SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni – Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/374/19 – Deċiżjoni li isem ir-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni – Rikors għal annullament – Tibdil tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li saru parzjalment it-testijiet ta’ ammissjoni – Nuqqas ta’ bażi legali – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Forza maġġuri – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċju ta’ arranġamenti speċjali – Organizzazzjoni mill-bogħod tal-eżamijiet – Rata għolja ta’ suċċess tal-kandidati interni – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni”

Fil-Kawża T‑312/21,

SY, irrappreżentat minn T. Walberer, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Hohenecker, T. Lilamand u D. Milanowska, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos (Relatur), President, V. Valančius u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ir-rikorrent, SY, jitlob, essenzjalment, l-ewwel, l-annullament tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/374/19 (ĠU 2020, C 374A, p. 3), li mmodifika l-modalitajiet tal-eżamijiet ta’ din il-kompetizzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, tal-konvokazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal‑20 ta’ Novembru 2020 sabiex isir eżami, tal-lista ta’ riżerva stabbilita mill-imsemmija kompetizzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, tad-deċiżjonijiet dwar ir-reklutaġġ ta’ kandidati abbażi ta’ din il-lista ta’ riżerva u tad-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li tikkonferma d-deċiżjoni li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva. It-tieni, huwa jitlob, sussidjarjament, li fis-sentenza li ser tingħata tippreċiża r-rekwiżiti konkreti li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li kien jinsab fiha qabel l-illegalità mwettqa mill-imsemmi Bord tal-Għażla, sabiex dan ikun jista’ jinkludi ismu fil-lista ta’ riżerva. It-tielet, huwa jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 265 TFUE, peress li hija naqset milli tibgħatlu deċiżjoni dwar l-ilment amministrattiv tiegħu tas‑17 ta’ Jannar 2021.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Fis‑6 ta’ Ġunju 2019, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali bbażata fuq il-kwalifiki u fuq eżamijiet EPSO/AD/374/19, li għandha bħala suġġett ir-reklutaġġ ta’ amministraturi (grupp ta’ funzjonijiet AD) fl-oqsma tad-dritt tal-kompetizzjoni, tad-dritt finanzjarju, tad-dritt tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit tal-Unjoni u tal-protezzjoni tal-muniti tal-euro kontra l-kontrafazzjoni (ĠU 2019, C 191A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”), għall-istabbiliment ta’ ħames listi ta’ riżerva li minnhom il-Kummissjoni ser tirrekluta membri ġodda tas-servizz pubbliku bħala amministraturi. L-avviż ta’ kompetizzjoni u l-annessi tiegħu, b’mod partikolari l-Anness III, kienu jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-proċeduri ta’ selezzjoni relatati miegħu.

3

L-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi proċedura f’sitt stadji. L-ewwel, il-kandidati ppreżentaw att ta’ kandidatura elettronika preliminari. It-tieni, huma ġew mistiedna jgħaddu minn sensiela ta’ testijiet fil-forma ta’ kwestjonarji b’għażla multipla fuq il-kompjuter f’wieħed miċ-ċentri approvati tal-EPSO. Fil-każ fejn din l-istedina ma kinitx saret qabel l-eżamijiet ta’ kompetenzi organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kien previst li l-imsemmija testijiet kienu jsiru flimkien ma’ dawn l-eżamijiet. It-tielet, sar eżami tal-fajls tal-kandidati sabiex jiġi vverifikat jekk dawn kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni. Ir-raba’, il-kandidati li osservaw dawn il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni kienu suġġetti għal selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki, abbażi tal-kwalifiki indikati fl-att tal-kandidatura tagħhom. Il-ħames, il-kandidati li kisbu waħda mill-aħjar marki globali wara s-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki kienu mistiedna jagħmlu erba’ eżamijiet ta’ kompetenzi organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Is-sitt, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni stabbilixxa, għal kull wieħed mill-ħames oqsma tal-kompetizzjoni ġenerali, lista ta’ riżerva li fuqha kienu jidhru l-ismijiet tal-kandidati ammissibbli li kisbu l-marki minimi kollha meħtieġa kif ukoll l-aħjar marki globali wara l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, sakemm jintlaħaq in-numru ta’ kandidati magħżula mfittxija għal kull wieħed mill-oqsma.

4

B’mod partikolari, taħt it-titolu “Kif nintgħażel?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni, kien indikat, fil-punt 5, intitolat “Iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni”, dan li ġej:

“Fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jiġu ttestjati tmien kompetenzi ġenerali u l-kompetenzi marbutin mal-qasam meħtieġa għal kull qasam permezz ta’ erba’ testijiet (intervista ġenerali bbażata fuq il-kompetenza, intervista speċifika marbuta mal-qasam, eżerċizzju fi grupp u studju ta’ każ) […]”

5

Minn naħa, mit-tabelli riprodotti fil-punt 5 li jinsabu taħt it-titolu “Kif nintgħażel?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali u ta’ dawk relatati mal-qasam kienet maqsuma bejn l-eżamijiet organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni bil-mod li ġej:

Kompetenza

It-testijiet

1. Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

Eżerċizzju fi grupp

Studju ta’ każ

2. Komunikazzjoni

Studju ta’ każ

Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

3. Kwalità u riżultati

Studju ta’ każ

Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

4. Tagħlim u żvilupp

Eżerċizzju fi grupp

Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

5. Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

Eżerċizzju fi grupp

Studju ta’ każ

6. Reżiljenza

Eżerċizzju fi grupp

Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

7. Ħidma ma’ oħrajn

Eżerċizzju fi grupp

Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

8. Ħiliet ta’ tmexxija

Eżerċizzju fi grupp

Intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali

Marki minimi meħtieġa: 3/10 għal kull kompetenza u 40/80 b’kollox.

Kompetenza

Taqsima

Marka minima meħtieġa

Kompetenzi relatati mal-qasam

Intervista relatata mal-qasam

50/100

6

Min-naħa l-oħra, konformement mat-tabelli inkwistjoni, kull kompetenza ġenerali kienet evalwata fuq 10 punti, b’marka minima ta’ 3/10 għal kull kompetenza u marka minima għal dawn il-kompetenzi kollha ta’ 40/80, filwaqt li l-kompetenzi relatati mal-qasam kienu evalwati fuq 100 punti b’marka minima meħtieġa ta’ 50/100.

7

Fis‑26 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent applika għall-kompetizzjoni.

8

Fl-att tal-kandidatura tiegħu, ir-rikorrent iddikjara, konformement mal-punt 1.3 tar-Regoli Ġenerali li Jirregolaw il-Kompetizzjonijiet Ġenerali fl-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolat “Opportunitajiet indaqs u aġġustamenti speċjali”, li huwa kellu bżonn arranġamenti partikolari sabiex jipparteċipa fl-eżamijiet, fosthom dawk bil-miktub fuq il-kompjuter, dawk bil-miktub fuq il-karta u dawk orali, minħabba diżabbiltà jew kundizzjoni medika li setgħet taffettwa l-kapaċità tiegħu li jipparteċipa fihom, [kunfidenzjali].

