiku. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, dawn il-prinċipji japplikaw a fortiori fl-ipoteżi tal-ftuħ ta’ investigazzjoni kontra l-evażjoni. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li, tal-inqas, tali riskju kien preżenti fil-mument tal-ftuħ tal-imsemmija investigazzjoni. |
|
50 |
Fit-tieni lok, l-ilment jinkludi statistiċi dwar l-importazzjonijiet fit-Tajlandja tal-materja prima miċ-Ċina, jiġifieri stokkijiet ta’ fuljetti tal-aluminju u ta’ rombli jumbo, li jintużaw għall-produzzjoni tal-prodotti kkonċernati fit-Tajlandja u li jikkontribwixxu għall-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati lejn l-Unjoni. Minn naħa, minn dan jirriżulta li, bejn l-2016, li tikkorrispondi għas-sena ta’ adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/865, li permezz tiegħu nfetħet l-investigazzjoni kontra l-evażjoni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni, u l-2019, l-importazzjonijiet tal-fuljetti tal-aluminju, li jaqgħu taħt il-kodiċi SA 760711 tas-sistema armonizzata, żdiedu annwalment inkluż bejn qrib 9 % u 32 %. Min-naħa l-oħra, bejn l-2015 u l-2018, l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi, ta’ fuljetti u ta’ strixxi tal-aluminju liga, li jaqgħu taħt il-kodiċi SA 760612 tas-sistema armonizzata, miċ-Ċina lejn it-Tajlandja żdiedu bejn 13 % u 18 % sabiex sussegwentement jonqsu għal 22 % fl-2019. |
|
51 |
Dawn l-istatistiċi jwasslu sabiex isostnu ż-żieda kunsiderevoli tal-esportazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati mit-Tajlandja lejn l-Unjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq din id-data sabiex tikkunsidra li l-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn it-Tajlandja setgħu jsostnu l-produzzjoni tal-prodotti kkonċernati fi ħdan dan il-pajjiż tal-aħħar, sabiex jiġu esportati lejn l-Unjoni b’evażjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati miċ-Ċina. Madankollu, anki jekk il-kodiċijiet SA 760612 u SA 760711 tas-sistema armonizzata jinkludu, ċertament, prodotti iktar mifruxin milli l-uniċi prodotti kkonċernati, b’analoġija għar-raġunijiet esposti fil-punt 48 iktar ’il fuq, dan ma jistax iwassal għall-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-ftuħ tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni. Tali żball huwa iktar diffiċli li jintwera, peress li, konformement mal-ġursprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta fl-ilment tikkostitwixxi prova inkonfutabbli tal-eżistenza tal-fatti allegati. |
|
52 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u, b’konsegwenza, ir-realtà tal-importazzjonijiet fit-Tajlandja ta’ materja prima miċ-Ċina. |
|
53 |
Fil-fatt, huwa biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti qajmu kontestazzjonijiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ. |
|
54 |
Issa, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. |
|
55 |
Minbarra dan, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura japplika wkoll għall-ilmenti jew għall-argumenti li ma jikkostitwixxux l-amplifikazzjoni ta’ motivi jew ta’ lmenti mressqa fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu-LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jinsabu fil-premessa 9 tar-Regolament ta’ ftuħ u fil-premessi 42, 79 sa 82 tar-Regolament ikkontestat, li għalih sar riferiment ukoll fl-ilment. |
|
57 |
B’konsegwenza, ir-rikorrenti kienu għalkollox fil-pożizzjoni li jikkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet fir-rikors. |
|
58 |
Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, invokati fir-replika, li ma jikkostitwixxux l-amplifikazzjoni ta’ dan l-ilment imressaq fir-rikors, huma inammissibbli skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
59 |
Fi kwalunkwe każ, fir-replika r-rikorrenti jindikaw biss li, fl-infrastrutturi Tajlandiżi tagħhom, huma pproċessaw stokkijiet ta’ fuljetti tal-aluminju f’fuljetti tal-aluminju. Għalhekk ma hemm ebda “assemblaġġ” ta’ biċċiet distinti sabiex jinħoloq prodott individwali ġdid. Madankollu, huma bl-ebda mod ma jsostnu l-allegazzjonijiet tagħhom. |
|
60 |
Isegwi li r-rikorrenti ma kkontestawx validament il-fatti relatati mal-assemblaġġ tal-prodotti kkonċernati u, b’konsegwenza, l-importazzjonijiet ta’ materja prima fit-Tajlandja miċ-Ċina. |
|
