16.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ Settembru 2021 – XN vs Politseyski organ pri 02 RU SDVR

(Kawża C-608/21)

(2022/C 198/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XN

Konvenut: Politseyski organ pri 02 RU SDVR

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) flimkien mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali, applikata b’mod korrettiv abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, li tipprovdi li r-raġunijiet għall-arrest jew għat-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna ssuspettata, inkluż għar-reat li hija ssuspettata li wettqet, jistgħu ma jiġux inklużi fl-att bil-miktub li jordna t-tqegħid taħt detenzjoni, iżda jistgħu jkunu inklużi f’dokumenti (preċedenti jew sussegwenti) li jakkumpanjaw lil dan l-att, liema dokument ma jkunux ipprovduti immedjatament u li tagħhom il-persuna kkonċernata tista’ tieħu konoxxenza sussegwentement, fil-kuntest ta’ eventwali rikors ġudizzjarju intiżi li tiġi kkontestata l-legalità tat-tqegħid taħt detenzjoni?

2)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-informazzjoni dwar l-aġir li jikkostitwixxi reat, li fir-rigward tiegħu l-persuna arrestata titqiegħed taħt detenzjoni, għandha tinkludi elementi dwar il-mument, il-post, il-modalitajiet tar-reat, il-parteċipazzjoni konkreta tal-imsemmija persuna f’dan ir-reat, u l-klassifikazzjoni kriminali li tirriżulta minn dan, sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża?


(1)  ĠU 2012, L 142, p. 1.