SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
14 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat – Ftehimiet konklużi mal-kumpannija tal-ajru Ryanair u s-sussidjarja tagħha Airport Marketing Services – Servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Vantaġġ – Kriterju tal-ħtieġa reali – Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Dritt għal smigħ”
Fil-Kawża T‑79/21,
Ryanair DAC, stabbilita f’Swords (L-Irlanda),
Airport Marketing Services Ltd, stabbilita f’Dublin (L-Irlanda),
irrappreżentati minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, V. Blanc, S. Rating, I.-G. Metaxas-Maranghidis u D. Pérez de Lamo, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, J. Carpi Badía u C. Georgieva, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Maceroni u A.-L. Meyer, bħala aġenti,
intervenjent,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn M. J. Costeira (Relatriċi), M. Kancheva u P. Zilgalvis, Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2022,
tagħti l-preżenti
[omissis]
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
A. Il‑kuntratti inkwistjoni
2 |
L-ewwel rikorrenti, Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd (iktar ’il quddiem “Ryanair”) hija kumpannija tal-ajru stabbilita fl-Irlanda, li topera iktar minn 2000 titjira kuljum li u li tikkollega 209 destinazzjoni f’33 pajjiż fl-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq. It-tieni rikorrenti, Airport Marketing Services Ltd (iktar ’il quddiem “AMS”), hija sussidjarja ta’ Ryanair li tipprovdi soluzzjonijiet fil-qasam tal-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni, u l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha tikkonsisti fil-bejgħ ta’ spazji pubbliċitarji fuq is-sit internet ta’ Ryanair. |
3 |
L-ajruport ta’ Montpellier Méditerranée (“l-ajruport ta’ Montpellier”) jinsab madwar 7 km ’il bogħod miċ-ċentru ta’ Montpellier, il-kapitali tad-Dipartiment ta’ Hérault, fir-Reġjun ta’ Occitanie, fi Franza. Dan l-ajruport huwa miftuħ għat-traffiku kummerċjali nazzjonali u internazzjonali. |
4 |
Il-ġestjoni tal-ajruport ta’ Montpellier bejn l-1964 u l-2009 kienet f’idejn il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Montpellier, sussegwentement integrata fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Hérault (iktar ’il quddiem iċ-“CCIM”). Fit‑23 ta’ Ġunju 2009, hija ġiet ittrasferita lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Aéroport Montpellier Méditerranée (iktar ’il quddiem l-“AMM”), li l-kapital tagħha huwa miżmum 60 % mill-Istat Franċiż, 25 % miċ-CCIM, 7 % mill-Kunsill Dipartimentali ta’ Hérault, 6.5 % mir-Reġjun ta’ Occitanie, 1 % mill-komunità ta’ agglomerazzjoni tal-pajjiż kollu u 0.5 % minn Montpellier Méditerranée Métropole. [omissis] |
6 |
L-assoċjazzjoni ta’ promozzjoni tal-flussi turistiċi u ekonomiċi (iktar ’il quddiem l-“APFTE”) hija assoċjazzjoni mwaqqfa f’Ġunju 2010 fuq l-inizjattiva taċ-CCIM b’kollaborazzjoni ma’ diversi awtoritajiet lokali, jiġifieri l-Kunsill Reġjonali ta’ Languedoc-Roussillon (li sar ir-Reġjun ta’ Occitanie), id-Dipartiment ta’ Hérault, il-komunità ta’ agglomerazzjoni ta’ Montpellier (li saret Montpellier Méditerranée Métropole), il-communauté de communes du pays de l’Or (li saret il-Communauté d’Agglomération de Pays de l’Or), il-Belt ta’ Montpellier (iktar ’il quddiem il-“membri pubbliċi tal-APFTE”) u bil-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi lokali. |
7 |
Skont l-istatuti tagħha, l-APFTE għandha bħala għan “il-promozzjoni u l-iżvilupp tat-turiżmu, inkluż in-negozju, fit-territorju permezz ta’ kuntratti ta’ promozzjoni, ix-xiri ta’ reklamar fuq l-Internet u l-kummerċjalizzazzjoni jew materjal ta’ reklamar ieħor bħall-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, sabiex jiġu attirati klijenti internazzjonali”. |
8 |
Bejn l-2010 u l-2018, l-APFTE kkonkludiet mar-rikorrenti tliet blokki ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni”). [omissis] |
B. Il-proċedura amministrattiva
13 |
Fit‑23 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment mill-kumpannija tal-ajru Air France li allega li l-APFTE kienet tat għajnuna mill-Istat illegali lil Ryanair bejn l-2010 u l-2015 fil-forma ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni biex issostni l-operazzjonijiet tagħha tat-trasport bl-ajru lejn u mill-ajruport ta’ Montpellier. [omissis] |
C. Id‑deċiżjoni kkontestata
18 |
Wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni adottat, fit‑2 ta’ Awwissu 2019, id-Deċiżjoni C (2019) 5729 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47867 2018/C (ex 2017/FC) implimintata minn Franza favur Ryanair u AMS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”). Fit‑13 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni rrettifikat id-deċiżjoni inizjali bid-Deċiżjoni C (2020) 6938 final (iktar ’il quddiem ir-“rettifika”). Fid‑19 ta’ Novembru 2020, id-deċiżjoni kkontestata, li tikkorrispondi għad-deċiżjoni inizjali kif irrettifikata, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [omissis] |
21 |