61 |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li r-rekwiżit dwar is-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għad-dazju antidumping bl-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiż ta’ evażjoni, bħala kundizzjoni neċessarja għall-eżistenza ta’ evażjoni, ma jinsabx fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 47). |
|
62 |
B’konsegwenza, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jisiltu argument li ma kienx intwera li l-esportazzjonijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni kienu ġew issostitwiti minn esportazzjonijiet mit-Tajlandja lejn l-Unjoni. |
|
63 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-istatistiċi allegatament skaduti li jinsabu fl-ilment, fl-ewwel lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 24 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li hija rċeviet data iktar iddettaljata dwar il-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Lulju 2019 u t‑30 ta’ Ġunju 2020 sa fejn hija ma tatx prova ta’ dan. |
|
64 |
Madankollu, mid-data li tinsab f’dan l-ilment jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex tikkonkludi li kienet teżisti evażjoni u li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn it-Tajlandja u l-Unjoni kkoinċidiet mal-ftuħ tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni fl‑2016 u l-estenzjoni tad-dazju antidumping fuq il-prodotti kkonċernati provenjenti miċ-Ċina fl‑2017. Din il-koinċidenza temporali tikkostitwixxi indizju importanti li jippermetti li tiġi stabbilita konnessjoni loġika u raġonevoli bejn iż-żieda kunsiderevoli tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni provenjenti mit-Tajlandja u l-investigazzjoni kontra l-evażjoni preċedenti (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Guangxi Xin Fu Yuan vs Il‑Kummissjoni, T‑144/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:346, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Minbarra dan, mill-ilment jirriżulta li, fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni, l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha kienet tidher li tindika li fit-Tajlandja kienu qegħdin jitwettqu operazzjonijiet kunsiderevoli ta’ assemblaġġ tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 53). |
|
66 |
Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha unikament fuq l-informazzjoni li tinsab fl-ilment għall-finijiet tal-ftuħ tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni. |
|
67 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk, hekk kif huwa konkluż fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wrietx li rċeviet data iktar iddettaljata dwar il-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2019 u t‑30 ta’ Ġunju 2020, konformement mal-prinċipji ċċitati fil-punt 22 iktar ’il fuq, hija ma kinitx obbligata tagħmel hekk sa fejn l-ilment kien jinkludi provi suffiċjenti, mingħajr ma huwa neċessarju li tirċievi tali data iktar iddettaljata. |
|
68 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, rikorrent ma jistax unikament jipproponi l-interpretazzjoni tiegħu tal-fatturi ekonomiċi differenti, iżda għandu jippreċiża r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għandha tasal, fuq il-bażi ta’ dawn il-fatturi, għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ evażjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il‑Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 54). Dan huwa partikolarment minnu fl-istadju tal-ftuħ ta’ investigazzjoni li jista’ jiġi ġġustifikat mill-eżistenza ta’ riskju ta’ evażjoni konformement mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku. |
|
69 |
Issa, f’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-konstatazzjonijiet fattwali jew id-data f’ċifri li tinsab fl-ilment, u li l-Kummissjoni kienet ibbażat fuqhom. Min-naħa l-oħra, huma sempliċement indikaw li l-istatistiċi ta’ esportazzjoni kienu skaduti. Madankollu huma ma pproduċew l-ebda prova li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta utilizzat statistiċi li jkopru l-perijodu mill‑2015 sa l-2019. Huma lanqas ma pprovdew statistiċi iktar reċenti sabiex isostnu l-allegazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jsostnu li dawn setgħu faċilment inkisbu mil-lanjant. |
|
70 |
