17.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto w Poznaniu (il-Polonja) fit-23 ta’ Awwissu 2021 – MJ vs AA

(Kawża C-521/21)

(2022/C 24/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto w Poznaniu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MJ

Konvenut: AA

Parti oħra fil-proċedura: Rzecznik Praw Obywatelskich

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 2 u 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TUE”) u l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex qorti stabbilita abbażi ta’ liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni qorti li fil-kompożizzjoni tagħha tinsab persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti fi proċedura fejn:

a)

l-għażla tal-persuna nnominata għall-ħatra ta’ mħallef lill-President tar-Repubblika tal-Polonja saret mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) attwali, li ġie elett bi ksur tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali Pollakki, li ma huwiex organu indipendenti u li fih ma jinsabux rappreżentanti tal-qasam tal-ġudikatura maħtura fil-kompożizzjoni tiegħu indipendenti mill-awtorità eżekuttiva u leġiżlattiva, u b’hekk ma ressaqx proposta effettiva għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef prevista fid-dritt nazzjonali;

b)

il-parteċipanti fit-tellieqa għall-ħatra ma kinux intitolati għal appell quddiem qorti fis-sens tal-Artikoli 2 u 19(1) TUE u tal-Artikolu 6(1) sa (3) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta;

2)

L-Artikoli 2 u 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn fil-kompożizzjoni tal-qorti jkun hemm persuna maħtura fil-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, huma:

a)

jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiddelegaw l-eżami tal-legalità tal-ħatra ta’ tali persuna fil-pożizzjoni ta’ mħallef lill-kompetenza esklużiva ta’ awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), komposta esklużivament minn persuni maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef taħt il-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, u li fl-istess waqt jordnaw li l-oġġezzjonijiet dwar il-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef jitħallew mhux eżaminati, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest istituzzjonali jew sistemiku;

b)

jirrikjedu, bil-għan li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt Ewropew, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti teskludi, anki ex officio, lil tali persuni milli jeżaminaw il-kawża abbażi ta’ dispożizzjonijiet, applikabbli b’analoġija, dwar l-esklużjoni ta’ mħallef li ma huwiex kapaċi jagħti deċiżjonijiet (iudex inhabilis);

c)

jirrikjedu li, qorti nazzjonali bil-għan li tapplika d-dritt tal-Unjoni u tikseb effett utli, ma tiħux inkunsiderazzjoni sentenza ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali sa fejn dik is-sentenza tiddikjara bħala inkompatibbli mad-dritt nazzjonali r-rikonoxximent ta’ talba għall-esklużjoni ta’ mħallef abbażi tal-fatt li tqajmu ċirkustanzi ta’ irregolarità tal-ħatra ta’ mħallef li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bis-saħħa tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta;

d)

jirrikjedu li, qorti nazzjonali bil-għan li tapplika d-dritt tal-Unjoni u tikseb effett utli, ma tiħux inkunsiderazzjoni sentenza ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali jekk din tkun tipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ miżuri interim, liema digriet jordna s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux l-eżami, minn qrati nazzjonali, tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bis-saħħa tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta?