DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
3 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Intervent – Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Talba mressqa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Ammissjoni”
Fil-Kawża C‑551/21,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l‑Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑7 ta’ Settembru 2021,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, B. Hofstötter, T. Ramopoulos u A. Stobiecka‑Kuik, bħala aġenti,
rikorrenti
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Antoniadis, F. Naert u B. Driessen, bħala aġenti,
konvenut
sostnut minn:
Ir‑Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, O. Šváb, J. Vláčil u K. Najmanová, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères u J.‑L. Carré, bħala aġenti,
L‑Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,
Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn M. Pimenta, P. Barros da Costa u J. Ramos, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li ra l-proposta ta’ C. Lycourgos, Imħallef Relatur,
wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, J. Kokott,
jagħti l-preżenti
Digriet
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1117 tat‑28 ta’ Ġunju 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (2021–2026) (ĠU 2021, L 242, p. 3), u tan-nomina mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-President tiegħu u abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tal-Ambaxxatur tal-Portugal bħala persuna awtorizzata tiffirma dan il-protokoll. |
2 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors għal annullament, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-prassi tal-Kunsill li l-President tiegħu jinnomina lill-persuna awtorizzata tiffirma ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni Ewropea tippreġudika l-prerogattiva tal-Kummissjoni, mogħtija fl-Artikolu 17(1) TUE, li tiżgura, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni. |
3 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Jannar 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”), abbażi tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talab jintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
4 |
Insostenn tat-talba għal intervent tiegħu, ir-Rappreżentant Għoli jsostni, prinċipalment, li huwa jagħmel parti mill-“istituzzjonijiet tal-Unjoni”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, sussidjarjament, li huwa għandu jitqies bħala “korp” jew “organu” tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut u bħala li għandu “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Rappreżentant Għoli josserva li l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza li għandha tingħata, dwar il-prerogattiva invokata mill-Kummissjoni japplikaw, mutatis mutandis, għall-prerogattiva analoga li huwa għandu, abbażi tal-Artikolu 27(2) TUE, fil-qasam tal-PESK. |
5 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni talbet li din it-talba għal intervent tiġi milqugħa. |
6 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill talab li l-imsemmija talba għal intervent tiġi miċħuda. |
7 |
Il-Kunsill iqis li r-Rappreżentant Għoli ma huwiex “istituzzjoni tal-Unjoni”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li, minkejja l-fatt li huwa għandu jitqies bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “korp jew organu tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut, huwa ma għandux “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
8 |
Il-Kunsill josserva, b’mod partikolari, li, f’dan il-każ, it-tilwima ma tirrigwardax il-PESK u li s-soluzzjoni li ser tingħata għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax għaldaqstant taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-Rappreżentant Għoli. Is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ dik tal-Kunsill hija, barra minn hekk, differenti minn dik tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li r-Rappreżentant Għoli jippresjedi, konformement mal-Artikolu 27(1) TUE, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u li konsegwentement huwa stess jista’ jinnomina lill-persuna awtorizzata tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-PESK. Is-sitwazzjoni legali tar-Rappreżentant Għoli hija għalhekk differenti minn dik li tinsab fiha l-Kummissjoni meta, bħal f’dan il-każ, jiġi konkluż ftehim internazzjonali f’qasam li ma jaqax taħt il-PESK. |
Fuq it‑talba għal intervent
9 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja |
10 |
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma biss dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 13(1) TUE (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:658, punt 6 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
11 |
Konsegwentement, peress li ma huwiex inkluż fil-lista tal-Artikolu 13(1) TUE, ir-Rappreżentant Għoli ma jistax jiġi kklassifikat bħala “istituzzjoni tal-Unjoni”. Għaldaqstant, huwa ma jistax jibbaża ruħu fuq tali kwalità sabiex jinvoka d-dritt li jintervjeni f’din il-kawża (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:658, punt 7 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
12 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, ir-Rappreżentant Għoli jistax jitħalla jintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hekk kif huwa jsostni sussidjarjament. |
13 |
Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut, id-dritt ta’ intervent f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jappartjeni “lill-korpi u lill-organi ta’ l-Unjoni u lil kull persuna oħra”, jekk huma jkunu jistgħu juru li għandhom “interess fir-riżultat ta’ xi kawża”. It-tieni sentenza ta’ dan it-tieni paragrafu teskludi l-intervent ta’ “[p]ersuni fiżiċi jew ġuridiċi” fil-kawżi bejn l-Istati Membri, bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn l-Istati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Abbażi tal-formulazzjoni u tal-istruttura ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jitqies li tali esklużjoni ma tapplikax għall-“korpi u [għa]ll-organi ta’ l-Unjoni” (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑144/21, EU:C:2021:757, punti 6 sa 8). |
14 |
