DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

9 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja – Sistemi ta’ kwalità applikabbli għall‑prodotti agrikoli u għall‑prodotti tal‑ikel – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Denominazzjonijiet tal‑oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi – Artikolu 9 – Protezzjoni nazzjonali tranżitorja – Indikazzjoni ġeografika li tindika prodott agrikolu, irreġistrat taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jibbenefika minn protezzjoni nazzjonali”

Fil‑Kawża C‑35/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

“Konservinvest” OOD

vs

“Bulkons Parvomay” OOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Konservinvest” OOD, minn Y. Ivanova u P. Angelov, advokati,

għal “Bulkons Parvomay” OOD, minn M. Georgieva‑Tabakova, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn M. Konstantinidis, I. Naglis u G. Koleva, sussegwentement minn M. Konstantinidis u G. Koleva, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar‑Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Konservinvest” OOD u “Bulkons Parvomay” OOD (iktar ’il quddiem “Bulkons”) dwar l-użu, minn Konservinvest, ta’ trade marks kummerċjali li jippreġudikaw id-drittijiet ta’ Bulkons fuq l‑indikazzjoni ġeografika “Lyutenitsa Parvomay”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il‑protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal‑prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU 2006, Vol. 93, p. 12), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 510/2006”), kien jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(8) tiegħu, li r-Repubblika tal‑Bulgarija u r-Rumanija għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-osservanza tal-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu 5 sa mhux iktar tard minn sena wara l-adeżjoni tagħhom.

4

Ir-Regolament Nru 510/2006 kien jipprevedi, barra minn hekk, fl-Artikolu 5(11) tiegħu:

“Fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija, il-protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini eżistenti fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom jistgħu jitkomplew għal tnax-il xahar mid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom.

Meta applikazzjoni għal reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament tintbagħat lill-Kummissjoni sa tmiem il-perijodu msemmi hawn fuq tali protezzjoni għandha tintemm fid-data meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament.

Il-konsegwenzi ta’ tali protezzjoni nazzjonali, fejn isem [denominazzjoni] ma jkunx irreġistrat taħt dan ir-Regolament, għandhom ikunu r-responsabbiltà unika ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”

5

Ir-Regolament Nru 510/2006 tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mit‑3 ta’ Jannar 2013, bir-Regolament Nru 1151/2012.

Ir-Regolament Nru 1151/2012

6

Skont il-premessi 13 sa 15, 17, 18, 20 u 24 tar-Regolament Nru 1151/2012:

“(13)

[…] id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu amalgamati f’qafas legali uniku li jikkonsisti mid-dispożizzjonijiet ġodda jew aġġornati tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 [tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, ĠU 2006, Vol. 93, p. 1)] u [Nru 510/2006] u dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 509/2006 u (KE) Nru 510/2006 li qed jinżammu.

(14)

Fl-interess taċ-ċarezza u tat-trasparenza, ir-Regolamenti [Nri 509/2006 u 510/2006] għandhom għalhekk jitħassru u jinbidlu b’dan ir-Regolament.

(15)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-prodotti agrikoli li huma maħsubin għall-konsum mill-bniedem u li huma elenkati fl-Anness I mat-Trattat u għal lista ta’ prodotti li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dak l-Anness li huma marbutin mill-qrib mal-produzzjoni agrikola jew mal-ekonomija rurali.

[…]

(17)

L-ambitu tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għandu jkun limitat għal prodotti li għalihom teżisti rabta intrinsika bejn il-karatteristiċi tal-prodott jew tal-oġġett tal-ikel u l-oriġini ġeografika. […]

(18)

L-objettivi speċifiċi tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi huma li jinkiseb dħul ġust għall-bdiewa u l-produtturi għall-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta’ prodott partikolari, jew tal-mod ta’ produzzjoni tiegħu, u li jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-prodotti li jkollhom karatteristiċi speċifiċi marbutin mal-oriġini ġeografika, u b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati ta’ xiri.