9

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad‑9 ta’ Diċembru 2019, it-tim tal-EPSO responsabbli għall-aċċessibbiltà informa lir-rikorrent li huwa kien awtorizzat, għall-eżami tal-istudju ta’ każ, [kunfidenzjali].

10

Matul il-proċedura ta’ selezzjoni, ir-rikorrent ġie mistieden jipparteċipa fl-erba’ eżamijiet ta’ kompetenzi organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni u, fl-istess ħin, fit-testijiet fil-forma ta’ kwestjonarji b’għażla multipla fuq il-kompjuter.

11

Fl‑10 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent ipparteċipa fl-ewwel eżami intiż għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali, jiġifieri l-eżami tal-istudju ta’ każ, f’ċentru ta’ evalwazzjoni estern li jinsab f’[kunfidenzjali]. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑18 ta’ Jannar 2020, huwa informa lit-tim tal-EPSO responsabbli għall-aċċessibbiltà bi problema li qamet matul dan l-eżami, jiġifieri li l-fornitur ta’ servizz inkarigat mill-EPSO bl-organizzazzjoni tal-eżami ma kienx ħallieh [kunfidenzjali]. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑22 ta’ Jannar 2020, it-tim tal-EPSO responsabbli għall-aċċessibbiltà rrikonoxxa, lir-rikorrent, l-eżistenza ta’ żball ta’ komunikazzjoni ma’ dan il-fornitur.

12

Fit‑3 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent ipparteċipa, f’ċentru ta’ evalwazzjoni fi Brussell (il-Belġju), fit-testijiet fil-forma ta’ kwestjonarji b’għażla multipla fuq il-kompjuter u fi tliet eżamijiet oħra ta’ kompetenzi, jiġifieri l-intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali, l-eżerċizzju fi grupp u l-intervista relatata mal-qasam.

13

Fis‑6 ta’ Marzu 2020, il-proċedura ta’ selezzjoni ġiet sospiża minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 u l-kriżi tas-saħħa li rriżultat minnha. F’din id-data, mhux il-kandidati kollha kienu għadhom għamlu l-eżamijiet organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

14

Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Lulju 2020, iffirmata minn kap ta’ diviżjoni tal-EPSO, f’isem il-president tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, ir-rikorrent ġie informat li kien ġie “deċiż li jerġgħu jibdew l-eżamijiet fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni fit-tieni nofs ta’ Settembru” u li “l-kandidati [li kienu] diġà għamlu l-eżamijiet tagħhom [ma kinux] ser jiġu kkonvokati mill-ġdid”.

15

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑28 ta’ Awwissu 2020, is-servizz ta’ kuntatt mal-kandidati tal-EPSO informahom li kien previst li l-marki li huma kienu kisbu qabel Marzu wara l-eżamijiet ta’ kompetenzi organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, b’mod fiżiku, jibqgħu validi, bl-eċċezzjoni għal dik miksuba wara l-eżerċizzju fi grupp, peress li dan l-eżerċizzju kien ġie ssostitwit b’eżami online li l-kandidati kollha kellhom jipparteċipaw fih, inklużi dawk li diġà kienu għamlu l-eżamijiet tal-kompetizzjoni f’Marzu 2020.

16

Ir-rikorrent, f’żewġ ilmenti tat‑28 ta’ Awwissu u tal‑15 ta’ Ottubru 2020, irreġistrati, rispettivament, taħt ir-referenza EPSOCRS‑50590 u bir-referenza EPSOCRS‑52914, esprima l-oppożizzjoni tiegħu għal dawn il-modalitajiet il-ġodda tal-eżamijiet previsti, filwaqt li enfasizza, b’mod partikolari, l-iżvantaġġ li dawn jikkawżaw lill-kandidati li kienu diġà għamlu l-eżamijiet f’Marzu 2020 u r-riskji sanitarji li jistgħu jġarrbu l-kandidati matul l-iżvolġiment ta’ dawn l-eżamijiet il-ġodda. Huwa insista wkoll fuq l-obbligu għall-EPSO li josserva l-avviż ta’ kompetizzjoni. Madankollu, huwa esprima r-rieda tiegħu li jipparteċipa fl-eżami l-ġdid li jissostitwixxi l-eżerċizzju fi grupp, bla ħsara għall-ilmenti tiegħu f’dan ir-rigward.

17

Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2020, iffirmata minn kap ta’ diviżjoni tal-EPSO, f’isem il-president tal-Bord tal-Għażla, il-kandidati ġew informati bit-tkomplija tal-proċedura ta’ selezzjoni, wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni.

18

Fil‑5 ta’ Novembru 2020, l-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2020, C 374A, p. 3, iktar ’il quddiem l-“addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni”).

19

L-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi, l-ewwel nett, li l-kandidati li ma kinux għamlu t-testijiet fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni b’mod fiżiku qabel is‑6 ta’ Marzu 2020 kellhom jagħmlu dawn it-testijiet kollha mill-bogħod. Sussegwentement, l-eżerċizzju fi grupp kien ġie ssostitwit b’intervista bbażata fuq il-kompetenza tas-sitwazzjoni, organizzata mill-bogħod permezz ta’ vidjokonferenza (situational competency-based interview, iktar ’il quddiem l-“intervista SCBI”). Fl-aħħar nett, il-kandidati li kienu għamlu l-eżamijiet kollha organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni qabel is‑6 ta’ Marzu 2020 ukoll kellhom jagħmlu l-imsemmija intervista, li l-marka tagħha tissostitwixxi dik miksuba wara l-eżerċizzju fi grupp.

20

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent irċieva konvokazzjoni ffirmata minn kap ta’ diviżjoni tal-EPSO, f’isem il-president tal-Bord tal-Għażla, sabiex jagħmel l-intervista SCBI fl‑14 ta’ Diċembru 2020. Fiha ġie ppreċiżat li, billi aċċetta din l-istedina, ir-rikorrent aċċetta l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni.

21

Ir-rikorrent ippreżenta ruħu għall-intervista SCBI tal‑14 ta’ Diċembru 2020.

22

Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Jannar 2021, iffirmata minn kap ta’ diviżjoni tal-EPSO, f’isem il-President tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, ir-rikorrent ġie informat bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva, minħabba li huwa ma kienx jagħmel parti mill-kandidati li kisbu l-aħjar marki globali fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, jiġifieri tal-inqas 119.5 punti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva”).

23

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑17 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrent talab l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva u ressaq, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni billi invoka, b’mod partikolari, trattament inugwali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mill-EPSO tal-arranġament speċjali tal-eżamijiet previst għall-benefiċċju tiegħu, l-assenza ta’ konformità tal-addendum mal-avviż ġenerali ta’ kompetizzjoni u t-trattament inugwali fir-rigward tal-kandidati l-oħra minħabba l-organizzazzjoni mill-bogħod tal-eżamijiet previsti inizjalment għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

24

Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ April 2021, iffirmata minn kap ta’ diviżjoni tal-EPSO, f’isem il-President tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, ir-rikorrent ġie informat bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid”).

