DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Impożizzjoni, għal finijiet speċifiċi, ta’ taxxi indiretti addizzjonali – ‘Finijiet speċifiċi’ – Kunċett – Finanzjament ta’ impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali – Għanijiet ta’ tnaqqis tal-inċidenti u ta’ sostenibbiltà ambjentali – Skop purament baġitarju – Rifjut ta’ ħlas lura tat-taxxa bbażat fuq l-arrikkiment indebitu – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑460/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

Vapo Atlantic SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, N. Piçarra u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ legalità u ta’ ċertezza legali.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vapo Atlantic SA u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u tad-Dwana, il-Portugall) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Fiskali”) dwar il-ħlas lura tal-kontribuzzjoni għas-servizz tat-toroq (iktar ’il quddiem iċ-“CSR”) li din il-kumpannija ħallset għas-sena 2016.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/118 jiddisponi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem “prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa”):

(a)

prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE [tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405];

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

[…]”

Id‑dritt Portugiż

Il-Liġi Nru 55/2007

4

Il-Lei no. 55/2007, que regula o financiamento da rede rodoviária nacional a cargo da EP – Estradas de Portugal, E.P.E. (il-Liġi Nru 55/2007, li tirregola l-finanzjament tan-network tat-toroq nazzjonali li għalih hija responsabbli EP – Estradas de Portugal, EPE), tal‑31 ta’ Awwissu 2007 (Diário da República no 168/2007, Serje I, tal‑31 ta’ Awwissu 2007), tipprovdi s-sistema legali taċ-CSR.

5

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Kontribuzzjoni għas-servizz tat-triq”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li ċ-CSR tikkostitwixxi l-korrispettiv għall-użu tan-network tat-toroq nazzjonali, kif ikkonstatat mill-konsum ta’ karburanti. Il-paragrafu 2 tiegħu jippreċiża li ċ-CSR tikkostitwixxi sors ta’ finanzjament tan-network tat-toroq nazzjonali li għalih hija responsabbli EP – Estradas de Portugal, EPE (iktar ’il quddiem “EP”).

6

Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi, iċ-CSR taffettwa l-petrol u d-diżil suġġetti għat-taxxa fuq il-prodotti petrolifiċi u tal-enerġija u li ma jibbenefikawx minn eżenzjoni minn din tal-aħħar.

7

L-Artikolu 6 tal-istess liġi jipprovdi li ċ-CSR tikkostitwixxi dħul proprju ta’ EP.

Id-Digriet-Liġi Nru 380/2007

8

Is-sistema legali tal-konċessjoni tan-network tat-toroq nazzjonali lil EP hija rregolata mid-Decreto-Lei no. 380/2007, que atribui à EP – Estradas de Portugal, SA, a concessão do financiamento, concepção, projecto, construção, conservação, exploração, requalificação e alargamento da rede rodoviária nacional e aprova as bases da concessão (id-Digriet-Liġi Nru 380/2007, li jagħti lil [EP], il-konċessjoni tal-finanzjament, tal-elaborazzjoni, tal-ipproġettar, tal-kostruzzjoni, tal-konservazzjoni, tal-esplorazzjoni, tar-riklassifikazzjoni u tat-tkabbir tan-network tat-toroq nazzjonali u li japprova l-bażijiet tal-konċessjoni), tat‑13 ta’ Novembru 2007 (Diário da República no 218/2007, Serje I, tat‑13 ta’ Novembru 2007).

9

Il-bażijiet ta’ din il-konċessjoni, approvati minn dan id-digriet-liġi, jipprovdu, b’mod partikolari, li ċ-CSR tikkostitwixxi dħul proprju ta’ EP u jistabbilixxu li l-konċessjonarju għandu jsegwi, fil-kuntest tal-attività tiegħu, għanijiet ta’ tnaqqis tal-incidenti, fi kliem ieħor in-numru ta’ inċidenti, u ta’ sostenibbiltà ambjentali.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Vapo Atlantic hija kumpannija li l-għan tal-kumpannija tagħha jinkludi, b’mod partikolari, l-operat ta’ stazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol u l-kummerċ bl-ingrossa ta’ prodotti ġejjin miż-żejt. Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għall-konsum ta’ din il-kumpannija, l-Awtorità Fiskali ħarġet atti ta’ likwidazzjoni flimkien mat-taxxa fuq il-prodotti petrolifiċi u tal-enerġija, taċ-CSR u ta’ imposti fiskali oħra għas-sena 2016, għal ammont totali ta’ EUR 21016 425.44, li minnhom EUR 4873 427.68 huma dovuti għaċ-CSR.

