14.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Słupsku (il-Polonja) fil-25 ta’ Ottubru 2021 – Proċeduri kriminali kontra M.C., M.F.

(Kawża C-648/21)

(2022/C 73/10)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Słupsku

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

M.C., M.F.

Domandi preliminari

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 47b(5) u (6) moqri flimkien mal-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 24(1) tal-ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), li skonthom korp ta’ qorti nazzjonali, bħall-kulleġġ ta’ qorti, ikollu kompetenza jeżenta lil imħallef ta’ dik il-qorti mill-obbligu li jeżamina parti mill-każijiet assenjati lilu jew kollha kemm huma, meta:

a)

fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ikun hemm, bis-saħħa tal-liġi, il-presidenti ta’ qrati maħtura f’din il-pożizzjoni mill-organu eżekuttiv; bħall-Ministru għall-Ġustizzja li fl-istess waqt huwa l-Prosekutur Ġenerali;

b)

l-eżenzjoni tal-imħallef mill-obbligu li jeżamina l-kawżi assenjati lilu sseħħ mingħajr il-kunsens tiegħu;

c)

id-dritt nazzjonali ma jipprevedix kriterji li l-kulleġġ ta’ qorti għandu jsegwi meta jeżenta lil imħallef mill-obbligu li jeżamina l-kawzi assenjati lilu, u lanqas ma jipprevedi l-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali eżenzjoni;

d)

xi membri tal-kulleġġ tal-qorti ġew maħtura fil-pożizzjoni ta’ imħallfin f’ċirkustanzi analogi għal dawk li dwarhom titkellem is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin) (C-791/19, EU:C:2021:596)?

2)

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda, u l-prinċipju ta’ supremazija għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu d-dritt (jew jobbligaw) lill-qorti nazzjonali li teżamina kawża fi proċeduri kriminali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 (1), li mħallef minn tagħha ġie eżentat mill-obbligu li jeżamina l-kawża bil-mod deskritt fl-ewwel domanda, kif ukoll lill-korpi kollha nazzjonali biex jinjoraw l-att tal-kulleġġ tal-qorti u atti oħra maħruġa warajh, bħal ordnijiet biex kawżi jiġu assenjati mill-ġdid, fosthom il-kawża prinċipali, billi jiġi eskluż l-imħallef eżentat, biex b’hekk ikun jista’ jkompli jkun sedenti fil-kompożizzjoni li teżamina dik il-kawża?

3)

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda, u l-prinċipju ta’ supremazija għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, fi proċeduri kriminali koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343, ikun hemm tip ta’ miżuri li jiggarantixxu li l-partijiet fil-kawża, bħall-akkużati fil-kawża prinċipali, ikunu jistgħu jiksbu stħarriġ u jippreżentaw appell fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel punt tal-ewwel domanda, li jwasslu għal bidla fil-kompożizzjoni ġudikanti tal-qorti li teżamina l-kawża u konsegwentement iwasslu għall-eżenzjoni tal-imħallef li sa dak il-waqt kien assenjat li jeżamina l-kawża mill-obbligu li jeżaminaha bil-mod deskritt fl-ewwel domanda?


(1)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).