It-tielet, il-Kummissjoni rrilevat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku, li r-rabtiet bejn il-kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport, konklużi mill-AMM, li l-għan tagħhom kien li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet finanzjarji u operattivi tat-titjiriet kummerċjali operati minn Ryanair lejn u mill-ajruport ta’ Montpellier, u l-kuntratti inkwistjoni, konklużi mill-APFTE, kienu insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw analiżi konġunta u ddeċidiet li twettaq eżami separat tal-kuntratti inkwistjoni. Hija qieset li, meta kkonkludiet l-imsemmija kuntratti, l-APFTE kienet qiegħda issegwi għan ta’ politika reġjonali, kienet qiegħda taġixxi biss bħala awtorità pubblika u ma kellhiex l-intenzjoni li tibbenefika minn gwadann finanzjarju fil-loġika ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq u li x-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kienx jissodisfa ħtieġa reali, iżda kellu pjuttost l-għan li jissussidja t-titjiriet ta’ Ryanair minn u lejn l-ajruport ta’ Montpellier, b’tali mod li l-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli. Hija żiedet li, anki jekk dan il-kriterju kien applikabbli, dan ma jkunx issodisfatt, sa fejn il-prezzijiet imħallsa abbażi tal-kuntratti inkwistjoni ma kinux jikkorrispondu għall-prezz tas-suq. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija ddeduċiet li l-kuntratti inkwistjoni kienu jagħtu vantaġġ ekonomiku lil Ryanair. [omissis] |
24 |
Il-Kummissjoni trid teżamina jekk il-miżuri kkonċernati minn din il-proċedura jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. [omissis] |
II. It‑talbiet tal‑partijiet
28 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
29 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
A. Fuq il‑mertu
[omissis]
1. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il‑Kummissjoni kkonkludiet li l‑kriterju tal‑operatur privat f’ekonomija tas‑suq ma kienx applikabbli
[omissis]
a) Fuq ir‑raba’ parti, ibbażata fuq kontradizzjoni fid‑deċiżjoni kkontestata fir‑rigward tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑operatur privat f’ekonomija tas-suq
136 |
Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, minn naħa, li qieset li l-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli u, min-naħa l-oħra, li applikatu billi fittxet li tiddetermina jekk l-APFTE kellhiex “bżonn reali” li tixtri servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mingħand ir-rikorrenti u jekk il-prezz imħallas kienx jikkorrispondi għall-prezz tas-suq. Huma jsostnu li mill-ġurisprudenza u mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1)[TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1) jirriżulta li l-kriterju tal-“bżonn reali” huwa varjant tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li għandu jiġi applikat biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u li l-paragun tal-prezz ta’ tranżazzjoni mal-prezz tas-suq huwa element tipiku tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, teżisti diverġenza fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
137 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Hija ssostni li l-kriterju tal-“bżonn reali” ma huwiex varjant tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u li, fl-avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, huwa indikat, fil-parti relatata mal-imsemmi kriterju, li “ċirkustanzi eċċezzjonali jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li x-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi minn awtorità pubblika, anke bi prezzijiet tas-suq, ma jitqiesx li huwa konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq”, approċċ li kien ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali. |
138 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata la hija inkoerenti u lanqas ma hija nieqsa miċ-ċarezza. Fil-fatt, fil-premessa 180 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa ppreċiżat li x-xiri tas-servizzi ta’ marketing ma kienx ta’ natura li jissodisfa “ħtieġa reali”, iżda kellu l-għan li jissussidja t-titjiriet ta’ Ryanair minn u lejn l-ajruport ta’ Montpellier. Sussegwentement, huwa msemmi li, anki jekk il-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq huwa applikabbli, dan ma jkunx issodisfatt sa fejn il-prezz tas-servizzi ta’ marketing ma kienx jikkorrispondi għall-prezz tas-suq. Skont il-Kummissjoni, it-tieni parti tal-analiżi ma tikkontradixxix l-ewwel waħda, iżda sempliċement tikkompletaha billi teżamina, sussidjarjament, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti u minn partijiet interessati oħra matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
139 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mill-punt 69 iktar ’il fuq, huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma li tkun, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament l-impriżi, jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
140 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 71 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom ingħata tali vantaġġ issir, bħala prinċipju, bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. |