[…]

(20)

Qafas tal-Unjoni li jipproteġi d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi billi jipprevedi l-inklużjoni tagħhom f’reġistru jiffaċilita l-iżvilupp ta’ dawk l-istrumenti, għaliex l-approċċ aktar uniformi li jirriżulta jkun jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi tal-prodotti li fuqhom ikollhom dawk l-indikazzjonijiet u jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnejn il-konsumatur. […]

[…]

(24)

Biex jikkwalifikaw għall-protezzjoni fit-territorji ta’ Stati Membri, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu rreġistrati biss fil-livell tal-Unjoni. B’effett mid-data tal-applikazzjoni għal tali reġistrazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu protezzjoni transizzjonali fil-livell nazzjonali mingħajr ma jaffettwaw il-kummerċ fl-Unjoni jew dak internazzjonali. […]”

7

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Objettivi”, jipprevedi, fil‑paragrafu 1:

“Dan ir-Regolament għandu l-għan li jgħin lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti u l-attributi tal-biedja ta’ dawk il-prodotti u oġġetti tal-ikel, u b’hekk jiżgura:

a)

kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u għall-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li jkollhom karatteristiċi u attributi li jżidu l-valur;

[…]

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma maħsubin biex jappoġġaw attivitajiet agrikoli u ta’ pproċessar kif ukoll is-sistemi tal-biedja assoċjati ma’ prodotti ta’ kwalità għolja, u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika għall-iżvilupp rurali.”

8

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament ikopri l-prodotti agrikoli maħsubin għall-konsum mill-bniedem li huma elenkati fl-Anness I mat-Trattat [FUE] u prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħra elenkati fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.”

9

It-Titolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Denominazzjonijiet protetti tal‑oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 16 tiegħu. L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Objettiv”, jippreċiża:

“B’dan hija stabbilita skema għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti sabiex tgħin lill-produtturi ta’ prodotti relattivi għal żona ġeografika billi:

a)

tiżgura li jkollhom dħul ġust għall-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom;

b)

tiżgura li jkun hemm protezzjoni uniformi tal-ismijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni;

c)

tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni ċara dwar l-attributi li jżidu l-valur tal-prodott.”

10

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Rekwiżiti għal denominazzjonijiet tal-oriġin u indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprevedi, fil‑paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, ‘denominazzjoni tal-oriġini’ huwa isem li jista’ jkun isem użat tradizzjonalment, li jidentifika prodott:

a)

li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż;

b)

li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu; u

c)

li l-fażijiet ta’ produzzjoni tiegħu jseħħu kollha fiż-żona ġeografika definita.

2.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, ‘indikazzjoni ġeografika’ huwa isem li jidentifika prodott:

a)

li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew f’pajjiż;

b)

li l-kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikulari tiegħu tista’ essenzjalment tiġi attribwita lill-oriġini ġeografika tiegħu; u

c)

li jkollu għall-inqas waħda mill-fażijiet tal-produzzjoni tiegħu li sseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.”

11

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni nazzjonali transizzjonali”, kien jipprevedi:

“Stat Membru jista’, fuq bażi transizzjonali biss, jagħti protezzjoni lil isem taħt dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali, b’effett mid-data li fiha tkun tressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni.

Tali protezzjoni nazzjonali għandha tieqaf fid-data li fiha jew tkun ittieħdet deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament jew l-applikazzjoni tkun ġiet irtirata.

Fejn isem ma jkunx ġie rreġistrat taħt dan ir-Regolament, ir-responsabbiltà għall-konsegwenzi ta’ tali protezzjoni nazzjonali għandha tkun biss tal-Istat Membru kkonċernat.

Il-miżuri meħudin mill-Istati Membri taħt l-ewwel paragrafu għandhom ikollhom effett fil-livell nazzjonali biss, u m’għandu jkollhom l-ebda effett fuq il-kummerċ fl-Unjoni jew fuq dak internazzjonali.”

12

L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ismijiet, simboli u indikazzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodott li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

[…]

3.   […] L-indikazzjonijiet ‘denominazzjoni protetta tal-oriġini’ jew ‘indikazzjoni ġeografika protetta’ […] jistgħu jidhru fuq it-tikketta.

4.   Barra minn hekk, dan li ġej jista’ jidher ukoll fuq it-tikketta: xbihat taż-żona ġeografika tal-oriġini, kif imsemmija fl-Artikolu 5, u test, grafika jew simboli li jirriferu għall-Istat Membru u/jew ir-reġjun li fih tinsab dik iż-żona ġeografika tal-oriġini.

[…]”

13

Taħt it-Titolu V tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, il‑Kapitolu IV tiegħu jistabbilixxi l-proċeduri ta’ applikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni applikabbli, b’mod partikolari, għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u għall‑indikazzjonijiet ġeografiċi.