11

Fl‑10 ta’ Frar 2020, Vapo Atlantic ressqet talba għal reviżjoni mhux kontenzjuża ta’ dawn l-atti ta’ likwidazzjoni, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tad-Dwana ta’ Braga (il-Portugall) tat‑23 ta’ Lulju 2020. Din id-deċiżjoni kkunsidrat li ċ-CSR hija kompatibbli mad-Direttiva 2008/118 u li, fid-dawl tal-fatt li din it-tariffa titħallas mill-kontribwenti meta jixtru l-karburant, Vapo Atlantic tibbenefika minn arrikkiment indebitu jekk it-talba tagħha għal rimbors tintlaqa’.

12

Vapo Atlantic ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa — CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv — CAAD), il-Portugall).

13

Insostenn tar-rikors tagħha, Vapo Atlantic targumenta li ċ-CSR inħolqot għal raġunijiet purament baġitarji, sabiex tiffinanzja l-impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali, fatt li jmur kontra l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

14

L-Awtorità Fiskali tirrispondi, l-ewwel, li d-Digriet-Liġi Nru 380/2007, li jagħti l-konċessjoni tan-network tat-toroq nazzjonali lil EP, li issa saret Infraestruturas de Portugal, SA (iktar ’il quddiem “IP”), jassenja lil din tal-aħħar kemm għan li jikkonsisti fit-tnaqqis ta’ inċidenti, kif ukoll għan ta’ sostenibbiltà ambjentali, li jikkostitwixxu l-fini speċifiku taċ-CSR, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118. Barra minn hekk, iċ-CSR hija dħul proprju ta’ IP. Għalhekk, din l-impriża hija ffinanzjata mill-utenti tan-network tat-toroq nazzjonali u biss sussidjarjament mill-Istat. It-tieni, għalkemm ma jeżistix mekkaniżmu formali ta’ ġbir taċ-CSR, l-istruttura fiskali speċifika ta’ din it-tariffa turi li din hija mgħoddija fuq il-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku, b’mod li r-rimbors tal-ammonti mħallsa f’dan ir-rigward mill-persuna taxxabbli jikkorrispondi għal sitwazzjoni ta’ arrikkiment indebitu.

15

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk iċ-CSR għandhiex fini speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 u tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espressament fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, skont il-Liġi Nru 55/2007, iċ-CSR hija intiża li tiżgura, permezz tal-utenti tan-network tat-toroq nazzjonali u, sussidjarjament, tal-Istat Portugiż, il-finanzjament tal-attività ta’ elaborazzjoni, ta’ pjanifikazzjoni, ta’ kostruzzjoni, ta’ manutenzjoni, tal-operat, tal-modernizzazzjoni u tal-estensjoni ta’ dan in-network, attività li ngħatat lil IP. Għalhekk, din it-tariffa tikkostitwixxi dħul proprju tal-konċessjonarju li għandu jsegwi “għanijiet ta’ tnaqqis tal-inċidenti u ta’ sostenibbiltà ambjentali”.

16

Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2008/118], b’mod iktar speċifiku r-rekwiżit ta’ ‘finijiet speċifiċi’, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskop ta’ tariffa huwa purament baġitarju meta din tiġi stabbilita sabiex tiffinanzja impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-konċessjoni tagħha, li d-dħul iġġenerat mit-tariffa jiġi assenjat lilha b’mod ġeneriku u li l-istruttura tagħha ma tindika ebda intenzjoni li jiġi skoraġġut kwalunkwe konsum?