25

Fit‑22 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrent ressaq ilment b’mod elettroniku lis-servizz ta’ kuntatt mal-kandidati tal-EPSO, irreġistrat bin-numru EPSOCRS‑61721, intiż sabiex jikseb dettalji dwar is-segwitu tal-ilment tiegħu tas‑17 ta’ Jannar 2021.

26

Permezz ta’ lment ġdid, irreġistrat bin-numru EPSOCRS‑65320, tat‑8 ta’ Mejju 2021, huwa ppreżenta talba għal aċċess għall-informazzjoni, fid-dokumentazzjoni tal-EPSO dwar il-kompetizzjoni, fir-rigward tan-numru ta’ kandidati inklużi fil-lista ta’ riżerva li jaħdmu jew li ħadmu bħala membri tal-persunal bil-kuntratt b’kuntratti għal żmien determinat jew b’kuntratti għal żmien indeterminat, bħala membri tal-persunal temporanju jew bħala esperti nazzjonali sekondati, fid-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kompetizzjoni, fit-tim tas-servizz legali responsabbli għall-kawżi tal-kompetizzjoni jew fi kwalunkwe servizz ieħor jew direttorat ġenerali ieħor tal-Kummissjoni, għal mill-inqas sena qabel il-bidu tal-proċedura ta’ kompetizzjoni.

II. It‑talbiet tal‑partijiet

27

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-lista ta’ riżerva, id-deċiżjonijiet dwar ir-reklutaġġ ta’ kandidati fuq din il-lista, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva, id-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid kif ukoll l-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni u l-konvokazzjoni tal‑20 ta’ Novembru 2020 sabiex issir l-intervista SCBI;

sussidjarjament, minn naħa, tannulla d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva u d-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid u tippreċiża fis-sentenza li ser tingħata r-rekwiżiti konkreti li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li kien fiha qabel l-illegalità mwettqa mill-Kumitat ta’ Selezzjoni, li jippermetti lill-Kummissjoni tinkludi ismu fil-lista ta’ riżerva immedjatament jew wara li tiġi evalwata mill-ġdid il-prestazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tannulla l-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni u l-konvokazzjoni tal‑20 ta’ Novembru 2020 sabiex issir l-intervista SCBI;

tikkonstata li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 265 TFUE billi naqset milli tibgħatlu deċiżjoni dwar l-ilment tiegħu tas‑17 ta’ Jannar 2021;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id‑dritt

[omissis]

A. Fuq l‑ewwel kap tat‑talbiet

32

Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tal-lista ta’ riżerva, tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reklutaġġ ta’ kandidati inklużi f’din il-lista, tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva, tad-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid kif ukoll tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-konvokazzjoni tal‑20 ta’ Novembru 2020 sabiex issir l-intervista SCBI.

[omissis]

1.   Fuq il‑mertu tal‑ewwel kap tat‑talbiet

36

Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel, fuq l-illegalità tal-modifika tal-modalitajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni, it-tieni, fuq trattament inugwali minħabba marda diġà eżistenti u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-arranġamenti previsti f’dan ir-rigward waqt il-parteċipazzjoni fl-eżamijiet tal-kompetizzjoni, it-tielet, fuq trattament inugwali meta mqabbel mal-kandidati li pparteċipaw fl-eżamijiet kollha mill-bogħod u, ir-raba’, fuq trattament inugwali meta mqabbel mal-kandidati li kienu, qabel il-kompetizzjoni, impjegati mill-Kummissjoni u li isimhom kien inkluż fil-lista ta’ riżerva.

a)   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq l‑illegalità tal‑modifika tal‑modalitajiet tal‑proċedura ta’ selezzjoni

37

Ir-rikorrent iqis li l-modifika tal-modalitajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni permezz tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni hija illegali sa fejn dan l-addendum issostitwixxa l-eżami tal-eżerċizzju fi grupp bl-intervista SCBI. Huwa jqis li din il-modifika fin-natura tal-eżamijiet, meta parti mill-kandidati, fosthom huwa stess, kienet diġà għamlet l-eżamijiet previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, hija nieqsa minn bażi legali minħabba n-natura a posteriori u retroattiva tagħha.

38

F’dan ir-rigward, l-ewwel, ir-rikorrent isostni li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq każ ta’ forza maġġuri marbut mal-pandemija ta’ COVID‑19 ma jistax jikkontradixxi din l-affermazzjoni. Fil-fehma tiegħu, kieku l-Kummissjoni ma kinitx naqset, b’mod żbaljat, milli tkompli l-proċedura ta’ selezzjoni fir-rebbiegħa u fis-sajf tal‑2020, perijodu li fih il-kundizzjonijiet sanitarji tas-sajf kienu iktar favorevoli, hija ma kinitx taffaċċja l-impossibbiltà li torganizza t-twettiq b’mod fiżiku tal-eżamijiet matul il-perijodu ta’ tkomplija effettiva tal-proċedura minn Novembru 2020. Huwa jżid li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li, mill-perijodu tax-xitwa, l-eżamijiet jitwettqu mill-bogħod kienet iġġustifikata mir-rieda inugwali li l-kandidati jiġu pprivileġġjati wkoll bħala membri tal-persunal fis-servizz tal-Kummissjoni u li l-kuntratti tagħhom setgħu jiskadu fi żmien qasir u medju.

39

It-tieni, il-modifika tal-modalitajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni permezz tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni tmur kontra l-Artikolu 1(1) u (2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħti lill-kandidati dritt għaż-żamma tal-modalitajiet tal-eżamijiet, billi jipprovdi, minn naħa, li n-natura tal-eżamijiet u kif ikunu mmarkati għandhom jiġu ppreċiżati fl-avviż ta’ kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali għandha ssir xahar qabel id-data finali prevista għar-riċezzjoni tal-kandidaturi u xahrejn qabel id-data tal-eżamijiet. Barra minn hekk, din il-modifika tmur kontra r-rekwiżit ta’ trasparenza li huwa bbażat fuq l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1d, tal-Artikolu 28(d) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiggarantixxi lill-kandidati f’kompetizzjoni l-benefiċċju ta’ proċedura ta’ selezzjoni stabbilita u prevedibbli qabel il-bidu tagħha.

40

It-tielet, l-intervista SCBI ma tikkostitwixxix eżami ieħor xieraq għall-eżerċizzju fi grupp sabiex tiġi ggarantita selezzjoni oġġettiva. Skont ir-rikorrent, id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni sabiex tipprova l-ekwivalenza tal-eżamijiet ma jistgħux jikkontradixxu din l-affermazzjoni.