Minbarra dan, id-data l-iktar reċenti, li tinsab fit-tabelli 1 u 2 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali tal‑24 ta’ Ġunju 2021, riprodotta fil-premessi 44 u 48 tar-Regolament ikkontestat, turi li, matul il-perijodu ta’ referenza, mill‑1 ta’ Lulju 2019 sat‑30 ta’ Ġunju 2020, kemm l-esportazzjonijiet ta’ rombli jumbo mit-Tajlandja lejn l-Unjoni kif ukoll l-esportazzjonijiet ta’ materja prima miċ-Ċina lejn it-Tajlandja komplew jiżdiedu. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma setgħux isibu sostenn f’dawn l-istatistiċi l-iktar reċenti. |
|
71 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. |
Fuq l‑assenza ta’ provi relatati man‑newtralizzazzjoni tal‑effetti korrettivi tad‑dazji ta’ oriġini
[omissis]
|
74 |
Għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirreferi għaż-żamma tal-effetti korrettivi tad-dazji antidumping f’termini ta’ prezz u/jew ta’ kwantitajiet ta’ prodotti simili. Minn dan il-kriterju jirriżulta li huwa suffiċjenti li tali effetti korrettivi jiġu stabbiliti, b’mod alternattiv, kemm f’termini ta’ prezz ta’ prodotti simili, kemm f’termini ta’ kwantitajiet ta’ tali prodotti. |
|
75 |
F’dan il-każ, mill-ilment jirriżulta li l-allegazzjonijiet dwar in-newtralizzazzjoni tal-effetti korrettivi tad-dazji ta’ oriġini huma bbażati mhux biss fuq raġunament dwar il-prezzijiet ta’ prodotti simili, iżda wkoll fuq fatturi relatati mal-kwantitajiet importati ta’ tali prodotti fl-Unjoni mit-Tajlandja. |
|
76 |
Fir-replika, ir-rikorrenti jammettu li huma ma qajmux argument partikolari dwar in-newtralizzazzjoni tal-effetti korrettivi tal-miżuri antidumping fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ prodotti simili. Madankollu, huma jiġġustifikaw din l-ommissjoni bil-fatt li din hija korollarja loġika tal-argumenti tagħhom dwar l-istatistiċi mhux preċiżi u skaduti pprovduti fl-ilment. |
|
77 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala tardiv sa fejn jirriżulta mill-ilment u mill-premessa 10 tar-Regolament ta’ ftuħ li l-investigazzjoni kontra l-evażjoni nfetħet, b’mod partikolari, minħabba effetti korrettivi tal-miżuri antidumping eżistenti nnewtralizzati wkoll f’termini ta’ kwantitajiet. Għalhekk, ir-rikorrenti kienu fil-pożizzjoni li jinvokaw argumenti f’dan ir-rigward fl-istadju tar-rikors. |
|
78 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat. Għalhekk, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors huwa bbażat għandhom jirriżultaw, tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm huwa minnu li l-kontenut tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat fir-replika, dan ma jistax jikkumpensa l-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argument fid-dritt, li, skont id-dispożizzjoni mfakkra iktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors. Ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat, b’mod li d-dikjarazzjoni astratta tiegħu biss ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-espożizzjoni sommarja tal-motivi tar-rikorrent għandha tkun biżżejjed ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar ir-rikors. Għalhekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u li tidentifika l-motivi li tista’ tqis bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, EU:T:1998:103, punt 333, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:740, punt 110). |
|
79 |
B’konsegwenza, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq korrelazzjoni loġika li ma tirriżultax b’mod ċar mir-rikors. |
|
80 |
Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-newtralizzazzjoni tal-effetti korrettivi tal-miżuri antidumping fir-rigward tal-kwantitajiet, invokati għall-ewwel darba fir-replika, filwaqt li ma setgħux ikunu hekk invokati fir-rikors u li ma jikkostitwixxux l-amplifikazzjoni ta’ dan l-ilment imressaq fir-rikors, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
81 |
Isegwi li, dan l-ilment ma jibbażax ruħu fuq raġunament relatat mal-prezzijiet ta’ prodotti simili, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tirreferi ruħha unikament għan-newtralizzazzjoni tal-effetti korrettivi f’termini ta’ kwantitajiet ta’ prodotti simili, mingħajr ma hija obbligata li tirreferi ruħha wkoll għall-prezzijiet ta’ tali prodotti. |
|
82 |
Għalhekk, dan l-ilment, billi kien ifformulat unikament f’termini ta’ prezz ta’ prodotti simili, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
Fuq l‑assenza ta’ provi dwar l‑eżistenza ta’ dumping.