2)

Id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali jippermettu li l-awtoritajiet nazzjonali jirrifjutaw ir-rimbors ta’ tariffi indiretti li jmorru kontra d-Direttiva [2008/118], minħabba arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli, meta ebda dispożizzjoni legali speċifika tad-dritt intern ma tipprovdi dan?

3)

Id-dritt tal-Unjoni jippermetti li l-awtoritajiet nazzjonali, meta jimmotivaw ir-rifjut tagħhom ta’ rimbors ta’ tariffi indiretti li jmorru kontra d-Direttiva [2008/118], jipreżumu l-ġbir tat-tariffa u l-arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli, billi jobbligaw lil din tal-aħħar turi l-ineżistenza tagħhom?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

17

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

18

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li tariffa, li d-dħul tagħha huwa assenjat, b’mod ġeneriku, lil impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali u fejn l-istruttura tagħha ma tindika ebda intenzjoni li tiskoraġġixxi l-konsum tal-karburanti prinċipali tat-toroq, issegwi “finijiet speċifiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

20

Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, li hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tat-tradizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri f’dan il-qasam u tal-użu frekwenti għall-impożizzjonijiet indiretti għall-implimentazzjoni ta’ politiki mhux baġitarji, jippermetti li l-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra d-dazju tas-sisa minimu, impożizzjonijiet indiretti oħra li jsegwu skop speċifiku (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 58, u tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park, C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 48).

21

Skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, tali taxxi għandhom jiġu imposti għall-finijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, dawn l-impożizzjonijiet għandhom josservaw ir-regoli tat-taxxa tal-Unjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli, kif ukoll għall-kalkolu, għall-eżiġibbiltà u għall-kontroll tat-taxxa, iżda dawn ir-regoli ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

22

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma intiżi li jevitaw l-impożizzjonijiet indiretti addizzjonali milli jostakolaw indebitament il-kummerċ, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, għandhom natura kumulattiva (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 36, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Messer France, C‑103/17, EU:C:2018:587, punt 36).

23

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-unika waħda kkonċernata mill-ewwel domanda preliminari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fini speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa skop differenti minn dak purament baġitarju (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 37).

24

Madankollu, peress li kull taxxa ssegwi neċessarjament skop baġitarju, is-sempliċi fatt li taxxa għandha għan baġitarju ma jistax, bħala tali, ħlief sabiex iċaħħad lill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 minn kull sustanza, ikun suffiċjenti biex teskludi li din it-taxxa tista’ tkun ikkunsidrata li għandha wkoll skop speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għaldaqstant, sabiex titqies li ssegwi fini speċifiku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, taxxa għandha minnha nfisha tkun maħsuba sabiex jiġi żgurat il-fini speċifiku invokat, b’mod li teżisti rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-fini tal-impożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 41, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Messer France, C‑103/17, EU:C:2018:587, punt 38).

26

Barra minn hekk, jekk l-assenjazzjoni predeterminata tar-rikavat minn taxxa għall-finanzjament tal-eżerċizzju, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ kompetenzi mogħtija lilhom tista’ tkun element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ fini speċifiku, tali assenjazzjoni, li tirriżulta minn sempliċi metodu ta’ organizzazzjoni interna tal-baġit ta’ Stat Membru, ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti, peress li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jintaxxa, irrispettivament mill-fini mfittex, l-assenjazzjoni tar-rikavat minn taxxa għall-finanzjament ta’ ispejjeż speċifiċi. F’każ kuntrarju, kull fini jista’ jiġi kkunsidrat bħala speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, u dan ikun iċaħħad id-dazju tas-sisa armonizzat stabbilit minn din id-direttiva minn kull effett utli u jkun imur kontra l-prinċipju li jgħid li dispożizzjoni derogatorja, bħal dan l-Artikolu 1(2), għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-aħħar, fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni predeterminata tad-dħul, tariffa li taffettwa prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandha biss titqies li ssegwi fini speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jekk din it-tariffa tkun maħsuba, f’dak li jirrigwarda l-istruttura tagħha, b’mod partikolari l-materjal taxxabbli jew ir-rata ta’ impożizzjoni, b’tali mod li taffettwa l-aġir ta’ persuni taxxabbli f’direzzjoni li tippermetti t-twettiq tal-fini speċifiku invokat, pereżempju billi tintaxxa b’mod sinjifikattiv il-prodotti inkwistjoni sabiex tiskoraġġixxi l-konsum tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari intiż sabiex jiddetermina jekk impożizzjoni stabbilita minn Stat Membru għandiex fini speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tiddetermina jekk din l-impożizzjoni effettivament tfittixx li tilħaq tali fini iktar milli li twettaq hija stess din l-evalwazzjoni, u dan a fortiori minħabba li hija ma għandhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 26, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C‑500/04, EU:C:2006:111, punt 23).