141 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-kriterju huwiex applikabbli, għandha tittieħed bħala punt tat-tluq in-natura ekonomika tal-azzjoni tal-Istat u mhux il-mod li bih, suġġettivament, dan l-Istat ħaseb li jaġixxi jew il-linji ta’ aġir alternattivi maħsuba minn dan l-Istat qabel ma jadotta l-miżura inkwistjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C-300/16 P, EU:C:2017:706, punt 27). |
142 |
Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn il-kawżi jew l-għanijiet tal-miżuri tal-Istat (sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 27, u tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C-409/00, EU:C:2003:92, punt 46). In-natura tal-għanijiet segwiti mill-miżuri tal-Istat u l-ġustifikazzjoni tagħhom ma għandhom ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 17, u tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C-638/19 P, EU:C:2022:50, punt 122). |
143 |
Meta jiġi applikat il-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, għandu jiġi eżaminat jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn operatur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat. Il-kriterju li għandu jintuża konkretement f’każ partikolari għandu jiġi identifikat, b’mod partikolari, skont in-natura tat-tranżazzjoni prevista mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punti 52 u 55). |
144 |
F’dan il-kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja ma kinitx manifestament tikseb kundizzjonijiet paragunabbli mingħand operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑100/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:900, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
145 |
Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni tal-Istat Membru bħala operatur privat, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata) |
146 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li miżura statali favur impriża ma tistax tiġi eskluża a priori mill-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” previst fl-Artikolu 107 TFUE sempliċement minħabba li l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jwettqu servizzi reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑14/96, EU:T:1999:12, punt 71). |
147 |
Fil-fatt, is-sempliċi fatt li Stat jixtri oġġetti u servizzi li allegatament ġew offruti taħt kundizzjonijiet tas-suq ma huwiex biżżejjed sabiex din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali normali mwettqa f’kundizzjonijiet li operatur privat kien jaċċetta. F’ċerti ċirkustanzi, huwa neċessarju li jiġi stabbilit, b’mod oġġettiv, li l-Istat kellu bżonn reali li jakkwista l-imsemmija oġġetti u servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑14/96, EU:T:1999:12, punti 74 sa 79). |
148 |
Il-Kummissjoni ppreċiżat l-interpretazzjoni tagħha tal-bżonn reali fl-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”. Huwa indikat b’mod partikolari, fil-paragrafu 82 tal-imsemmi avviż, inkluż fil-punt 4.2, intitolat “It-test tal-operatur tal-ekonomija tas-suq”, li, sabiex jiġi evalwat jekk ċerti tranżazzjonijiet humiex imwettqa fil-kundizzjonijiet tas-suq, għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ. Pereżempju, jista’ jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom ix-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi minn awtorità pubblika, anki jekk isir skont il-prezzijiet tas-suq, jista’ ma jitqiesx konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. |
149 |
Dan l-avviż, għalkemm ma jistax jorbot lill-Qorti Ġenerali, jista’ madankollu jservi bħala sors ta’ ispirazzjoni utli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 53). |
150 |
F’dan il-każ, fil-punt 7.1.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur [privat] f’ekonomija tas-suq”, l-ewwel, il-Kummissjoni rrilevat, essenzjalment, li l-APFTE, meta kkonkludiet il-kuntratti inkwistjoni, kellha għan ta’ politika reġjonali, kienet taġixxi biss bħala awtorità pubblika u ma kellhiex l-intenzjoni li tibbenefika minn gwadann finanzjarju fil-loġika tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq barra mill-iżvilupp turistiku tar-reġjun. Hija żiedet li x-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-APFTE ma kienx jissodisfa ħtieġa reali, iżda fil-fatt kellu l-għan li jissussidja t-titjiriet ta’ Ryanair minn u lejn l-ajruport ta’ Montpellier. Għalhekk, hija kkunsidrat li l-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli. It-tieni, il-Kummissjoni ppreċiżat li, jekk wieħed jassumi li l-imsemmi kriterju huwa applikabbli, il-prezzijiet imħallsa għax-xiri tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinux jikkorrispondu mal-prezz tas-suq, b’tali mod li dan il-kriterju ma jkunx issodisfatt. |
151 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset li l-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli f’dan il-każ għal żewġ raġunijiet relatati, essenzjalment, mal-ewwel waħda, mal-fatt li l-APFTE aġixxiet bħala awtorità pubblika u, it-tieni waħda, il-fatt li x-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-APFTE mingħand ir-rikorrenti ma kienx jissodisfa ħtieġa reali. |