B’teħid inkunsiderazzjoni tal-mandat, intrinsikament marbut mal-funzjonament tal-Unjoni, li bih huwa investit ir-Rappreżentant Għoli fl-Artikolu 27 TUE, u, b’mod partikolari, tal-fatt li filwaqt li huwa assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), skont l-Artikolu 27(3) TUE, huwa ġuridikament separat minnu, ir-Rappreżentant Għoli għandu jiġi assimilat mal-“korpi u mal-organi tal-Unjoni” għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, ir-Rappreżentant Għoli jista’ jintervjeni fil-kawża bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill, bil-kundizzjoni li huwa jkollu “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”. |
15 |
Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali interess, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40, għandu jinftiehem bħala interess dirett u attwali fl-eżitu rriżervat għat-talbiet imressqa, u mhux bħala interess fir-rigward tal-motivi mqajma jew tal-argumenti mressqa. Fil-fatt, il-kliem “soluzzjoni tat-tilwima” jirreferi għad-deċiżjoni finali mitluba, hekk kif tiġi stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑144/21, EU:C:2021:757, punt 10). |
16 |
Fir-rigward tat-talbiet għal intervent tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, hemm lok li din il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ interess dirett u attwali tiġi applikata b’mod li jirrifletti n-natura speċifika tal-mandat li dak li jressaq it-talba għal intervent huwa mitlub li jeżegwixxi taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2021, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑144/21, EU:C:2021:757, punti 11 u 12). |
17 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 27(2) TUE jagħti lir-Rappreżentant Għoli l-mandat li jirrappreżenta lill-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-PESK. |
18 |
Il-Kummissjoni tiżgura, min-naħa tagħha, ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni barra mill-PESK u mill-każijiet l-oħra previsti mit-Trattati, konformement mas-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1)TUE. |
19 |
F’dan il-każ, it-tilwima tirrigwarda, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk il-kompitu li tiġi żgurata r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, previst fis-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, jimplikax li hija l-Kummissjoni, u mhux il-President tal-Kunsill, li għandha tinnomina, bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni, lill-persuna awtorizzata tiffirma dan il-ftehim. |
20 |
L-evalwazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ din il-kwistjoni ta’ dritt istituzzjonali tiddetermina mhux biss is-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni, iżda jkollha wkoll influwenza deċiżiva, mutatis mutandis, fuq l-għażla tal-proċedura segwita u fuq il-kompetenzi eżerċitati mir-Rappreżentant Għoli meta ftehim internazzjonali jkollu jiġi ffirmat fil-qasam tal-PESK. Fil-fatt, bħall-Kummissjoni fl-oqsma li jinsabu barra mill-PESK, ir-Rappreżentant Għoli għandu, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-PESK, il-mandat li jiżgura r-rappreżentanza tal-Unjoni. |
21 |
Ċertament, f’dan il-każ, ir-Rappreżentant Għoli jibbaża l-interess tiegħu fis-soluzzjoni tat-tilwima fuq il-prerogattiva analoga relatata mar-rappreżentanza tal-Unjoni li huwa għandu fil-qasam tal-PESK, taħt l-Artikolu 27(2) TUE meta mqabbla mal-prerogattiva li l-Kummissjoni għandha, taħt l-Artikolu 17(1) TUE, għall-finijiet tar-rappreżentanza tal-Unjoni fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-PESK, filwaqt li hija biss din il-prerogattiva tal-aħħar li hija inkwistjoni f’din il-kawża. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dan l-interess tar-Rappreżentant Għoli fis-soluzzjoni tat-tilwima ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li huwa fl-istess sitwazzjoni bħall-Kummissjoni f’każ wieħed jew iktar analogi, iżda, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt preċedenti, fuq il-fatt li s-soluzzjoni tat-tilwima f’dan il-każ tiddetermina l-portata tar-rwol tiegħu u tal-kompetenzi li huwa jislet mid-dritt primarju, fir-rigward tal-iffirmar ta’ kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni fil-qasam tal-PESK. |
22 |
Fid-dawl ta’ din il-portata ġenerali tal-interess invokat mir-Rappreżentant Għoli, kif ukoll tal-fatt li dan tal-aħħar huwa, bħala prinċipju, l-unika persuna jew entità li tista’ tinvokah, dan l-interess għandu jiġi kklassifikat bħala “dirett” u “attwali”. |
23 |
L-interess dirett u attwali li s-soluzzjoni tat-tilwima f’dan il-każ jista’ għalhekk ikollha għar-Rappreżentant Għoli ma huwiex invalidat mill-fatt, invokat mill-Kunsill, li r-Rappreżentant Għoli jippresjedi, skont l-Artikolu 27(1) TUE, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif speċifika l-Kunsill, id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-PESK ma humiex dejjem meħuda mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u, min-naħa l-oħra, li, indipendentement mir-rwol preċiż tar-Rappreżentant Għoli fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ tali ftehim internazzjonali, il-kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-livell ġuridiku f’dak li jirrigwarda l-portata tal-kompitu ta’ rappreżentanza previst fl-Artikolu 17(1) TUE jistgħu jippreċiżaw il-portata tal-mandat ta’ rappreżentanza previst fl-Artikolu 27(2) TUE. |
24 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tiġi ammessa, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal intervent tar-Rappreżentant Għoli insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
Fuq id‑drittijiet proċedurali tal‑intervenjent
25 |
Peress li t-talba għal intervent hija ammessa, l-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet għandhom jiġu kkomunikati lir-Rappreżentant Għoli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
26 |
Peress li din it-talba tressqet fit-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Rappreżentant Għoli jista’, skont l-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, jippreżenta nota ta’ intervent f’terminu ta’ xahar mill-komunikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti. |
27 |
Fl-aħħar ir-Rappreżentant Għoli jista’ jippreżenta osservazzjonijiet orali jekk tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
Fuq l‑ispejjeż
28 |
Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza. |
29 |
F’dan il-każ, peress li t-talba għal intervent tar-Rappreżentant Għoli ntlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż marbuta mal-intervent tiegħu jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.