[omissis]
|
85 |
Fid-dawl tat-talba li tinsab fil-punt 24 iktar ’il fuq, dan l-ilment għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni provi u informazzjoni li jinsabu fl-uniku lment. |
|
86 |
Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, konformement mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, l-eżistenza ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping hija stabbilita, b’mod partikolari, meta jeżistu provi ta’ dumping b’rabta mal-valur normali preċedentement stabbilit għall-prodotti simili. |
|
87 |
Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali, mill-ilment jirriżulta li d-dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping kienet ibbażata fuq id-data użata fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2384 abbażi tal-iskadenza tal-miżuri. |
|
88 |
Minn dan jirriżulta li l-ilment ħa inkunsiderazzjoni l-valur normali preċedentement stabbilit. |
|
89 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, ir-Regolament bażiku ma jimponix, meta l-prodott ikkonċernat jinkludi diversi tipi ta’ prodotti, bħalma huwa l-każ hawnhekk, li l-ilment jipprovdi informazzjoni dwar dawn it-tipi ta’ prodotti kollha. Jirriżulta pjuttost mill-Artikolu 13(1) u (3) tal-imsemmi regolament li l-provi dwar dumping tal-prodott kollu kemm hu għandhom ikunu suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ tal-investigazzjoni. Għalhekk, provi dwar dumping ta’ kategorija sussidjarja insinjifikattiva tal-prodott importat ma jkunux suffiċjenti f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:740, punt 100). |
|
90 |
Issa, ir-rikorrenti ma sostnewx li l-prodott imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2384, jiġifieri l-fuljetti u l-istrixxi rqaq tal-aluminju, ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0.008 mm u mhux iktar minn 0.018 mm, mhux fuq rinforz, sempliċement laminati, ippreżentati f’rombli ta’ wisa’ mhux iktar minn 650 mm, ta’ piż ikbar minn 10 kilogrammi, jikkostitwixxi kategorija sussidjarja insinjifikattiva tal-prodotti kkonċernati. |
|
91 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk, konformement mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, fl-ilment, il-valur normali stabbilit kienx jirrigwarda prodotti simili, jiġifieri l-prodotti kkonċernati, għall-prodott imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2384. |
|
92 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, “[i]d-dazji kontra d-dumping imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kif ukoll jekk le, jew għal importazzjonijiet tal-prodott simili ftit modifikat mill-pajjiż soġġett għal miżuri, jew għal partijiet minnhom, meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ”. |
|
93 |
Fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-prodotti elenkati fil-punt 7 iktar ’il fuq, li għalihom id-dazju antidumping inizjali kien ġie estiż permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271, għandhom jitqiesu bħala li huma simili għall-prodott imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2384. |
|
94 |
Għandu jitfakkar ukoll li d-determinazzjoni tal-prodott simili taqa’ taħt l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet u li għalhekk hija s-suġġett ta’ stħarriġ ristrett (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il‑Kunsill, T‑459/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:369, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Isegwi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fl-ilment, tal-valur normali stabbilit preċedentement għall-uniku prodott imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2384 huwa konformi mal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. |
|
96 |
Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tibbaża ruħha fuq id-data li tinsab fl-ilment dwar il-valur normali preċedentement stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2384. |
|
97 |
Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz fuq l-esportazzjoni, mill-ilment jirriżulta li dan il-prezz kien ġie ddeterminat b’riferiment għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 76071119 tan-Nomenklatura Magħquda. |
|
98 |
Ċertament, hekk kif isostnu r-rikorrenti, il-prodotti li jaqgħu taħt l-il-kodiċi NM 76071119 tan-Nomenklatura Magħquda jkopru varjetà kbira ta’ prodotti li ma humiex limitati għall-prodotti kkonċernati. |
|
99 |
Madankollu, ir-rikorrenti jirrikonoxxu huma stess li l-kodiċi NM 76071119 tan-Nomenklatura Magħquda jkopri t-tipi ta’ prodotti l-iktar rappreżentattivi. |
|
100 |
Fi kwalunkwe każ, hekk kif tfakkar fil-punti 30 u 89 iktar ’il fuq, konformement mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku, applikabbli f’dan il-każ skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk hemmx provi suffiċjenti, evalwati fl-intier tagħhom, li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni. Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li l-ilment kien jinkludi provi suffiċjenti u tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex tiddeċiedi li tiftaħ l-investigazzjoni antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 52). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-kriterju ġuridiku li għandu jiġi applikat konformement mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku ma huwiex tant in-natura eżatta u adegwata tal-provi, iżda tassew in-natura suffiċjenti tagħhom. |
|
101 |
Min-naħa l-oħra, minn naħa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, id-definizzjoni tat-terminu “evażjoni” hija fformulata fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku f’termini ġenerali ħafna li jħallu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan il-prinċipju għandu japplika anki iktar fil-kuntest tal-ftuħ ta’ investigazzjoni kontra l-evażjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament. |
|
102 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie espost fil-punti 31, 34 u 49 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq riskju ta’ evażjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta fl-ilment tikkostitwixxi prova inkonfutabbli tal-eżistenza tal-fatti allegati. Fil-fatt, investigazzjoni antidumping hija proċess li matulu l-amministrazzjoni tikseb gradwalment iċ-ċertezza tal-eżistenza tal-elementi kollha neċessarji għall-adozzjoni ta’ miżura hekk kif progressivament titkompla l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tal-WTO, ir-rapport tal-grupp speċjali intitolat “Messiku – Dazji antidumping fuq pajpijiet u fuq tubi tal-azzar mill-Gwatemala”, adottat fit‑8 ta’ Ġunju 2007 (WT/DS331/R, paragrafu 7.22)). |
|
103 |
B’konsegwenza, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, dan il-motiv fl-intier tiegħu. [omissis] |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
da Silva Passos Gervasoni Reine Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Ġunju 2023. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.