152 |
Issa, kif isostnu, essenzjalment, ir-rikorrenti, ebda wieħed mill-motivi kkunsidrati mill-Kummissjoni ma kien ta’ natura li jeskludi l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. |
153 |
Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-ewwel motiv, jiġifieri dak marbut mal-fatt li l-APFTE kienet taġixxi bħala awtorità pubblika, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 142 u 145 hawn fuq, jekk l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għandhiex tiġi eżaminata mingħajr ma jitqiesu l-għanijiet tal-politika pubblika, it-tfittxija ta’ tali għanijiet ma teskludix l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju. |
154 |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda t-tieni motiv, jiġifieri dak relatat max-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li ma kinux jissodisfaw ħtieġa reali mill-APFTE mingħand ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta essenzjalment mill-punti 146 sa 149 hawn fuq, l-eżami tal-ħtieġa reali tal-Istat li jakkwista oġġetti u servizzi jimplika mid-definizzjoni tiegħu li janalizza jekk operatur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat kienx jadotta l-istess aġir f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Issa, tali evalwazzjoni taqa’, kif jirriżulta mill-punt 143 iktar ’il fuq, taħt l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. Għalhekk, dan il-motiv adottat mill-Kummissjoni lanqas ma kien jippermetti li tiġi konkluża l-esklużjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. |
155 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, meta kkonkludiet li l-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli f’dan il-każ, wettqet żball ta’ liġi. |
156 |
Madankollu, fl-ewwel parti tal-punt 7.1.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Determinazzjoni tal-vantaġġ mogħti lil Ryanair/AMS mill-APFTE”, il-Kummissjoni eżaminat preċiżament jekk ix-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mingħand ir-rikorrenti kienx jissodisfa ħtieġa reali tal-APFTE. |
157 |
Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din l-analiżi tal-Kummissjoni ma hijiex ta’ natura li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’kontradizzjoni li tista’ taffettwa l-validità tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kontradizzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tali li jaffettwa l-validità tal-att inkwistjoni jekk ikun stabbilit li, minħabba din il-kontradizzjoni, id-destinatarju tal-att ma huwiex f’pożizzjoni li jifhem, kompletament jew parzjalment, il-motivi veri tad-deċiżjoni u li, minħabba dan, id-dispożittiv tal-att huwa, kompletament jew parzjalment, nieqes minn kull bażi ġuridika (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il‑Kummissjoni, T‑5/93, EU:T:1995:12, punt 42, u tat‑30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, EU:T:2000:93, punt 85). |
158 |
F’dan il-każ, mill-premessi 182 sa 305 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku minħabba nuqqas ta’ ħtieġa reali tal-APFTE li tikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni. Ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu l-motivi reali tad-deċiżjoni kkontestata u li jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, kif barra minn hekk għamlu fil-punti 141 sa 239 tar-rikors u fil-punti 58 sa 84 tar-replika. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata biss jekk jirriżulta li dawn il-motivi ma jistgħux ikunu l-bażi tad-dispożittiv tagħha, u dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tar-raba’ motiv. |
159 |
Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw kontradizzjoni fi ħdan id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prezz imħallas skont il-kuntratti inkwistjoni kienx jikkorrispondi għall-prezz tas-suq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 184, 306 u 307 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-nuqqas ta’ ħtieġa reali tal-APFTE li tikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni kien biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku u li hija eżaminat jekk il-prezz imħallas mill-APFTE kienx jikkorrispondi għall-prezz tas-suq sussidjarju, sa fejn Ryanair kienet qajmet tali argument fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
160 |
Għaldaqstant, bla ħsara għall-analiżi li ser issir fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet tar-raba’ motiv, ir-raba’ parti u għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. [omissis] |
IV. Fuq l‑ispejjeż
351 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni. |
352 |
Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Costeira Kancheva Zilgalvis Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Ġunju 2023. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis li hija utli.
( 2 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis li hija utli. Fir-rigward tal-punti li tħallew barra, għandha ssir referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali ta’...,.../... (T‑..., EU:...).