41

Ir-raba’, ir-rikorrent iqis li l-EPSO kiser id-dmir ta’ premura tiegħu u d-dritt għal amministrazzjoni tajba, protett mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fuq dan l-aħħar punt, huwa jibbaża ruħu fuq l-aċċertament li huwa kellu li ma jipparteċipax mill-ġdid fl-eżamijiet, li oriġina mill-ittra tal‑1 ta’ Lulju 2020 li permezz tagħha kap ta’ diviżjoni tal-EPSO kien informah dwar it-tkomplija tal-eżamijiet fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni matul Settembru u li l-kandidati li diġà kienu pparteċipaw fl-eżamijiet ma kinux ser jiġu kkonvokati mill-ġdid.

42

Il-ħames, ir-rikorrent isostni li l-EPSO, mingħajr ma bbaża ruħu fuq bażi legali, b’mod unilaterali u inugwali u billi wettaq użu ħażin ta’ poter, ordna lill-kandidati kollha sabiex jipparteċipaw fl-intervista SCBI u kkunsidra li din il-parteċipazzjoni kienet tgħodd bħala aċċettazzjoni tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-kunsens tiegħu li jipparteċipa fl-eżamijiet skont il-modalitajiet il-ġodda ma setax jiġi preżunt, fid-dawl b’mod partikolari tal-ilmenti tiegħu u tal-fatt li l-parteċipazzjoni tiegħu kienet tagħmel parti minn obbligu minħabba t-theddida ta’ esklużjoni mill-proċedura li kienet twassal assenza ta’ parteċipazzjoni.

43

Is-sitt, u sussidjarjament, ir-rikorrent jinvoka ksur mill-EPSO tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-bażi legali u tal-motivi konkreti tad-deċiżjoni li jinbidel l-avviż ta’ kompetizzjoni.

44

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

[omissis]

1) Fuq l‑ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ bażi legali għall‑modifika tal‑modalitajiet tal‑proċedura ta’ selezzjoni permezz tal‑addendum għall‑avviż ta’ kompetizzjoni

50

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) sa (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi:

“1.   L-istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-[EPSO] bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil-proċeduri ta’ l-għażla ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni […]

2.   Il-kompitu ta’ l-[EPSO] jkun li

(a)

jorganizza, fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, kompetizzjonijiet individwali;

(b)

jipprovdi, fuq it-talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, appoġġ tekniku għall-kompetizzjonijiet interni, organizzati minnhom;

[…]

3.   L-[EPSO] jista’, fuq it-talba ta’ istituzzjonijiet individwali, iwettaq kompiti oħra konnessi ma’ l-għażla ta’ l-uffiċjali.”

51

Għalhekk, skont l-Artikolu 7(1) sa (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-EPSO għandu jipprovdi l-għajnuna tiegħu lill-istituzzjonijiet differenti billi jiddefinixxi u jorganizza l-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali filwaqt li josserva l-modalitajiet ġenerali stabbiliti mill-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2009, Aparicio et vs Il‑Kummissjoni, F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08, EU:F:2009:132, punt 57).

52

Konsegwentement, huwa fil-kuntest tas-setgħa li jiddefinixxi u li jorganizza l-eżamijiet tal-kompetizzjoni li huwa jislet mill-Artikolu 7(1) sa (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal li l-EPSO seta’ jiddeċiedi li jadotta l-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, din il-bażi legali kienet tippermetti lill-EPSO jimmodifika b’dan l-addendum il-modalitajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni.

2) Fuq l‑ilment ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

53

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita bħala li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, il-legalità ta’ miżura meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2004, Schumann vs Il‑Kummissjoni, T‑49/03, EU:T:2004:314, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u l-qorti tal-Unjoni għandha tistabbilixxi dawn il-modalitajiet biss sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla magħmula bejn dawn il-modalitajiet (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Helbert vs EUIPO, T‑548/18, EU:T:2021:4, punt 30). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fl-istess limiti, lill-Bord tal-Għażla, meta dan tal-aħħar ikun ikkonfrontat b’irregolaritajiet jew żbalji li saru waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali b’parteċipazzjoni kbira li ma jistgħux, skont il-prinċipji ta’ proporzjonalità u amministrazzjoni tajba, jiġu kkumpensati b’repetizzjoni tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs Il‑Kummissjoni, T‑167/99 u T‑174/99, EU:T:2001:126, punt 58). Għandu jiġi rrikonoxxut li l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu tali setgħa diskrezzjonali wiesgħa anki meta dan jiġi kkonfrontat b’każijiet ta’ forza maġġuri.

55

Ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina l-kontenut iddettaljat ta’ eżami, ħlief jekk dan imur lil hinn mill-qafas indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew jekk ma jkunx kompatibbli mal-iskopijiet tal-eżami jew tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2002, Felix vs Il‑Kummissjoni, T‑193/00, EU:T:2002:29, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, minkejja li l-EPSO ma huwiex Bord tal-Għażla, il-prinċipji mfakkra fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq jistgħu jiġu estiżi għalih, peress li huwa għandu marġni ta’ manuvra wiesa’ fl-organizzazzjoni tat-testijiet ta’ selezzjoni, bl-għan b’mod partikolari li tiġi ggarantita l-applikazzjoni ta’ standards uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2009, Aparicio et vs Il‑Kummissjoni, F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08, EU:F:2009:132, punti 7778). Din il-marġni ta’ manuvra għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-pandemija tal‑COVID‑19, li affettwat b’mod sinjifikattiv l-organizzazzjoni tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni b’parteċipazzjoni numeruża.

57

F’dan ir-rigward, il-pandemija tal‑COVID‑19 matul ix-xitwa tal‑2020, sitwazzjoni epidemjoloġika esterna, anormali u imprevedibbli għall-EPSO, li tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, wasslet lill-Istati Membri sabiex jadottaw fir-rigward taċ-ċittadini tagħhom miżuri ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ta’ laqgħat b’miżuri sanitarji. L-EPSO kellu josserva dawn il-miżuri fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni mingħajr ma seta’ jeżerċita kontroll fuq dawn tal-aħħar. Konsegwentement, l-imsemmija pandemija kienet tikkostitwixxi għall-EPSO każ ta’ forza maġġuri li affettwa l-organizzazzjoni tal-imsemmija eżamijiet b’mod sinjifikattiv, jiġifieri, skont ġurisprudenza stabbilita, ċirkustanza esterna, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati minnu, minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, C u CD (Ostakoli ġuridiċi għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konsenja), C‑804/21 PPU, EU:C:2022:307, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-kuntest, il-punti 1 u 2 tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni msemmi fil-punt 47 iktar ’il fuq ifakkru, qabel kollox, li l-EPSO kellu, minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, jinterrompi u jissospendi matul il-proċedura l-attivitajiet kollha tiegħu marbuta maċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, mis‑6 ta’ Marzu 2020, sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni tal-miżuri kollha ta’ prekawzjoni xierqa. Sussegwentement, fihom jitfakkar li, waqt it-tkomplija tal-proċedura ta’ selezzjoni minkejja l-imsemmija pandemija, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, ma kienx possibbli li jiġu organizzati fi żmien qasir l-eżamijiet b’mod fiżiku fil-bini tal-EPSO u li, fl-aħħar nett, sabiex ikun jista’ jikkonkludi l-kompetizzjoni f’terminu raġonevoli, l-EPSO kien iddeċieda li jorganizza t-twettiq online (mill-bogħod) tal-eżamijiet inizjalment previsti fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