Id-dritt Bulgaru

Il-Liġi dwar it-Trade Marks u d-Denominazzjonijiet Ġeografiċi

14

Iż-Zakon za markite i geografskite oznachenia (il-Liġi dwar it-Trade Marks u d‑Denominazzjonijiet Ġeografiċi) (DV Nru 81, tal‑14 ta’ Settembru 1999), fil‑verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZMGO”), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 51(1) sa (3) tagħha:

“(1)   Denominazzjoni ġeografika tfisser denominazzjoni ta’ oriġini u indikazzjoni ġeografika.

(2)   Id-denominazzjoni ta’ oriġini hija l-isem ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ post speċifiku ta’ dak il-pajjiż, li sservi sabiex tindika prodott li joriġina minn dan il-pajjiż, minn dan ir-reġjun jew minn dan il-post speċifiku u li kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għall-ambjent ġeografiku, inklużi l-fatturi naturali u umani.

(3)   L-indikazzjoni ġeografika hija l-isem ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ post speċifiku ta’ dak il-pajjiż, li sservi sabiex tindika prodott li joriġina minn dan il-pajjiż, minn dan ir-reġjun jew minn dan il-post speċifiku u li l-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tiegħu tista’ tiġi attribwita lil din l-oriġini ġeografika.”

15

L-Artikolu 53 taż-ZMGO kien jispeċifika, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   Il-protezzjoni legali tad-denominazzjoni ġeografika tingħata permezz tar-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar mal-Uffiċċju tal-Privattivi.

(2)   Il-protezzjoni legali testendi għall-projbizzjoni ta’:

1. kwalunkwe użu kummerċjali tad-denominazzjoni ġeografika għal prodotti li huma komparabbli għal dak irreġistrat, sa fejn dan l-użu jippermetti li wieħed jibbenefika mir-reputazzjoni tad-denominazzjoni protetta;

2. kwalunkwe użu ħażin jew imitazzjoni tad-denominazzjoni ġeografika, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-użu ta’ din tal-aħħar hija tradotta jew akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘ġeneru’, ‘speċi’, ‘tip’, ‘imitazzjoni’ jew espressjoni simili;

3. kwalunkwe użu ta’ indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li jinsabu fuq l-ippakkjar minn ġewwa jew minn barra, fuq ir-reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat, indikazzjoni tali li tagħti impressjoni żbaljata rigward l-oriġini tiegħu;

4. kwalunkwe prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.”

16

Skont l-Artikolu 76 taż-ZMGO:

“(1)   L-azzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet skont din il-liġi jistgħu jkunu azzjonijiet:

1. ta’ konstatazzjoni tal-fatti tal-ksur;

2. ta’ waqfien tal-ksur;

3. ta’ kumpens għad-dannu;

4. intiżi sabiex jinkisbu s-sekwestru u t-tpoġġija barra mis-servizz tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur, kif ukoll il-mezzi użati għat-twettiq tiegħu.

(2)   Flimkien mal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ir-rikorrent jista’ jitlob ġudizzjarjament:

[…]

3. il-pubblikazzjoni bi spejjeż tal-konvenuta tad-dispożittiv tas-sentenza f’żewġ gazzetti ta’ kuljum u matul faxxa ta’ ħin ta’ korp taż xandir televiżiv b’kopertura nazzjonali, determinati mill-qorti.”

17

Iż-ZMGO tħassret fit‑22 ta’ Diċembru 2019 (DV Nru 98, tat‑13 ta’ Diċembru 2019).

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi li Temenda u Tikkompleta ż-ZMGO

18

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi li Temenda u Tikkompleta ż‑ZMGO (DV Nru 61, tal‑24 ta’ Lulju 2018) jipprevedu, fl-Artikolu 8 tagħhom:

“(1)   Id-detenturi tad-drittijiet fuq denominazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati għal prodotti agrikoli jew prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament [Nru 1151/2012] ma jistgħux jibdew azzjonijiet għal ksur imwettaq sad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

