11.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fis-26 ta’ Novembru 2021 – Eco Advocacy CLG vs An Bord Pleanála

(Kawża C-721/21)

(2022/C 158/03)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Eco Advocacy CLG

Konvenut: An Bord Pleanála

Parti intervenjenti: Keegan Land Holdings

Partijiet oħra: An Taisce – The National Trust for Ireland, ClientEarth AISBL

Domandi preliminari

1.

Il-prinċipju ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u/jew ta’ kooperazzjoni leali għandhom l-effett li, b’mod ġenerali jew fil-kuntest speċifiku tad-dritt tal-ambjent, fejn waħda mill-partijiet tnedi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ miżura amministrattiva b’referenza, b’mod espress jew impliċitu, għal strument partikolari tad-dritt tal-Unjoni, iżda ma tispeċifikax liema dispożizzjonijiet tal-istrument ma ġewx osservati, jew b’referenza għal liema interpretazzjoni preċiża, il-qorti nazzjonali adita bil-proċedura għandha, jew tista’, teżamina l-ilment, minkejja li r-regola tal-proċedura interna tirrikjedi li l-ksur speċifiku kkonċernat ikun ifformulat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet?

2.

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda l-Artikolu 4(2), (3), (4) u/jew (5) u/jew l-Anness III tad-Direttiva EEA (1) 2011/92 u/jew id-Direttiva moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom il-konsegwenza li, fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tissuġġettax proposta għal kunsens għall-iżvilupp għal proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jkun hemm dikjarazzjoni espressa, diskreta u/jew speċifika fir-rigward ta’ liema dokumenti jifformulaw eżattament ir-raġunijiet tal-awtorità kompetenti?

3.

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda l-Artikolu 4(2), (3), (4) u/jew (5) u/jew l-Anness III tad-Direttiva EEA 2011/92 u/jew id-Direttiva moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom il-konsegwenza li, fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tissuġġettax proposta għal kunsens għall-iżvilupp għal proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hemm obbligu li tiġi indikata b’mod espress l-evalwazzjoni tal-intestaturi u tas-subintestaturi speċifiċi kollha tal-Anness III tad-Direttiva EEA, sa fejn dawk l-intestaturi u subintestaturi huma potenzjalment rilevanti għall-iżvilupp?

4.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-applikazzjoni tal-prinċipju li sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li titwettaq, sussegwentement, evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet, għal sit ikkonċernat, ta’ pjan jew proġett, ma hemmx lok, fil-fażi ta’ screening, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara tal-pjan jew proġett fuq dak is-sit, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru hija intitolata tieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi tal-pjan jew proġett li jinvolvu t-tneħħija tal-kontaminanti li jista’ jkollhom l-effett li jnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-sit Ewropew biss abbażi tal-fatt li dawk il-karatteristiċi ma humiex intiżi bħala miżuri ta’ mitigazzjoni anki jekk għandhom dak l-effett, u li kienu jkunu inkorporati fid-disinn bħala karatteristiċi standard, irrispettivament minn kwalunkwe effett fuq is-sit Ewropew ikkonċernat?

5.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru hija sodisfatta, minkejja l-mistoqsijiet u d-dubji espressi minn korpi speċjalizzati fil-fażi ta’ screening, li l-ebda evalwazzjoni xierqa ma hija meħtieġa, l-awtorità għandha tagħti motivazzjoni espliċita u ddettaljata tad-deċiżjoni tagħha li tkun kapaċi tneħħi kull dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika dwar l-effetti tax-xogħlijiet previsti fis-sit Ewropew ikkonċernat, u li b’mod espress u individwali tneħħi kull wieħed mid-dubji mqajma f’dak ir-rigward matul il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku?.

6.

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 u/jew id-Direttiva moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u amministrazzjoni tajba skont l-Arikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu l-konsegwenza li, fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tissuġġettax proposta għal kunsens għall-iżvilupp għal proċess ta’ evalwazzjoni xierqa, għandu jkun hemm dikjarazzjoni espressa, diskreta u/jew speċifika fir-rigward ta’ liema dokumenti jifformulaw eżattament ir-raġunijiet tal-awtorità kompetenti?


(1)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).