59

Għaldaqstant, l-EPSO kellu quddiemu każ ta’ forza maġġuri li jirrendi impossibbli ppjanar affidabbli tal-eżamijiet minħabba l-evoluzzjoni imprevedibbli tal-pandemija sa mis‑6 ta’ Marzu 2020 u l-probabbiltà żgħira ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ selezzjoni fil-ħarifa tal‑2020 f’kundizzjonijiet simili għal dawk fis-seħħ qabel il-pandemija tal-COVID‑19. Fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu u tas-setgħat li huwa għandu taħt l-Artikolu 7(1) sa (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, l-EPSO għalhekk seta’ jqis li adattament tal-modalitajiet tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni kien meħtieġ, sabiex tiġi żgurata t-tkomplija ta’ din il-proċedura filwaqt li tiġi ppreżervata s-saħħa tal-kandidati u sabiex jiġu limitati l-effetti possibbilment dannużi li jirriżultaw mis-sospensjoni jew mit-tkomplija tal-imsemmija proċedura kemm għall-kandidati kif ukoll għall-istituzzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, huwa seta’ jiddeċiedi li dan l-adattament kellu jsir biss sa fejn kien strettament neċessarju fid-dawl ta’ dan l-għan.

60

Fuq dan l-aħħar punt, qabelxejn, mill-proċess jirriżulta li, fit‑13 ta’ Marzu 2020, minn 385 kandidat ikkonvokati għall-eżamijiet organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għaż-żewġ proċeduri ta’ selezzjoni li kienu għaddejjin, iżda sospiżi, il-maġġoranza kbira tal-kandidati, jiġifieri 289 kandidat, kienu diġà għamlu l-eżamijiet b’mod fiżiku.

61

Għandu jiġi rrilevat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-EPSO pprova jieħu inkunsiderazzjoni l-interess ta’ dawn il-kandidati li kienu diġà għamlu l-eżamijiet, li kienu l-maġġoranza min-numru ta’ kandidati rreġistrati, li ma jkunux obbligati li jerġgħu jagħmluhom, peress li dan l-interess għalhekk jitlob iż-żamma tal-eżamijiet fil-prinċipju tagħhom kif ukoll ir-riżultati relatati magħhom, miksuba qabel is-sospensjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni. Hija ġustament ikkunsidrat li s-soluzzjoni li tikkonsisti, għall-kandidati kollha, li jipparteċipaw mill-ġdid, mill-bogħod, fl-eżamijiet kollha kienet tkun sproporzjonata u kuntrarja għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-interess tal-imsemmija kandidati.

62

Sussegwentement, mill-istudji ġenerali preliminari pprovduti mill-EPSO jirriżulta li l-modalitajiet ta’ twettiq tal-eżamijiet mill-bogħod kienu diġà ġew ipprattikati u esperjenzati matul il-proċeduri preċedenti ta’ selezzjoni u li għalhekk setgħu jiġu kkunsidrati mill-amministrazzjoni u mill-kandidati bħala teknikament affidabbli u li ma jinvolvux differenzi sinjifikattivi f’dak li jirrigwarda l-korrettezza tal-evalwazzjoni u r-riżultati tal-kandidati, minbarra li dawn kienu appoġġati minnhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dawn l-istudji preliminari, l-EPSO seta’ raġonevolment, minn naħa, jipprevedi li jiffavorixxi tip ta’ modalitajiet għat-twettiq ta’ eżamijiet mill-bogħod sabiex tiġi ppreżervata s-saħħa tal-kandidati u, min-naħa l-oħra, iqis li t-twettiq, mill-bogħod, mill-kandidati li kienu għadhom ma għamlux l-eżamijiet fid-data tas-sospensjoni tal-proċedura, tal-eżamijiet tal-intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali, tal-intervista relatata mal-qasam u tal-istudju ta’ każ ma jeħtiġilhomx bħala prinċipju sforz ta’ adattament eċċessiv li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

63

Fl-aħħar, fir-rigward tal-eżami tal-eżerċizzju fi grupp, għandu jiġi rrilevat li l-EPSO, abbażi ta’ konsultazzjonijiet ma’ speċjalisti u ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi, ħa inkunsiderazzjoni l-kumplessità teknika u n-natura mhux xierqa tal-organizzazzjoni tat-twettiq ta’ dan l-eżami skont modalitajiet li jsiru mill-bogħod, peress li dan jinvolvi dinamika speċifika marbuta mal-preżenza fiżika tal-kandidati fuq il-post u jservi għall-evalwazzjoni f’dan il-kuntest ta’ kompetenzi partikolari. Għalhekk, fil-kuntest tal-marġni wiesa’ ta’ manuvra li għandu, l-EPSO seta’ jqis li dawn id-diffikultajiet kienu jimplikaw li l-eżami mill-ġdid tal-eżerċizzju fi grupp jiġi ddefinit mill-ġdid.

64

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 5, intitolat “Iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni”, li jinsab taħt it-titolu “Kif nintgħażel?”, tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi t-tqassim bejn l-eżamijiet tal-evalwazzjoni tat-tmien kompetenzi koperti mill-kompetizzjoni u li, għalhekk, eżami simili għal dak tal-eżerċizzju fi grupp kien imperattivament meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tar-riżultati miksuba skont evalwazzjoni addizzjonali doppja tas-sitt kompetenzi li ġejjin: “analiżi u soluzzjoni tal-problemi”, “tagħlim u żvilupp”, “prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni”, “reżiljenza”, “ħidma ma’ oħrajn” u “ħiliet ta’ tmexxija” (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

65

Konsegwentement, it-tneħħija pura u sempliċi tal-eżami tal-eżerċizzju fi grupp ma setgħetx tiġi prevista mill-EPSO, għaliex inkella l-Bord tal-Għażla kien ikollu jwettaq evalwazzjoni inkompleta tal-kompetenzi evalwati tal-kandidati. L-EPSO seta’ għalhekk iqis, dejjem fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li l-organizzazzjoni ta’ eżami intiż sabiex jevalwa dawn is-sitt kompetenzi kienet għadha neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-validità tar-riżultati kollha tal-kandidati.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intervista SCBI ġiet imfassla mill-EPSO bħala eżami li jevalwa kompetenzi simili għal dawk evalwati fil-kuntest tal-eżerċizzju fi grupp, filwaqt li kellha l-vantaġġ li hija iktar faċli li tiġi organizzata u tipprovdi affidabbiltà teknika ta’ evalwazzjoni ikbar milli l-eżerċizzju fi grupp meta dawn l-eżamijiet jiġu organizzati mill-bogħod.