29

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 26 ta’ dan id-digriet, li, għalkemm l-assenjazzjoni predeterminata tar-rikavat taċ-CSR għall-finanzjament, mill-konċessjonarju tan-network tat-toroq nazzjonali, tal-kompetenzi ġenerali mogħtija lilu tista’ tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ fini speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, tali assenjazzjoni ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti.

30

It-tieni, sabiex tiġi kkunsidrata bħala li ssegwi fini speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iċ-CSR għandu jkollha l-għan, minnha nnifisha, li tiżgura l-għanijiet ta’ tnaqqis tal-inċidenti u ta’ sostenibbiltà ambjentali li ġew assenjati lill-konċessjonarju tan-network tat-toroq nazzjonali. Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk ir-rikavat ta’ din it-tariffa kellu jiġi użat b’mod obbligatorju sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż soċjali u ambjentali marbuta b’mod speċifiku mal-użu ta’ dan in-network li huwa suġġett għall-imsemmija tariffa. Għaldaqstant tiġi stabbilita rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-fini tal-impożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 30, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Messer France, C‑103/17, EU:C:2018:587, punt 38).

31

It-tielet, ċertament, kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ dan id-digriet, l-Awtorità Fiskali ssostni li teżisti rabta bejn l-assenjazzjoni tad-dħul iġġenerat miċ-CSR u l-fini speċifiku li wassal għall-istabbiliment ta’ din it-tariffa, peress li d-Digriet-Liġi li jattribwixxi l-konċessjoni tan-network tat-toroq nazzjonali lil IP jobbliga lil din tal-aħħar li taħdem favur, minn naħa, it-tnaqqis tal-inċidenti fuq dan in-network u, min-naħa l-oħra, is-sostenibbiltà ambjentali.

32

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 15 ta’ dan id-digriet, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikavat mit-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex esklużivament allokat għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq taż-żewġ għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti tal-istess digriet. Fil-fatt, id-dħul li jirriżulta miċ-CSR huwa intiż, b’mod iktar wiesa’, li jiżgura l-finanzjament tal-attività ta’ elaborazzjoni, ta’ pjanifikazzjoni, ta’ kostruzzjoni, ta’ manutenzjoni, tal-operat, tal-modernizzazzjoni u tal-estensjoni ta’ dan in-network.

33

Ir-raba’, iż-żewġ għanijiet assenjati lill-konċessjonarju tan-network tat-toroq nazzjonali Portugiż huma stabbiliti f’termini ġenerali ħafna u ma jurux, prima facie, rieda reali li jiġi skoraġġut l-użu kemm ta’ dan in-network, kif ukoll tal-karburanti prinċipali użati fit-triq, bħall-petrol, id-diżil jew il-gass likwifikat miż-żejt (LPG) għall-vetturi. F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li l-qorti tar-rinviju tenfasizza, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari tagħha, li d-dħul iġġenerat mit-tariffa jiġi assenjat b’mod ġeneriku lill-konċessjonarju tan-network tat-toroq nazzjonali u li l-istruttura ta’ din it-tariffa ma tindika l-ebda intenzjoni li jiġi skoraġġut kwalunkwe konsum ta’ dawn il-karburanti.

