Kawża T‑126/21

AO Nevinnomysskiy Azot
u
AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal‑5 ta’ Lulju 2023

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja – Dazji antidumping definittivi – Talba għal reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri – Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 5(3) u (9) tar-Regolament 2016/1036 – Terminu legali – Natura suffiċjenti tal-provi – Proċedura għall-ikkompletar tal-informazzjoni – Informazzjoni ppreżentata barra mit-terminu legali”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Produzzjoni tal-provi – Terminu – Produzzjoni tardiva tal-provi u tal-offerti ta’ prova – Kundizzjonijiet – Provi prodotti fil-mori tal-kawża bi tweġiba għall-argumenti mressqa mill-konvenut bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 85(2) u (3) u 92(7))

    (ara l-punti 18-25)

  2. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (ara l-punti 29, 30)

  3. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni – Interpretazzjoni tar-Regolament 2016/1036 fid-dawl tal-Ftehim Antidumping tal-GATT tal‑994 – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

    (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994; Ftehim dwar l-Implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim Antidumping tal-1994); Artikolu 2.2.1.1; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2016/1036, premessi 2, 3 u 4, u Artikoli 5 u 11(2))

    (ara l-punti 32-36)

  4. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Talba għal reviżjoni ta’ miżuri li ser jiskadu mressqa minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom – Terminu legali – Rekwiżit ta’ tressiq tat-talba mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza tal-miżuri antidumping – Evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet għall-bidu ta’ reviżjoni – Kundizzjonijiet – Talba għandha tinkludi provi suffiċjenti tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri antidumping

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 11(2))

    (ara l-punti 65-70, 72, 103, 104, 126)

  5. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Talba għal reviżjoni ta’ miżuri li ser jiskadu mressqa minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom – Terminu legali – Rekwiżit ta’ tressiq tat-talba mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza tal-miżuri antidumping – Possibbiltà għall-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali wara t-terminu legali – Limiti – Informazzjoni tista’ biss tikkompleta jew tikkorrobora l-provi mibgħuta fit-terminu legali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 11(2))

    (ara l-punti 71, 73-77)

  6. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ reviżjoni ta’ miżuri li ser jiskadu – Distinzjoni mill-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 5(3) u (9) u 11(5))

    (ara l-punti 80-92, 101)

  7. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Element li għandu jitqies bi prijorità – Prezz applikat matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali – Derogi previsti mir-Regolament Antidumping bażiku – Ġerarkija tal-metodi għad-determinazzjoni tal-valur normali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 2(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3))

    (ara l-punti 116-120)

Sunt

Fl‑2018, wara reviżjoni interim tal-miżuri ta’ dumping applikati għall-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1722 li jżomm dazju antidumping definittiv fuq l-imsemmija importazzjonijiet ( 1 ).

Fil‑21 ta’ Ġunju 2019, Fertilizers Europe, assoċjazzjoni Ewropea ta’ produtturi ta’ fertilizzanti, ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għall-ftuħ ta’ reviżjoni tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri antidumping, abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ( 2 ) (iktar ’il quddiem it-“talba inizjali”). Fl‑20 ta’ Awwissu 2019, fuq talba tal-Kummissjoni, hija pprovdiet informazzjoni addizzjonali li ġiet integrata f’verżjoni kkonsolidata tat-talba inizjali.

Il-Kummissjoni qieset li kien hemm biżżejjed provi sabiex tinbeda reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri u sabiex issir investigazzjoni. Fi tmiem din l-investigazzjoni, hija ddeċidiet li testendi l-miżuri inkwistjoni għal perijodu ta’ ħames snin, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2100 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-Russja ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

AO Nevinnomysskiy Azot u AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”, żewġ kumpanniji stabbiliti fir-Russja li jipproduċu u jesportaw il-prodott ikkonċernat, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

Permezz tas-sentenza tagħha mogħtija f’Awla Estiża, il-Qorti Ġenerali tilqa’ dan ir-rikors, u b’hekk tannulla r-Regolament ikkontestat. F’din l-okkażjoni, hija tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-kontenut ta’ talba għal reviżjoni abbażi tal-iskadenza ta’ miżuri antidumping, imressqa minn produtturi tal-Unjoni jew f’isimhom abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, kif ukoll dwar in-natura tal-informazzjoni addizzjonali li tista’ tiġi ppreżentata minn lanjant matul it-tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, bdiet il-proċedura ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, minkejja l-assenza ta’ provi suffiċjenti sabiex tagħmel dan, u b’hekk kisret ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

F’dan ir-rigward, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li talba għal reviżjoni għandha titressaq mill-produtturi tal-Unjoni, jew f’isimhom, mhux iktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-miżuri antidumping (iktar ’il quddiem it-“terminu legali”). Barra minn hekk, tali talba għandha tinkludi, sa mhux iktar tard minn din id-data, provi suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, sabiex jiġi ġġustifikat il-bidu tar-reviżjoni.