(2)   Il-proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali ma jistgħux jinbdew għal ksur imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għal drittijiet fuq denominazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati għal prodotti agrikoli jew prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 1151/2012].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Fit‑12 ta’ Frar 1999, Konservinvest, kumpannija li għandha s-sede u l‑amministrazzjoni tagħha fil-Bulgarija, kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kummerċjali kumplessa “K Konservinvest Parvomayska lyutenitsa” mingħand l‑Uffiċċju tal-Privattivi tar-Repubblika tal-Bulgarija (iktar ’il quddiem l‑“Uffiċċju”), sabiex tindika l-prodott “lyutenitsa”. Barra minn hekk, fit‑3 ta’ Mejju 2005, hija kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kumplessa “Parvomayska lyutenitsa Rachenitsa”, mitluba fil‑15 ta’ Mejju 2003, sabiex tindika l-istess prodott. Għal dawn iż-żewġ trade marks, l-elementi “parvomayska lyutenitsa” ma humiex protetti.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Uffiċċju tat‑3 ta’ Lulju 2013, Bulkons, kumpannija li għandha wkoll is-sede u l-amministrazzjoni tagħha fil-Bulgarija, skont iż-ZMGO li dak iż-żmien kienet fis-seħħ, ġiet irreġistrata bħala utenti tal‑indikazzjoni ġeografika “Lyutenitsa Parvomay” (iktar ’il quddiem l-“indikazzjoni ġeografika kontenzjuża”), li tindika l-prodott “lyutenitsa”, peress li Parvomay huwa komun Bulgaru. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din l‑indikazzjoni ġeografika kienet ippreżentata minn Bulkons fl‑14 ta’ Marzu 2013.

21

Konservinvest marret quddiem il-qrati amministrattivi b’rikors intiż għall‑annullament ta’ din id-deċiżjoni, minħabba li l-President tal-Uffiċċju ma kellux il-kompetenza sabiex jipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika relatata ma’ prodott agrikolu, peress li tali reġistrazzjoni hija rregolata mir-Regolament Nru 1151/2012 u possibbli biss fil-livell tal-Unjoni, skont il-proċedura prevista minn dan ir-regolament. Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2017, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) ċaħdet dan ir-rikors, billi kkunsidrat li dan ir-regolament ma kienx applikabbli għat-tilwima peress li r-reġistrazzjoni kkontestata ma kinitx intiża sabiex tikseb il-protezzjoni mogħtija minnha.

22

Barra minn hekk, Bulkons marret quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) b’azzjonijiet magħquda kontra Konservinvest, skont il-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 76(1), moqri flimkien ma’, b’mod partikolari, il-punt 4 tal-Artikolu 76(1) u l-punt 3 tal-Artikolu 76(2), taż-ZMGO. Permezz tagħhom, hija talbet b’mod partikolari li jiġi kkonstatat li d-drittijiet tagħha fuq l-indikazzjoni ġeografika kontenzjuża nkisru bl-użu, minn Konservinvest, ta’ diversi trade marks kummerċjali, fosthom dawk identifikati fil-punt 19 ta’ dan id-digriet, sabiex jindikaw il-prodott “lyutenitsa”; li Konservinvest tiġi kkundannata twaqqaf il-ksur u tikkumpensa d-dannu subit fl-ammont ta’ BGN 636 284.16 (lev Bulgaru) (madwar EUR 325000); u li jiġi ordnati s-sekwestru u l-qerda (“tqegħid barra mis-servizz”) tal-prodotti li jikkostitwixxu ksur.

23

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2017, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ċaħdet dawn l-azzjonijiet, minħabba li dawn kienu jirrigwardaw prodott li għalih japplika r-Regolament Nru 1151/2012 direttament u li dan tal-aħħar jirrikjedi li r-reġistrazzjoni tal-ismijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel għandha ssir quddiem il-Kummissjoni Ewropea.

24

L-appell ippreżentat minn Bulkons kontra dik is-sentenza ntlaqa’ mis-Sofiyski Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, li laqgħet kompletament l-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija. Dik il-qorti qieset li dawk l-azzjonijiet kienu ammissibbli, peress li l-Artikolu 8(1) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi li Temenda u Tikkompleta ż‑ZMGO ma huwiex applikabbli għat-tilwima li biha ġiet adita, kif ukoll fondati, peress li ż-ZMGO u r-Regolament Nru 1151/2012 jirregolaw relazzjonijiet differenti u jiggarantixxu protezzjoni parallela ta’ drittijiet differenti.

25

Konservinvest appellat fil-kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tindika li hija għandha tevalwa l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet mibdija minn Bulkons u li, għal dan il-għan, hija għandha tiddetermina jekk l-indikazzjoni ġeografika kontenzjuża tibbenefikax minn protezzjoni skont il-leġiżlazzjoni Bulgara.

