28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija) fis-7 ta’ Diċembru 2021 – PJ vs Eurowings GmbH

(Kawża C-751/21)

(2022/C 95/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Salzburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: PJ

Konvenut: Eurowings GmbH

Domandi preliminari

1)

Ikun hemm ċirkustanza ta’ “rifjut ta’ imbark” fis-sens tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (1) ukoll meta passiġġieri jiġu rrifjutati l-imbark fuq it-titjira kkonċernata mhux fil-bieb tal-imbark (post tat-tluq), iżda minn qabel fil-post taċ-check-in u jekk, għal din ir-raġuni, dawn lanqas jaslu quddiem il-bieb tal-imbark?

2)

Sabiex il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 jiġu ssodisfatti, huwa suffiċjenti li l-passiġġier, għal ħin tat-tluq previst fis-6.20, l-imbark previst fis-5.50 u l-“għeluq tal-bieb tal-imbark” previst fis-6.05 (skont il-ħinijiet li jinsabu fil-karta tal-imbarkazzjoni) wara li jkun wasal fl-ajruport bit-taxi fil-5.14, jippreżenta ruħu immedjatament (jiġifieri madwar il-5.16) fil-post taċ-check-in tal-konvenuta, u dan b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tal-fatt li l-konvenuta kienet informat lil dan il-passiġġier fit-3.14 fil-jum tat-tluq li l-parti l-kbira tat-titjira kienet ibbukkjata u li kellu jsir check-in tal-bagalji li jinġarru bl-idejn fil-post taċ-check-in u, minbarra dan b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-konvenuta li l-post taċ-check-in tal-ajruport ta’ Hamburg (il-Ġermanja) jinfetaħ bejn sagħtejn u 40 minuta qabel it-tluq tat-titjira?

3)

Il-fatt li r-rikorrent u l-familja tiegħu, għaċ-check-in tal-bagalji tagħhom, kienu direttament intbagħtu, fil-5.16, mill-post taċ-check-in tal-konvenuta lejn il-magni taċ-check-in tal-bagalji li huma ferm użati tal-ajruport ta’ Hamburg, li ma kinux qed jaħdmu sew minkejja l-għajnuna pprovduta mill-persunal tal-konvenuta jew tal-ajruport, sussegwentement kienu ntbagħtu lejn magni taċ-check-in tal-bagalji oħra, fejn iċ-check-in ma setax jiġi kkompletat għal draba oħra, fis-sens li fis-5.40, l-ewwel magna sussegwentement ħadmet, għamlet iċ-check-in tal-bagalja, iżda rrifjutat iċ-check-in fis-5.41 u reġgħet bagħtet mill-ġdid lir-rikorrent lejn il-post taċ-check-in tal-konvenuta, fejn l-imsemmi rikorrent ġie informat li issa kien tilef it-titjira tiegħu, jikkostitwixxi “rifjut ta’ imbark” fis-sens tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004?

4)

Fid-dawl tad-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom waqt iċ-check-in awtomatiku tal-bagalji, il-fatt li sempliċement segwa l-istruzzjonijiet tal-persunal u tal-magni filwaqt li naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni li l-ħin kien għaddej qabel t-tmiem iċ-check-in u sakemm jasal lejn il-bieb tal-imbark jikkostitwixxi nuqqas kontributorju tar-rikorrent u, b’konsegwenza, tal-persuni li vvjaġġaw miegħu? Fid-dawl tad-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom waqt iċ-check-in, ir-rikorrent u l-persuni li vvjaġġaw miegħu jistgħu jiġu kkritikati li ma ħasbux biżżejjed kmieni li l-bagalji jintbagħtu wara? Seta’ jiġi raġonevolment mistenni li l-grupp ta’ vjaġġaturi jisseparaw, li persuna, pereżempju r-rikorrent, titħalla bil-bagalji, sabiex il-persuni l-oħra jaslu lejn il-bieb tal-imbark, u dan b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni tal-fatt li t-tifla tar-rikorrenti kellha mobbiltà limitata minħabba krozzi wara operazzjoni fl-irkoppa u li l-kunjata tar-rikorrent kienet limitata minħabba l-età u l-artrożi?

5)

Fil-każ fejn l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda jeħtieġu risposta fin-negattiv: l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-passiġġiera, madwar siegħa qabel it-tluq imorru fil-kju li jinsab quddiem il-post taċ-check-in tal-maġna taċ-check-in tal-bagalji, iżda li, minħabba nuqqasijiet ta’ organizzazzjoni tal-kumpannija tal-ajru (b’mod partikolari, minħabba l-ftuħ ta’ numru insuffiċjenti ta’ postijiet taċ-check-in, ta’ nuqqas ta’ persunal, ta’ assenza ta’ informazzjoni tal-passiġġiera permezz ta’ sistemi ta’ loudspeakers) u/jew minħabba diżordni fl-ajruport (nuqqas ta’ tħaddim tal-magni taċ-check-in tal-bagalji), dawn il-passiġġieri ikun imisshom jippreżentaw ruħhom fil-post taċ-check-in biss fil-mument (l-għeluq ta’ dan iċ-check-in) fejn minħabba din ir-raġuni ma imbarkawx, jeżisti każ ta’ “rifjut ta’ imbark” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.