21.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/9 |
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija
(Kawża C-823/21)
(2022/C 128/12)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Azéma, L. Grønfeldt, A. Tokár u J. Tomkin, aġenti)
Konvenut: L-Ungerija
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tiddikjara li, peress li ssuġġettat l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Ungeriż, inkluż fil-fruntieri tiegħu, għar-rekwiżit li l-ewwel għandhom jgħaddu minn proċedura f’rappreżentanza diplomatika Ungeriża f’pajjiż terz, l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 (1), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
— |
tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Skont ir-regoli dwar id-dritt għall-ażil introdotti fl-Ungerija permezz tal-Att LVIII tal-2020, li ġie adottat fuq bażi provviżorja iżda sussegwentement ġie estiż f’diversi okkażjonijiet, il-persuni kollha li jixtiequ jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fl-Ungerija għandhom, bi ftit eċċezzjonijiet, l-ewwel jippreżentaw ittra ta’ intenzjoni lill-ambaxxata Ungeriża f’Belgrad jew Kiev, u huwa biss wara tweġiba pożittiva għal dik l-ittra ta’ intenzjoni u l-ħruġ ta’ permess ta’ dħul li jkun jista’ jsir aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali.
Il-Kummissjoni tqis li din il-proċedura l-ġdida ta’ ażil hija inkompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta.
Id-dritt ta’ “aċċess għall-proċedura”, li huwa ggarantit mill-Artikolu 6 tad-Direttiva, jimplika l-ewwel u qabel kollox il-possibbiltà għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż fil-fruntieri tiegħu, li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali.
Madankollu, mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Att LVIII tal-2020 jirriżulta li, jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Ungeriż, inkluż fil-fruntieri tiegħu, jesprimu r-rieda tagħhom li jagħmlu użu mill-protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet Ungeriżi ma jikkunsidrawx dik id-dikjarazzjoni bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2013/32. L-applikazzjoni ma tiġix irreġistrata u l-persuna ma tingħatax id-drittijiet li l-applikant huwa intitolat għalihom. Minflok, sabiex tippreżenta l-applikazzjoni tagħha, il-persuna trid tħalli t-territorju Ungeriż, tmur lura f’pajjiż terz u l-ewwel tgħaddi minn proċedura fl-ambaxxata Ungeriża f’dak il-pajjiż.
(1) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).