67

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-adozzjoni mill-EPSO tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni li jistabbilixxi l-intervista SCBI tirriżulta mill-għażla tal-EPSO li jirrikorri għall-metodu ta’ eżami l-inqas oneruża għall-kandidati kollha fid-dawl taċ-ċirkustanza eċċezzjonali li hija l-pandemija tal-COVID‑19.

68

Għaldaqstant, il-modifika inkwistjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

3) Fuq l‑ilment ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ osservanza tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali

69

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il‑Kunsill, C‑227/04 P, EU:C:2007:490, punt 63, u tal‑20 ta’ Marzu 2012, Kurrer et vs Il‑Kummissjoni, T‑441/10 P sa T‑443/10 P, EU:T:2012:133, punt 53). Barra minn hekk, f’qasam li jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza jinkiser meta l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2012, Kurrer et vs Il‑Kummissjoni, T‑441/10 P sa T‑443/10 P, EU:T:2012:133, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jippreżumi li t-trattament kontenzjuż joħloq żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jiżgura strettament l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati matul l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni. Għalkemm il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet, hija madankollu l-qorti tal-Unjoni li għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha sa fejn huwa neċessarju sabiex tiżgura trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla bejniethom min-naħa tal-Bord tal-Għażla (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 132). F’dan il-kuntest, hija wkoll l-Awtorità tal-Ħatra, bħala organizzatur tal-kompetizzjoni, kif ukoll tal-Bord tal-Għażla li għandha taġixxi sabiex il-kandidati kollha fl-istess kompetizzjoni jagħmlu l-istess eżami taħt l-istess kundizzjonijiet. B’hekk, huwa l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li għandu jiżgura ruħu li l-eżamijiet jippreżentaw effettivament l-istess livell ta’ diffikultà għall-kandidati kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1988, Goossens et vs Il‑Kummissjoni, 228/86, EU:C:1988:172, punt 15, u tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il‑Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Barra minn hekk, sabiex jiżgura l-ugwaljanza bejn il-kandidati, il-koerenza tal-immarkar u l-oġġettività tal-evalwazzjoni, il-Bord tal-Għażla għandu jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-kandidati kollha (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Helbert vs EUIPO, T‑548/18, EU:T:2021:4, punt 32). Dan ir-rekwiżit huwa impost b’mod partikolari fl-eżamijiet orali, peress li dawn l-eżamijiet huma min-natura tagħhom inqas standardizzati mill-eżamijiet bil-miktub (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Helbert vs EUIPO, T‑548/18, EU:T:2021:4, punt 33).

73

Madankollu, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huma possibbli, bil-kundizzjoni li jkunu “iġġustifikat[i] fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli” u li jissodisfaw għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, MZ vs Il‑Kummissjoni, T‑631/20, EU:T:2022:426, punt 62).

74

Għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u, b’mod partikolari, fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa mill-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u, skont dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni, hija rregolata b’mod obbligatorju mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk ikunu oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati għall-bżonnijiet reali tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, MZ vs Il‑Kummissjoni, T‑631/20, EU:T:2022:426, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-EPSO organizza l-eżami orali tal-intervista SCBI għall-kandidati kollha, jiġifieri tkun xi tkun is-sitwazzjoni tagħhom fid-data tat-tkomplija tal-proċedura ta’ selezzjoni, b’sostituzzjoni għal dik tal-eżerċizzju fi grupp, bl-għan li jiġu evalwati l-istess kompetenzi bħal dawk speċifikament imsemmija fl-eżami tal-eżerċizzju fi grupp.

76

Fir-rigward tal-organizzazzjoni partikolari tal-eżami l-ġdid tal-intervista SCBI, minn naħa, għandu jiġi konkluż li l-EPSO żgura li, permezz ta’ dan l-eżami, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni jippermetti lill-kandidati kollha li jiġu evalwati b’mod koerenti u ugwali fuq is-sitt kompetenzi msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 71 u 72 iktar ’il fuq. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-EPSO ttratta l-kandidati kollha b’mod ugwali.

77

Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, fir-rigward tal-organizzazzjoni ġenerali tal-kompetizzjoni, l-EPSO ttratta bl-istess mod il-kandidati li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti, jiġifieri l-kandidati li kienu diġà għamlu l-eżamijiet previsti inizjalment fl-avviż ta’ kompetizzjoni u l-kandidati li kienu għadhom ma għamluhomx.

78

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kienx oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

79

Mill-punt 4 tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta li dan it-trattament kien immotivat mill-obbligu tal-EPSO li jiżgura t-trattament ugwali tal-kandidati kollha fir-rigward tat-twettiq tal-eżami tal-intervista SCBI. Tali identiċità fit-trattament kienet għalhekk koerenti mal-għan tal-intervent tal-EPSO fil-proċedura ta’ selezzjoni, stabbilit fl-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien jikkonsisti fit-teħid tal-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ standards uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni. Għaldaqstant, din tidher oġġettivament iġġustifikata fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 69 u 73 iktar ’il fuq.

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-EPSO ma kisirx, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta stieden lir-rikorrent sabiex jagħmel l-eżami tal-intervista SCBI.

4) Fuq l‑ilment ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ osservanza tal‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

81

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) u (2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt. Irid jispeċifika:

(a)

l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa, fejn ikun il-każ, komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar);

(b)

it-tip ta’ kompetizzjoni (jekk mhux fuq bażi ta’ jew il-kwalifiki jew l-eżamijiet, jew ta’ kemm il-kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet);

(ċ)

it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fil-posizzjoni li għandha timtela u l-grupp tal-funzjoni u l-grad offrut;

[…]

(e)

meta l-kompetizzjoni hija fuq bażi ta’ eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati;

[…]

L-avviż tal-kompetizzjonijiet miftuħa komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar jitħejja mill-awtorità tal-ħatra imsemmija l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt komuni.

2.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet miftuħa jkun ippubblikat fil-[Ġurnal Uffiċjali] mhux anqas minn xahar qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet u, fejn ikun il-każ, mhux anqas minn xahrejn qabel id-data ta’ l-eżamijiet.”

82

Għalhekk, skont l-Artikolu 1(1)(e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni għandu jispeċifika, għall-kompetizzjonijiet ibbażati fuq eżamijiet, in-natura tal-eżamijiet u kif dawn ikunu mmarkati (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Taghani vs Il‑Kummissjoni, F‑93/11, EU:F:2013:40, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, 144/82, EU:C:1983:211, punt 27).

