|
6.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 490/16 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fil-21 ta’ Lulju 2021 – X-FAB Dresden GmbH & Co. KG vs FC
(Kawża C-453/21)
(2021/C 490/16)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesarbeitsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: X-FAB Dresden GmbH & Co. KG
Konvenut: FC
Domandi preliminari
|
1) |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa f’dan il-każ l-Artikolu 38(1) u (2), ikkunsidrat flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data), li tipprevedi li t-tneħħija tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-kontrollur responsabbli, li jkun ukoll il-persuna li timpjega dan l-uffiċjal, hija suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni, u dan irrispettivament minn jekk din it-tneħħija ssirx fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: |
|
2) |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/670 tipprekludi wkoll tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali fil-każ li l-ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma tkunx obbligatorja taħt l-Artikolu 37(1) ta’ dan ir-regolament iżda biss taħt id-dritt tal-Istat Membru? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: |
|
3) |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/670 hija bbażata fuq bażi legali suffiċjenti, b’mod partikolari sa fejn tkopri uffiċjali tal-protezzjoni tad-data li jkollhom relazzjoni ta’ impjegat fil-konfront tal-kontrollur responsabbli? Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda? |
|
4) |
Ikun hemm kunflitt ta’ interessi fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(6) tar-Regolament 2016/670 meta l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jokkupa, fl-istess ħin, il-pożizzjoni ta’ president tal-kumitat tal-impriża fi ħdan il-kontrollur responsabbli? Sabiex jitqies li hemm tali kunflitt ta’ interessi, huwa meħtieġ li jkun hemm tqassim speċifiku tal-funzjonijiet fi ħdan dan il-kumitat? |
(1) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.