29.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 481/15


Appell ippreżentat fil-21 ta’ Lulju 2021 mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-12 ta’ Mejju 2021 fil-Kawżi magħquda T-516/18 u T-525/18, Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Engie Global LNG Holding et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-451/21 P)

(2021/C 481/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: A. Germeaux, T. Uri, aġenti, D. Waelbroeck, J. Bracker, avocats)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, L-Irlanda

Talbiet

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 2021 fil-Kawżi magħquda T-516/18 u T-525/18, Il-Lussemburgu u Engie Global LNG Holding et vs Il-Kummissjoni;

prinċipalment, tagħti deċiżjoni finali fuq il-mertu, konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u tilqa’ t-talbiet mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fl-ewwel istanza billi tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/421 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar għajnuna mill-Istat SA.44888 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mil-Lussemburgu favur Engie (ĠU 2019, L 78, p. 1);

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju jinvoka ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat li ż-żewġ sensiliet ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem inkwistjoni jagħtu vantaġġ “selettiv” fid-dawl tal-qafas ta’ riferiment “strett” użat mill-Kummissjoni. (i) Billi kkonstatat l-eżistenza ta’ qafas ta’ riferiment “strett” (jiġifieri r-regoli tas-sistema Lussemburgiża għat-tassazzjoni ta’ kumpanniji marbuta mal-eżenzjoni tad-dħul minn holdings u mat-tassazzjoni tat-tqassim ta’ profitti), il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali mhux biss ikkonfermat qafas ta’ riferiment inkomplet u limitat b’mod artifiċjali, iżda żnaturat ukoll id-dritt Lussemburgiż billi kkonfermat interpretazzjoni contra legem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikkonferma diskriminazzjoni bejn it-tranżazzjonijiet transkonfinali u dawk purament nazzjonali sa fejn teskludi mill-qafas ta’ riferiment lill-kumpanniji Lussemburgiżi li għandhom holdings f’kumpanniji ta’ Stati Membri oħra. (ii) Il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ deroga fil-qafas ta’ riferiment “strett” hija żbaljata. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq formulazzjoni mill-ġdid tad-dritt nazzjonali u tikser il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-analiżi tan-natura selettiva u b’mod partikolari l-ġurisprudenza li teżiġi li tiġi stabbilita diskriminazzjoni fil-konfront ta’ impriżi f’sitwazzjoni paragunabbli.

It-tieni aggravju jallega ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-eżistenza ta’ vantaġġ “selettiv” minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni Lussemburgiża dwar l-abbuż ta’ dritt u, sussidjarjament, ksur tar-Regolament (UE) 2015/1589 (1) u tad-drittijiet tad-difiża. (i) Il-klassifikazzjoni legali bħala “ta’ natura selettiva”, magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fatt li ma kinitx applikata d-dispożizzjoni Lussemburgiża dwar l-abbuż ta’ dritt, kienet ibbażata fuq premessa żbalajta u fuq żnaturament tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, l-użu dirett ta’ self mingħajr interessi konvertibbli b’mod obbligatorju f’ishma ddenominati bħala “ZORA” kien jippermetti li jinkiseb l-istess riżultat taxxabbli. (ii) Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar id-determinazzjoni tal-qafas ta’ riferiment kien ivvizzjat b’diversi żbalji ta’ liġi u nuqqasijiet ta’ motivazzjoni. (iii) Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ deroga kien żbaljat. Il-konstatazzjoni li l-kriterji neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni dwar l-abbuż ta’ dritt kienu ġew issodisfatti f’dan il-każ kienet ibbażata fuq il-premessa żbaljata li l-użu ta’ ZORA “dirett” ma kienx ser iwassal għall-istess riżultat taxxabbli. Is-sentenza appellata tikser ukoll l-Artikolu 107 TFUE sa fejn tippreżumi l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt u b’mod partikolari l-assenza ta’ motivi li jmorru lil hinn mill-qasam fiskali. Għal darba oħra, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u naqset milli twettaq eżami sħiħ tal-fatti billi injorat ċerti fatti li jikkonfermaw li abbuż ta’ dritt ma setax jiġi kkonstatat fid-dritt Lussemburgiż. Fl-aħħar nett, hija kisret l-Artikolu 107 TFUE sa fejn naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni favur Engie fil-konfront ta’ impriżi f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. (iv) Fl-aħħar nett, b’mod sussidjarju, is-sentenza appellata tikser id-drittijiet tad-difiża tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

It-tielet aggravju jqajjem ksur tal-Artikoli 4 u 5 TUE. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li s-sentenza appellata tillimita l-awtonomija tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali f’qasam irriżervat għall-kompetenza tal-Istati Membri, u b’hekk tikser l-Artikoli 4 u 5 TUE u l-prinċipji li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea.

Ir-raba’ aggravju jinvoka ksur tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn il-Qorti Ġenerali ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).