34

Il-ħames, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li ċ-CSR, sa fejn taffettwa lill-utenti tan-network tat-toroq nazzjonali, hija maħsuba, f’dak li jirrigwarda l-istruttura tagħha, b’mod li tiskoraġġixxi lill-persuni taxxabbli milli jużaw dan in-network jew li tħeġġiġhom jadottaw aġir li l-effetti tiegħu jkunu inqas ta’ ħsara għall-ambjent, u li jkun ta’ natura li jnaqqsu l-inċidenti.

35

Għaldaqstant, u bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 29 sa 34 ta’ dan id-digriet, iż-żewġ finijiet speċifiċi invokati mill-Awtorità Fiskali sabiex turi li ċ-CSR issegwi fini speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, ma jistgħux jiġu distinti minn skop purament baġitarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punti 31 sa 35).

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li tariffa, li d-dħul tagħha huwa assenjat, b’mod ġeneriku, lil impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali u fejn l-istruttura tagħha ma tindika ebda intenzjoni li tiskoraġġixxi l-konsum tal-karburanti prinċipali tat-toroq, ma ssegwix “finijiet speċifiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domandi

37

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jimmotivaw ir-rifjut tagħhom li jirrimborsaw tariffa indiretta li tmur kontra d-Direttiva 2008/118 billi jippreżumu li din it-tariffa tingħadda fuq terzi u, konsegwentement, l-arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli.

38

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jinkiseb r-rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u huwa komplementari għad-drittijiet mogħtija lill-individwi minn dawn id-dispożizzjonijiet hekk kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, Stat Membru huwa, bħala prinċipju, obbligat jirrimborsa l-impożizzjonijiet miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli u bl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, EU:C:1983:318, punt 12, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2018, Petrotel-Lukoil u Georgescu, C‑76/17, EU:C:2018:139, punt 32).

39

L-obbligu ta’ rimbors tat-taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandu biss eċċezzjoni waħda. Fil-fatt, taħt piena li twassal għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża, il-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti f’dan il-qasam mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni teskludi, bħala prinċipju, ir-rimbors tal-impożizzjonijiet, ta’ dazji u ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meta jiġi stabbilit li l-persuna meħtieġa li tħallas dawn id-dazji effettivament għaddiethom fuq persuni oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punt 21, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2018, Petrotel-Lukoil u Georgescu, C‑76/17, EU:C:2018:139, punt 33).

40

Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu, inkluż fis-silenzju tad-dritt nazzjonali.

41

F’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt 39 ta’ dan id-digriet, il-piż tat-taxxa indebitament miġbura ma huwiex sostnut mill-operatur li huwa suġġett għalih, iżda mix-xerrej li fuqu ġie mgħoddi l-imsemmi piż. Għaldaqstant, ir-rimbors lill-operatur tal-ammont tat-taxxa li huwa diġà ġabar mix-xerrej, ikun ekwivalenti għal ħlas doppju għall-imsemmi operatur li jista’ jiġi kklassifikat bħala arrikkiment indebitu mingħajr madankollu ma jkunu rrimedjati l-konsegwenzi tal-illegalità tat-taxxa għax-xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punt 22, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2018, Petrotel-Lukoil u Georgescu, C‑76/17, EU:C:2018:139, punt 34).

42

Konsegwentement, Stat Membru jista’ jopponi r-rimbors għal taxxa indebitament miġbura skont id-dritt tal-Unjoni biss jekk ikun ippruvat mill-awtoritajiet nazzjonali li l-piż kollu tat-taxxa kien sostnut minn persuna differenti mill-persuna taxxabbli u li r-rimbors tat-taxxa jkun jikkostitwixxi, għal din il-persuna taxxabbli, arrikkiment indebitu. Minn dan isegwi li, jekk parti biss mit-taxxa tkun ġiet mgħoddija, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati biss li jirrimborsaw l-ammont mhux mgħoddi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, EU:C:1983:318, punt 13; tal‑14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punti 2728, kif ukoll tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et, C‑147/01, EU:C:2003:533, punt 94).