26

F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika quddiem l-Uffiċċju, inkluż għal prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel, tagħtiha protezzjoni nazzjonali li tippermettilha sanzjoni ġudizzjarja jekk l-użu ta’ din l-indikazzjoni jiġi ppreġudikat minn suġġett tad-dritt mhux awtorizzat. Tali indikazzjoni ġeografika tagħti lill-konsumaturi garanziji ta’ kwalità għolja tal-prodott indikat minnha u tiddeskrivi l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Barra minn hekk, hija toħloq ostakolu għal deterjorament ta’ din il-kwalità li tirriżulta minn produzzjoni tal-istess prodott minn produtturi mhux irreġistrati.

27

Fid-dawl tal-iżvilupp tal-leġiżlazzjonijiet internazzjonali u tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ismijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel li l-kwalità u n-natura unika tagħhom huma assoċjati ma’ ċerti reġjuni tal-Unjoni, u fid-dawl tal-Artikolu 9 kif ukoll tal-premessi 15 u 24 tar-Regolament Nru 1151/2012, il-qorti tar-rinviju tqis possibbli li r-reġistrazzjoni u l-protezzjoni legali ta’ dawn il-prodotti jiġu esklużi fil-livell nazzjonali. Madankollu, hija tqis li, ladarba t-tilwima tkun bejn produtturi lokali tal-istess prodott agrikolu wieħed fir-rigward ta’ indikazzjoni ġeografika li tkun kisbet reġistrazzjoni nazzjonali biss u meta jkun hemm ksur imwettaq fit-territorju tal-istess Stat Membru, il-possibbiltà li ssir reġistrazzjoni unikament fil-livell nazzjonali għal prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1151/2012 u li tibbenefika minn protezzjoni konkreta fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru biss ma hijiex espliċitament eskluża mid-dritt tal-Unjoni.

28

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal‑Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 9 tar-[Regolament Nru 1151/2012] jippermetti l-eżistenza, lil hinn mill-każijiet ta’ protezzjoni tranżitorja irregolati mill-imsemmi artikolu, ta’ sistema nazzjonali għar-reġistrazzjoni u għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, koperti mir-Regolament, u jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali oħra li japplikaw simultanjament (simili għas-sistema parallela tat-trade marks) dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim dwar ksur tad-dritt għal tali indikazzjoni ġeografika bejn negozjanti lokali li jipproduċu u li jikkummerċjalizzaw prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, koperti mir-Regolament Nru 1151/2012, fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-indikazzjoni ġeografika?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r‑risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill‑ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal‑Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

30

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata f’din il-kawża.

31

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-formulazzjoni tad‑domanda magħmula tirreferi biss għall-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1151/2012, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-portata tas-sistema kollha ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif previst minn dan ir-regolament.

32

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1151/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi, relatati ma’ prodotti agrikoli u ma’ prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li huma intiżi li japplikaw biss għat-tilwim relatat mal-ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn dawn id-denominazzjonijiet bejn negozjanti ta’ dan l-Istat Membru li jipproduċu, abbażi ta’ dan tal-aħħar, il-prodotti li għalihom l-imsemmija denominazzjonijiet kienu ġew irreġistrati skont din il-leġiżlazzjoni.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, kif jirriżulta mill-premessi 13 u 14 tar-Regolament Nru 1151/2012, dan tal-aħħar jgħaqqad f’kuntest ġuridiku uniku, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ġodda jew aġġornati tar-Regolament Nru 510/2006 kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jinżammu fis-seħħ, u jissostitwixxih. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 510/2006 li ġew, essenzjalment, riprodotti fir-Regolament Nru 1151/2012 tibqa’ b’hekk rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti li jinsabu f’dan l-aħħar regolament. Bl-istess mod, peress li r-Regolament Nru 510/2006 stess ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li, essenzjalment, ġew riprodotti fir-Regolament Nru 510/2006, u sussegwentement fir-Regolament Nru 1151/2012, tibqa’ wkoll rilevanti għal din l-interpretazzjoni.

34

Fir-rigward tad-domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-premessa 20, tal-premessa 24 u mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, din għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiżgura protezzjoni uniformi, fl-Unjoni, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi koperti minnha u, għal dan il-għan, stabbilixxiet l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni f’kull Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 107108).

35

B’hekk, ir-Regolament Nru 1151/2012, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE, jikkostitwixxi strument tal-politika agrikola komuni intiż essenzjalment sabiex jiżgura lill-konsumaturi li prodotti agrikoli li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika rreġistrata taħt dan ir-regolament ikollhom, minħabba l-provenjenza minn żona ġeografika speċifika tagħhom, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforzi kwalitattivi reali sabiex jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi ma japprofittawx ruħhom b’mod abbużiv mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 109 sa 111 u l-ġurisprudenza ċċitata), dak li jirriflettu b’mod partikolari l-premessa 18 kif ukoll l-Artikoli 1 u 4 ta’ dan ir-regolament.