83

Barra minn hekk, għalkemm il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, dan huwa marbut mit-test tal-avviż ta’ kompetizzjoni kif ġie ppubblikat. It-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxu kemm il-kuntest tal-legalità kif ukoll il-kuntest ta’ evalwazzjoni għall-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2004, Schumann vs Il‑Kummissjoni, T‑49/03, EU:T:2004:314, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni biddel, wara l-konklużjoni tal-eżamijiet ta’ ammissjoni għal parti mill-kandidati, il-modalitajiet tal-evalwazzjoni tal-kompetenzi koperti mill-eżami tal-eżerċizzju fi grupp, billi biddel in-natura ta’ dan l-eżami, iddefinit minn qabel skont l-Artikolu 1(1)(e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jissostitwixxih b’eżerċizzju individwali mill-bogħod li jieħu l-forma tal-intervista SCBI.

85

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20, u tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 90). Dawn il-prinċipji jipprekludu li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkollha effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief, eċċezzjonalment, meta l-għan li għandu jintlaħaq jeżiġi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati jiġu debitament osservati (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, kif iqis ir-rikorrent, il-modifika mhux prevedibbli tan-natura tal-eżami wara l-iżvolġiment parzjali tiegħu tiksirx il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq.

87

F’dan il-każ, minn naħa, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-għan li għandu jintlaħaq, għandu jitfakkar li ċ-ċirkustanza eċċezzjonali li tikkostitwixxi l-pandemija tal-COVID‑19 kienet tiġġustifika l-adozzjoni tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni, sabiex, għall-benefiċċju tal-kandidati u tal-istituzzjoni, il-proċedura ta’ selezzjoni tkun tista’ titkompla f’kundizzjonijiet possibbli, proporzjonati u aċċettabbli mill-perspettiva sanitarja (ara l-punti 58 sa 67 iktar ’il fuq). B’dan il-mod, din l-adozzjoni kienet intiżi, fl-aħħar mill-aħħar, għall-effettività tar-reklutaġġ permezz ta’ kompetizzjoni. Peress li l-modifika inkwistjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni kienet meħtieġa, eċċezzjonalment, mill-għan li jiġi ggarantit, minkejja d-diffikultajiet tal-kuntest sanitarja, ir-reklutaġġ kopert minn din il-proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni ta’ eċċezzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq hija ssodisfatta.

88

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ eċċezzjoni dwar ir-rispett tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent, huwa minnu li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati. Id-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippreżumi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 57 iktar ’il fuq, l-EPSO kellu quddiemu, matul il-proċedura, każ ta’ forza maġġuri marbut mal-pandemija tal-COVID‑19, li jirrendi impossibbli f’dawn iċ-ċirkustanzi ż-żamma tal-modalitajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni inizjalment iddefiniti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ din il-kawża, ir-rikorrent ma jistax jinvoka allegat nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex dawn il-modalitajiet jiġu applikati fil-konfront tiegħu.

90

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-EPSO, minkejja li biddel in-natura tal-eżami tal-eżerċizzju fi grupp, xorta impenja ruħu li jikkonċepixxi din il-modifika b’mod li jippermetti li jiġi osservat l-għan ta’ dan l-eżami kif iddefinit fil-punt 5 li fih it-titolu “Kif nintgħażel?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni, jiġifieri dak li jiġu evalwati s-sitt kompetenzi ddettaljati f’dan il-punt. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-modifika tar-regoli dwar in-natura ta’ dan l-eżami ma affettwatx il-possibbiltà tar-rikorrent li jiġi effettivament evalwat fuq dawn is-sitt kompetenzi, peress li ġie mistieden jipparteċipa fl-eżami l-ġdid tal-intervista SCBI bl-istess mod bħall-kandidati l-oħra kollha.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li l-EPSO jislet mill-Artikolu 7(1) u (2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal il-kompetenza li jorganizza l-kompetizzjonijiet ġenerali u li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ standards uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni, billi f’dan ir-rigward kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, dan ma kienx obbligat jiġbor minn qabel il-kunsens tal-kandidati, fosthom ir-rikorrent, fir-rigward ta’ modifika tal-modalitajiet tal-eżamijiet. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrent li l-kunsens tiegħu li jipparteċipa fl-eżamijiet ma setax jiġi preżunt (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

92

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ittra tal‑1 ta’ Lulju 2020 (ara l-punti 14 u 41 iktar ’il fuq), l-EPSO speċifika fiha li, “fid-dawl tal-iżviluppi reċenti u tal-politiki adottati mill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni tal-COVID‑19, [ġie] deċiż li t-tkomplija [tal-proċedura] issir fiċ-ċentri ta’ evalwazzjoni madwar it-tieni nofs ta’ Settembru”. Għalhekk, għalkemm din l-ittra tippreċiża effettivament li l-“[k]andidati li diġà għamlu [l-eżamijiet] fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni ma humiex [ser jiġu] mistiedna mill-ġdid”, xorta jibqa’ l-fatt li din l-informazzjoni hija espliċitament suġġetta għat-titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika deskritta preċedentement u tirreferi għal tkomplija b’mod fiżiku tal-proċedura ġewwa ċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, jiġifieri skont il-modalitajiet previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Din il-kundizzjonalità ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi favur ir-rikorrent fir-rigward taż-żamma tal-proċedura b’mod fiżiku fil-każ li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tiddeterjora u fejn ċirkustanzi ta’ forza maġġuri jeħtieġu neċessarjament li din tiġi adattata sabiex tippermetti t-tkomplija tagħha.

93

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

b)   Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq trattament inugwali meta mqabbel mal‑kandidati li pparteċipaw fl‑eżamijiet kollha mill‑bogħod

115

Ir-rikorrent jenfasizza li għamel, b’mod fiżiku, l-eżamijiet tal-intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali u tal-intervista relatata mal-qasam fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni fit‑3 ta’ Marzu 2020, filwaqt li l-kandidati li ma kinux għamlu dawn l-eżamijiet f’dik id-data sussegwentement għamluhom mill-bogħod permezz ta’ vidjokonferenza, fil-kuntest tat-tkomplija tal-proċedura mill-ħarifa 2020. Minħabba din id-differenza bejn il-modalitajiet ta’ twettiq tal-eżamijiet, l-EPSO, minn naħa, irriżervalu trattament inugwali meta mqabbel ma’ dak mogħti lil dawn il-kandidati l-oħra u, min-naħa l-oħra, wettaq żbalji proċedurali.

116

Minn naħa, ir-rikorrent isostni li, fl-ipoteżi fejn l-eżerċizzji li ġew ippreżentati u l-mistoqsijiet li saru lill-kandidati fl-eżamijiet organizzati mill-bogħod kienu l-istess bħal dawk ipprattikati mal-kandidati li kienu diġà għamlu b’mod fiżiku t-testijiet organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, tal-ewwel kienu jkunu vvantaġġati meta mqabbla mat-tieni permezz tal-għoti ta’ ħin addizzjonali sabiex iwieġbu l-mistoqsijiet, peress li dan il-ħin huwa inerenti għat-trażmissjoni mill-ġdid elettronika prevista skont il-modalitajiet il-ġodda ta’ twettiq tal-eżamijiet mill-bogħod. Bis-saħħa ta’ dan il-ħin addizzjonali, dawn il-kandidati kellhom aċċess għal kundizzjonijiet aħjar ta’ intervista ta’ natura li jkollhom riperkussjonijiet pożittivi fuq il-marki tagħhom. Huwa jirrileva li l-EPSO ma pprovax jikkoreġi jew jikkumpensa dan l-iżvantaġġ, minkejja li tali miżuri huma legalment ammessi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki.