43

Peress li din l-eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rimbors tat-taxxi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni hija restrizzjoni imposta fuq dritt suġġettiv ibbażat fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li l-mogħdija ta’ taxxa fuq il-konsumatur ma tneħħix neċessarjament l-effetti ekonomiċi tal-impożizzjoni fuq il-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et, C‑147/01, EU:C:2003:533, punt 95, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2018, Petrotel-Lukoil u Georgescu, C‑76/17, EU:C:2018:139, punt 35).

44

Fil-fatt, anki jekk, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-taxxi indiretti huma maħsuba sabiex jiġu mgħoddija fuq il-konsumatur finali u jekk, normalment, fil-kummerċ, dawn it-taxxi indiretti huma parzjalment jew totalment mogħdija, ma jistax jiġi affermat b’mod ġenerali li, fil-każijiet kollha, it-taxxa hija effettivament mgħoddija. Il-mogħdija effettiva, parzjali jew totali, tiddependi fuq diversi fatturi li jirrigwardaw kull tranżazzjoni kummerċjali u jiddistingwuha minn każijiet oħra li jinsabu f’kuntesti oħra. Konsegwentement, il-kwistjoni f’kull każ tal-mogħdija jew nuqqas tal-mogħdija ta’ taxxa indiretta tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, fejn din tal-aħħar tevalwa liberament il-provi mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1988, Les Fils de Jules Bianco u Girard, 331/85, 376/85 u 378/85, EU:C:1988:97, punt 17, kif ukoll tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et, C‑147/01, EU:C:2003:533, punt 96).

45

Madankollu, ma jistax jiġi ammess li, fil-każ ta’ taxxi indiretti, teżisti preżunzjoni skont liema mogħdija tkun seħħet u li hija l-persuna taxxabbli li għandha tipprova b’mod negattiv il-kuntrarju. Dan japplika wkoll meta l-persuna taxxabbli kienet obbligata, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tinkorpora t-taxxa fil-prezz tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, tali obbligu legali ma jippermettix li jiġi preżunt li l-piż kollu tat-taxxa ġie mgħoddi, anki fil-każ fejn il-ksur ta’ tali obbligu jwassal għal sanzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punti 2526).

46

Id-dritt tal-Unjoni jeskludi għalhekk l-applikazzjoni ta’ kull preżunzjoni jew regola ta’ prova intiża sabiex timponi fuq l-operatur ikkonċernat l-oneru li jistabbilixxi li t-taxxi indebitament imħallsa ma ġewx mgħoddija fuq persuni oħra u intiżi sabiex jipprekluduh milli jipproduċi provi sabiex jikkontesta allegata mogħdija (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C‑441/98 u C‑442/98, EU:C:2000:479, punt 42).

47

Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li jkun stabbilit li l-piż tat-taxxa indebita jkun mgħoddi fuq terzi, ir-rimbors tagħha lill-operatur ma jwassalx neċessarjament għall-arrikkiment indebitu ta’ dan tal-aħħar, peress li l-integrazzjoni tal-ammont tal-imsemmija taxxa fil-prezzijiet ipprattikati tista’ tikkawżalu dannu marbut mat-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punti 29 sa 32, kif ukoll dik tas‑6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et, C‑398/09, EU:C:2011:540, punt 21).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jimmotivaw ir-rifjut tagħhom li jirrimborsaw tariffa indiretta li tmur kontra d-Direttiva 2008/118 billi jippreżumu li din it-tariffa tingħadda fuq terzi u, konsegwentement, l-arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li tariffa, li d-dħul tagħha huwa assenjat, b’mod ġeneriku, lil impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali u fejn l-istruttura tagħha ma tindika ebda intenzjoni li tiskoraġġixxi l-konsum tal-karburanti prinċipali tat-toroq, ma ssegwix “finijiet speċifiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jimmotivaw ir-rifjut tagħhom li jirrimborsaw tariffa indiretta li tmur kontra d-Direttiva 2008/118 billi jippreżumu li din it-tariffa tingħadda fuq terzi u, konsegwentement, l-arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.