36

Madankollu, kieku kien possibbli għall-Istati Membri li jippermettu lill-produtturi tagħhom li jużaw fit-territorji nazzjonali tagħhom waħda mill-indikazzjonijiet jew wieħed mis-simboli li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1151/2012 jirriżerva għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u għall-indikazzjonijiet irreġistrati skont dan ir-regolament, billi jibbażaw fuq dritt nazzjonali li jista’ jirrispondi għal rekwiżiti inqas vinkolanti minn dawk imposti fil-kuntest ta’ dan ir-regolament għall-prodotti inkwistjoni, din il-garanzija ta’ kwalità, li tikkostitwixxi l-funzjoni essenzjali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi mogħtija skont dan l-istess regolament, tirriskja li ma tiġix żgurata, li jista’ wkoll, fis-suq intern, jikkomprometti l-għan ta’ kompetizzjoni ugwali bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet jew simboli u jista’, b’mod partikolari, joħloq dannu għad-drittijiet li għandhom jiġu rriżervati lill-produtturi li jkunu għamlu sforz kwalitattiv reali sabiex ikunu jistgħu jużaw denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont ir-Regolament Nru 1151/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 112).

37

Dan ir-riskju ta’ preġudizzju għall-għan ċentrali li tiġi żgurata l-kwalità tal-prodotti agrikoli kkonċernati huwa għaldaqstant iktar importanti peress illi, kuntrarjament għat-trade marks, ebda miżura tal-Unjoni ta’ armonizzazzjoni ta’ eventwali sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ma ġiet adottata parallelament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 113).

38

Minn dan għandu jiġi konkluż li l-għan tar-Regolament Nru 1151/2012 ma huwiex li jistabbilixxi, flimkien ma’ regoli nazzjonali li jistgħu jkomplu jeżistu, sistema supplimentari ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati, jiġifieri denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, iżda li jipprevedi sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti għal tali denominazzjonijiet u indikazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 114).

39

In-natura eżawrjenti tas-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi prevista mir-Regolament Nru 1151/2012 hija kkonfermata mill-fatt li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 hija bbażata fuq qsim tal-kompetenzi bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni. Fil-fatt, konformement mal-proċedura ta’ applikazzjoni u reġistrazzjoni prevista fil-Kapitolu IV tat-Titolu V tar-Regolament Nru 1151/2012, id-deċiżjoni li tiġi rreġistrata denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta tista’ tittieħed mill-Kummissjoni biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ippreżentalha applikazzjoni għal dan il-għan u tali applikazzjoni tista’ ssir biss jekk dan l-Istat Membru jkun ivverifika li din kienet iġġustifikata. Il-proċeduri nazzjonali ta’ reġistrazzjoni huma għaldaqstant integrati fil-proċedura deċiżjonali tal-Unjoni u jikkostitwixxu parti essenzjali minnha. Huma ma jistgħux jeżistu barra mis-sistema ta’ protezzjoni tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 116117 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-kuntest, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri jistgħu jagħtu, taħt ir-responsabbiltà tagħhom biss, protezzjoni nazzjonali tranżitorja sakemm tittieħed deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont dan ir-regolament jew sakemm din l-applikazzjoni tiġi rtirata. Issa, dispożizzjoni ta’ din in-natura ma jkollha ebda sens kieku l-Istati Membri setgħu f’kull każ jikkonservaw is-sistemi tagħhom stess ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, fis-sens tar-Regolament Nru 1151/2012 u jagħmluhom jikkoeżistu ma’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 118120).

41

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, Bulkons quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li r-Regolament Nru 1151/2012 ma jirriproduċix is-sistema tranżitorja li kienet prevista fl-Artikolu 5(11) tar-Regolament Nru 510/2006 favur ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea, għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini nazzjonali li kienu jeżistu qabel id-data ta’ din l-adeżjoni, bl-ebda mod ma jfisser li r-Regolament Nru 1151/2012 kien imur lura fuq in-natura eżawrjenti tas-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi li kienet prevista qabel mir-Regolament Nru 510/2006.

42

Is-sistema tranżitorja li kienet prevista f’din id-dispożizzjoni kienet tirriproduċi, essenzjalment, is-sistema tranżitorja li kienet ġiet prevista qabel fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi nazzjonali eżistenti fl-għaxar Stati li aderixxew mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004. Issa, dan kien ġie kkunsidrat mhux bħala element li jiddetermina n-natura eżawrjenti tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mir-Regolament Nru 510/2006, iżda biss bħala element li jikkonferma din in-natura eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 124 sa 128).

