15.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 462/29


Appell ippreżentat fit-8 ta’ Settembru 2021 minn Global Silicones Council, Dow Silicones UK Ltd, Elkem Silicones France SAS, Evonik Operations GmbH, Momentive Performance Materials GmbH, Shin-Etsu Silicones Europe BV, Wacker Chemie AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fit-30 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-519/18, Global Silicones Council et vs ECHA

(Kawża C-559/21 P)

(2021/C 462/34)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Global Silicones Council, Dow Silicones UK Ltd, Elkem Silicones France SAS, Evonik Operations GmbH, Momentive Performance Materials GmbH, Shin-Etsu Silicones Europe BV, Wacker Chemie AG (rappreżentanti: R. Cana, avocat, E. Mullier, avocate, Z. Romata, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: American Chemistry Council, Inc. (ACC), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-519/18;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata (1);

sussidjarjament, tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament tal-appellanti;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, u dawk tal-intervenjenti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti jinvokaw l-aggravji li ġejjin:

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat b’mod ħażin l-Anness XIII tar-Regolament REACH (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni 253/2011 (3) meta ddeċidiet li data BCF għandha “prijorità” jew “iktar importanza” minn data oħra għall-evalwazzjoni ta’ proprjetajiet B/vB u li l-appellata ma għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-valuri BCF kellhom iktar importanza.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat b’mod ħażin l-Anness XIII tar-Regolament REACH meta ddeċidiet li l-appellata ma wettqitx żball manifest meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rilevanza tan-natura ibrida ta’ D4, D5 u D6, u wettqet distorsjoni tal-aggravji tal-appellanti u tal-evidenza miġjuba f’dan il-kuntest, u b’dan il-mod kisret id-dritt għal smigħ tal-appellanti.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat b’mod ħażin l-Anness XIII tar-Regolament REACH meta ddeċidiet li l-appellata ma wettqitx żball manifest meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni data miksuba taħt kundizzjonijiet rilevanti u wettqet distorsjoni tal-aggravji tal-appellanti u tal-evidenza miġjuba f’dan il-kuntest, u b’dan il-mod kisret id-dritt għal smigħ tal-appellanti.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-evidenza u wettqet distorsjoni tal-evidenza quddiemha.


(1)  Deċiżjoni tal-ECHA tas-27 ta’ Ġunju 2018 li tinkludi Ottametilċiklotetrasilossan (D4), dekametilċiklopentasilossan (D5) u Dodecamethylcyclohexasiloxane (D6) fil-lista ta’ kandidati għal inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, fil-ĠU 2009, L 36, p. 84).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/35 tal-10 ta’ Jannar 2018 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-ottametilċiklotetrasilossan (“D4”) u tad-dekametilċiklopentasilossan (“D5”) (ĠU 2018, L 6, p. 45)

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 253/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XIII (ĠU 2011, L 69, p. 7).