Skont il-Qorti Ġenerali, ir-rekwiżiti ddefiniti b’dan il-mod fir-rigward tat-terminu legali jservu għan doppju. Fil-fatt, din is-sistema tikkontribwixxi, minn naħa, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, billi tippermetti lill-operaturi fis-suq ikunu jafu, fi żmien xieraq, jekk il-miżuri antidumping jistgħux jinżammu. Min-naħa l-oħra, hija tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-provi li jinsabu fit-talba għal reviżjoni, kif tressqet fit-terminu legali, u tivverifika n-natura suffiċjenti u rilevanti tagħhom, qabel ma tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tinbeda r-reviżjoni. Għal dan l-għan, hija tista’ tirċievi jew titlob informazzjoni addizzjonali wara t-terminu legali u matul it-tliet xhur qabel id-data tal-iskadenza tal-miżuri antidumping inkwistjoni, li twassal għal verżjoni kkonsolidata tat-talba. Madankollu, tali informazzjoni addizzjonali tista’ biss tikkompleta jew tikkorrobora provi suffiċjenti mibgħuta fit-terminu legali, b’tali mod li ma tistax tikkostitwixxi provi ġodda jew saħansitra tagħmel tajjeb għan-natura insuffiċjenti tal-provi prodotti fl-imsemmi terminu.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li t-tliet xhur li jippreċedu d-data ta’ sakdenza tal-miżuri antidumping kienu inklużi fit-terminu legali u li l-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tal-provi kellha tiġi ssodisfatta biss fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni li tinbeda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li l-interpretazzjoni mogħtija b’dan il-mod tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku ma tistax tiġi kkontestata mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament bażiku dwar il-proċeduri u t-twettiq tal-investigazzjonijiet applikabbli fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, bħall-Artikolu 5(3) u (9) tal-imsemmi regolament.

Fil-fatt, l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tibda proċedura “[f]ejn ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika” tali bidu, jirrigwarda t-termini relatati mal-ftuħ tal-investigazzjonijiet antidumping inizjali, b’tali mod li dan ma jistax japplika għall-proċeduri ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri, skont l-Artikolu 11(5) tal-imsemmi regolament.

Fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku, din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-eżami, mill-Kummissjoni, tal-eżattezza u tan-natura adegwata tal-provi li jinsabu f’ilment sabiex tiddetermina jekk hemmx biżżejjed provi sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali. Madankollu, ma hemm xejn f’din id-dispożizzjoni li jindika li l-kriterji fil-qasam tal-provi li hija tistabbilixxi japplikaw għal proċeduri oħra minbarra l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet antidumping inizjali, u lanqas li dawn il-kriterji jistgħu jkunu applikabbli għall-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni mal-iskadenza tal-miżuri wara talba għal reviżjoni mressqa minn jew f’isem produtturi tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jiġi dedott, f’dan il-każ, li t-talba inizjali, imressqa minn Fertilizers Europe fit-terminu legali, kellha tissodisfa l-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu f’talba għal reviżjoni u li l-informazzjoni addizzjonali pprovduta wara t-terminu legali, iżda matul it-tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-miżuri antidumping, setgħet biss tikkompleta jew tikkorrobora dawn il-provi.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li jeżistu differenzi sostanzjali bejn il-provi esposti fit-talba inizjali għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u dawk ippreżentati fl-informazzjoni addizzjonali. Fil-fatt, minkejja li tal-ewwel kienu bbażati fuq valur normali maħdum, dawk li jinsabu fl-informazzjoni addizzjonali kienu jirrigwardaw valur normali ddeterminat abbażi tal-prezzijiet interni reali fis-suq Russu.

Minn dan isegwi li dawn tal-aħħar, li barra minn hekk huma bbażati fuq metodu ta’ kalkolu u data differenti, kif ukoll fuq bażi legali distinta u li tirrigwarda ċirkustanzi differenti, ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati bħala sempliċi kjarifika tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali. Dawn huma provi ġodda, li biddlu b’mod sostanzjali d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping kif kienu ġew stabbiliti fit-talba inizjali u biddlu l-kontenut essenzjali ta’ din tal-aħħar. Peress li dawn il-provi ġew ippreżentati wara l-iskadenza tat-terminu legali, il-Kummissjoni ma setgħetx għalhekk tużahom sabiex tiddeċiedi li tibda r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri.

Issa, jirriżulta espliċitament mill-premessi tar-Regolament ikkontestat, min-Notifika ta’ bidu u mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-imsemmi regolament ma jistax jinqara bħala li jistabbilixxi li t-talba inizjali kien fiha biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni tad-dumping. Min-naħa l-oħra, jirriżulta li, mingħajr il-kjarifiki li jinsabu fl-informazzjoni addizzjonali, integrata fil-verżjoni kkonsolidata tat-talba inizjali, il-Kummissjoni ma kinitx neċessarjament tipproċedi bil-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li t-talba magħmula mill-Kummissjoni lill-intervenjenti sabiex tikseb valur normali ddeterminat abbażi tal-prezzijiet interni reali fis-suq Russu ma tistax tinftiehem li kienet intiża sabiex tikkompleta l-provi li jinsabu fit-talba inizjali, peress li dawn huma bbażati biss fuq valur normali maħdum, iżda kienet intiża sabiex tagħmel tajjeb għal nuqqas ta’ informazzjoni. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tan-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu fit-talba inizjali flok dik tal-Kummissjoni kif tirriżulta min-Notifika ta’ bidu u mir-Regolament ikkontestat. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li kellhom jiġu ssodisfatti sabiex tkun tista’ tinbeda l-imsemmija reviżjoni kienu neqsin, b’tali mod li hemm lok li r-Regolament ikkontestat jiġi annullat minħabba ksur tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.


( 1 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1722 tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 999/2014 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (EU) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 287, p. 3).

( 2 ) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”)

( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2100 tal‑15 ta’ Diċembru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2020, L 425, p. 21).