43

Fil-fatt, hija n-natura stess tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 510/2006, u diġà qabel mir-Regolament Nru 2081/92, li tirriżulta mill-għan tiegħu li tiġi żgurata protezzjoni uniformi, fil-Komunità, tal-ismijiet ġeografiċi li kopriet u li b’hekk tiġi ggarantita kompetizzjoni ugwali bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-ismijiet, għall-benefiċċju kemm ta’ dawn il-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, li kienet wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li r-Regolament Nru 510/2006 kien jipprevedi sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti għal tali ismijiet, li teskludi l-eżistenza parallela ta’ sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, fis-sens ta’ dan l-aħħar regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 107 sa 114). Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 34 sa 38 ta’ dan id-digriet, ir-Regolament Nru 1151/2012 isegwi, fir-rigward tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel previsti fih, l-istess għan.

44

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-dispożizzjoni tranżitorja li kienet prevista fl-Artikolu 5(11) tar-Regolament Nru 510/2006 ma ġietx riprodotta fir-Regolament Nru 1151/2012 sempliċement minħabba l-fatt li l-perijodu previst għaliha kien skada u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni kienet tilfet kull utilità, peress li l-Istati Membri msemmija fiha, fl-iskadenza ta’ dan il-perijodu, kienu kompletament obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 510/2006, issa riprodotti fir-Regolament Nru 1151/2012.

45

F’dan ir-rigward, u fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Bulkons quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, regolament, bħar-Regolament Nru 1151/2012, huwa obbligatorju fl-elementi tiegħu kollha u direttament applikabbli f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri, jeħtieġ li l-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt jobbliga b’hekk lill-qrati nazzjonali li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 57, u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-att ta’ akkuża), C‑282/20, EU:C:2021:874, punt 39).

47

Huwa biss meta jkun impossibbli għaliha li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali li tkun responsabbli sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkollha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ tħalli mhux applikata, fuq l-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew permezz ta’ kull proċess kostituzzjonali ieħor (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZK (Regolarizzazzjoni tal-att tal-akkuża), C‑282/20, EU:C:2021:874, punt 40).

48

B’hekk, fil-każ li interpretazzjoni konformi tkun impossibbli, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li tħalli mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZK (Regolarizzazzjoni tal-att tal-akkuża), C‑282/20, EU:C:2021:874, punt 41).

49

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sistema li għandha tiġi applikata fis-suq ta’ Stat Membru, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-Regolament Nru 1151/2012 għandu l-għan li jipprevedi sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, din l-esklużività ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-ismijiet ġeografiċi li jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia, C‑35/13, EU:C:2014:306, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, mill-premessa 17 kif ukoll mill-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jirriżulta li s-sistema ta’ protezzjoni prevista minn dan ir-regolament għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi hija limitata, rispettivament, għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini relatati mal-prodotti li għalihom teżisti rabta diretta bejn, minn naħa, il-kwalità jew il-karatteristiċi tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-ambjent ġeografiku tal-oriġini tagħhom, kif ukoll l-indikazzjonijiet ġeografiċi relatati mal-prodotti li għalihom teżisti rabta diretta bejn, minn naħa, kwalità determinata, ir-reputazzjoni jew proprjetà oħra tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-oriġini ġeografika (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2000, Warsteiner Brauerei, C‑312/98, EU:C:2000:599, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia, C‑35/13, EU:C:2014:306, punt 29).

51

Minn dan isegwi li l-ismijiet ta’ provenjenza ġeografika li jservu unikament sabiex jippromwovu l-oriġini ġeografika ta’ prodott, indipendentement mill-karatteristiċi partikolari tiegħu, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 sa fejn jikkonċerna d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia, C‑35/13, EU:C:2014:306, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għaldaqstant, is-sistema ta’ protezzjoni li tista’ tiġi applikata, jekk ikun il-każ, fis-suq ta’ Stat Membru, għall-isem ġeografiku nieqes minn reġistrazzjoni tal-Unjoni hija dik prevista għall-ismijiet ġeografiċi marbuta mal-prodotti li fil-konfront tagħhom ma teżisti l-ebda rabta partikolari bejn il-karatteristiċi tagħhom u l-oriġini ġeografika tagħhom (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia, C‑35/13, EU:C:2014:306, punt 31).