117

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li l-istabbiliment mill-EPSO ta’ kundizzjonijiet ta’ eżami oġġettivament inugwali bejn il-kandidati jimplika li dan wettaq żball proċedurali meta adotta l-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni la l-interess tar-rikorrent u lanqas dak tal-kandidati l-oħra li għamlu l-eżamijiet b’mod fiżiku. Huwa jqis li l-fatt li d-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid ma tinkludi l-ebda ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward, filwaqt li t-talba għal eżami mill-ġdid madankollu kellha dan l-għan, iwassal għall-ksur mill-EPSO tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

118

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

[omissis]

124

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat trattament inugwali marbut mal-organizzazzjoni tal-eżamijiet b’mezz elettroniku, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li permezz tagħha Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jirrifjuta li jinkludi kandidat fil-lista ta’ riżerva, il-Qorti Ġenerali vverifikat l-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, jiġifieri d-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari ta’ proċedura, iddefiniti mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż ta’ kompetizzjoni, u dawk li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari d-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla u l-osservanza minn dan tal-aħħar tat-trattament ugwali tal-kandidati, kif ukoll l-assenza ta’ użu ħażin tal-poter (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, JP vs Il‑Kummissjoni, T‑179/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:423, punt 67).

125

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 69 sa 74 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat u jissodisfa għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Barra minn hekk, huwa l-Bord tal-Għażla, obbligat li jiżgura l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-kandidati kollha, li għandu jaġixxi sabiex il-kandidati kollha fl-istess kompetizzjoni jagħmlu l-istess eżami fl-istess kundizzjonijiet u b’hekk jiżgura li l-eżamijiet jippreżentaw sostanzjalment l-istess livell ta’ diffikultà għall-kandidati kollha. Dan ir-rekwiżit huwa impost b’mod partikolari fl-eżamijiet orali.

126

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li kull kompetizzjoni tinvolvi, b’mod ġenerali u b’mod inerenti, riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament. B’hekk, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jiġi kkonstatat biss meta l-Bord tal-Għażla ma jkunx illimita, fl-għażla tal-eżamijiet, ir-riskju ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet inerenti għaliha, b’mod ġenerali, f’kull eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 133). Konsegwentement, id-deċiżjoni li kandidat ma jiġix inkluż f’lista ta’ riżerva għandha tiġi annullata jekk jirriżulta li l-kompetizzjoni kienet organizzata b’mod li tiġġenera riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament ogħla minn dak inerenti għal kull kompetizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-kandidat ikkonċernat jipproduċi l-prova tal-fatt li ċerti kandidati kienu effettivament ivvantaġġati (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il‑Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punt 46).

127

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-bidla tal-modalitajiet tal-eżamijiet hija r-riżultat tan-neċessità għall-EPSO, ikkonfrontat bil-pandemija tal-COVID‑19 li tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, li jiżgura t-tkomplija tal-proċedura ta’ selezzjoni f’kundizzjonijiet ugwali għall-kandidati kollha, filwaqt li jadatta, b’mod proporzjonat, il-modalitajiet tal-eżamijiet sabiex jillimita l-effetti possibbilment dannużi li jirriżultaw mis-sospensjoni jew mit-tkomplija tal-proċedura, kemm għall-kandidati kif ukoll għall-istituzzjoni li tirrekluta (ara l-punt 59 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għalkemm il-kandidati f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-kompetizzjoni kienu ġew ittrattati b’mod differenti fil-kuntest tat-twettiq tal-eżamijiet minħabba diversi modalitajiet ta’ żvolġiment, tali trattament kien madankollu oġġettivament iġġustifikat u jissodisfa għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

128

Barra minn hekk, l-istudji preliminari, li fuqhom l-EPSO bbaża ruħu sabiex jimmodifika l-modalitajiet tal-eżamijiet, isemmu li l-modalitajiet ta’ twettiq tal-eżamijiet mill-bogħod fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 kienu ġew esperimentati matul eżamijiet preċedenti u setgħu, ex post, jiġu kkunsidrati bħala teknikament affidabbli u li ma jinvolvux differenzi sinjifikattivi f’dak li jirrigwarda l-korrettezza tal-evalwazzjonijiet u r-riżultati tal-kandidati, minbarra li dawn kienu appoġġati minnhom (ara l-punt 62 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-punti 2 u 4 tal-addendum għall-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta, essenzjalment, li l-kandidati għamlu l-istess eżamijiet fis-sustanza, bil-każ partikolari tal-eżerċizzju fi grupp issostitwit mill-intervista SCBI li twettqet minn kulħadd, u li, għaldaqstant, kienu biss il-forma u l-ambjent tat-twettiq tal-eżamijiet li kienu nbidlu, filwaqt li l-eżamijiet baqgħu identiċi fil-kontenut tagħhom, fil-metodoloġija tagħhom u fid-diffikultà tagħhom.

129

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li waqt it-twettiq tal-eżamijiet minn kull kandidat, għalkemm il-kriterji ta’ evalwazzjoni kienu identiċi għall-kandidati kollha tkun xi tkun il-modalità ta’ twettiq tal-eżamijiet, l-eżaminaturi kellhom madankollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tat-twettiq tal-intervisti, tas-suġġetti u tal-oqsma msemmija fil-kamp tal-avviż ta’ kompetizzjoni kif ukoll tal-mistoqsijiet magħmula. Fil-fatt, l-evalwazzjonijiet li jsiru minn Bord tal-Għażla meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ deċiżjoni ta’ valur fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ kull kandidat waqt l-eżami u taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Bord tal-Għażla. Huma jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ mill-qorti fil-każ biss ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla b’dik tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 275).

130

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-trattament differenzjat tal-kandidati marbut mal-fatt li l-eżamijiet inizjalment previsti fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni ma seħħewx kollha b’mod fiżiku ma setax, f’dan il-każ, jagħti vantaġġ lil uħud minnhom meta mqabbla ma’ oħrajn u lanqas ma ħoloq riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament ogħla minn dak inerenti għal kull kompetizzjoni. Peress li l-implimentazzjoni ta’ dan it-trattament differenzjat hija, barra minn hekk, risposta għal każ ta’ forza maġġuri, għandu jiġi konkluż li, għal dawn ir-raġunijiet kollha, din id-differenza fit-trattament, oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, ma wasslitx għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

131

Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

SY għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll nofs dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

da Silva Passos

Valančius

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Diċembru 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

( 1 ) Qegħdin jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.