53

Madankollu, sabiex tali sistema tkun tista’ tapplika, għandha tkun konformi mar-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju, minn naħa, li l-applikazzjoni tiegħu ma tikkompromettix l-għanijiet tar-Regolament Nru 1151/2012. Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, dan jimplika li l-protezzjoni mogħtija mis-sistema nazzjonali kkonċernata ma għandux ikollha l-effett li tiggarantixxi lill-konsumaturi li l-prodotti li jibbenefikaw minn din il-protezzjoni għandhom kwalità jew karatteristika partikolari, iżda unikament li dawn il-prodotti ġejjin tabilħaqq miż-żona ġeografika msemmija. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li din l-applikazzjoni ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia, C‑35/13, EU:C:2014:306, punti 33 sa 35).

54

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 51(1) taż-ZMGO, it-termini “indikazzjoni ġeografika” jkopru kemm id-“denominazzjonijiet ta’ oriġini” kif ukoll l-“indikazzjonijiet ġeografiċi”, fis-sens ta’ din il-liġi, u li skont, rispettivament, il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 51, kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ indikazzjoni huwa intiż li jintuża sabiex jiġu indikati prodotti li għalihom teżisti rabta diretta bejn, minn naħa, il-kwalità tagħhom, ir-reputazzjoni tagħhom jew waħda oħra mill-karatteristiċi tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-oriġini ġeografika tagħhom. Il-formulazzjoni ta’ dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet tikkorrispondi, barra minn hekk, essenzjalment, rispettivament għal dik tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) u għal dik tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1151/2012.

55

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li indikazzjoni ġeografika, fis-sens tal-imsemmija liġi, tagħti lill-konsumaturi garanziji ta’ kwalità għolja tal-prodott indikat, tiddeskrivi l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu u toħloq ostakolu għad-degradazzjoni ta’ din il-kwalità li tirriżulta minn produzzjoni tal-istess prodott minn produtturi mhux irreġistrati.

56

Għaldaqstant jidher li l-ismijiet ġeografiċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux denominazzjonijiet ġeografiċi sempliċi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ dan id-digriet, iżda denominazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, bħad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li l-protezzjoni tagħhom hija prevista mir-Regolament Nru 1151/2012, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

57

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju u, b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi l-“prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel” li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012, kif ippreċiżat fil-premessa 15 u ddefinit fl-Artikolu 2 tiegħu, fatt li juri, barra minn hekk, it-tilwima fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha ma huwiex ikkontestat li l-prodott inkwistjoni jaqa’ f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, tali sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi, relatati mal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012, ma tistax teżisti flimkien mas-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi prevista minn dan ir-regolament.

59

F’dan ir-rigward, il-fatt li tali sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi kkwalifikati hija intiża li tiġi applikata biss sabiex tirregola r-relazzjonijiet bejn kummerċjanti tal-Istat Membru kkonċernat li jipproduċu, fit-territorju tiegħu, il-prodotti li għalihom dawn id-denominazzjonijiet ġew irreġistrati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u, konsegwentement, tapplika biss fis-suq nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru ma jistax jippermetti li jitqies li tali koeżistenza hija permessa. Fil-fatt, tali sistema, peress li ma għandhiex l-effett li tiggarantixxi esklużivament lill-konsumaturi li l-prodotti kkonċernati joriġinaw miż-żona ġeografika inkwistjoni, iżda li tiggarantilhom ukoll li dawn il-prodotti jippreżentaw kwalità jew karatteristika partikolari, tikkomprometti l-għanijiet tar-Regolament Nru 1151/2012. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ dan id-digriet, tali sistema ma tistax titqies li hija konformi mar-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1151/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati, relatati ma’ prodotti agrikoli u ma’ prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li huma intiżi li japplikaw biss għat-tilwim relatat mal-ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn dawn id-denominazzjonijiet bejn negozjanti ta’ dak l-Istat Membru li jipproduċu, fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, il-prodotti li għalihom dawk id-denominazzjonijiet ġew irreġistrati skont din il-leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tordna:

 

Ir-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi kkwalifikati, relatati ma’ prodotti agrikoli u ma’ prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li huma intiżi li japplikaw biss għat-tilwim relatat mal-ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn dawn id-denominazzjonijiet bejn negozjanti ta’ dak l-Istat Membru li jipproduċu, fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, il-prodotti li għalihom dawk id-denominazzjonijiet ġew irreġistrati skont din il-leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.