18.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 422/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fl-20 ta’ Lulju 2021 – Maximilian Schrems vs Facebook Ireland Ltd

(Kawża C-446/21)

(2021/C 422/08)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Maximilian Schrems

Konvenut: Facebook Ireland Ltd

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-legalità ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu f’kuntratti ta’ pjattaformi bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (b’mod partikolari, dispożizzjonijiet kuntrattwali bħal “Minflok tħallas għall-użu ta’ prodotti ta’ Facebook li fir-rigward tagħhom japplikaw dawn il-kundizzjonijiet […] inti tiddikjara li nistgħu nuruk reklamar […] Aħna nużaw id-data personali tiegħek […] sabiex ir-reklamar li nuruk ikun iktar adattat għalik”) li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali għall-aggregazzjoni u għall-analiżi ta’ data għall-finijiet ta’ reklamar personalizzat, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1)(a) flimkien mal-Artikolu 7 tar-RĠPD li ma jistgħux jiġu ssostitwiti bl-invokazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tar-RĠPD?

2)

L-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD (minimizzazzjoni tad-data) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data personali kollha miżmuma minn pjattaforma bħal dik fil-kawża prinċipali (b’mod partikolari permezz tal-persuni kkonċernati jew ta’ terzi fi jew barra mill-pjattaforma) tista’ tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għall-finijiet ta’ reklamar immirat mingħajr limitu f’termini ta’ żmien jew ta’ tip ta’ data?

3)

L-Artikolu 9(1) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ipproċessar ta’ data li jawtorizza s-selezzjoni mmirata ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali bħal twemmin politiku jew orjentazzjoni sesswali (pereżempju għar-reklamar), anki jekk il-kontrollur tad-data ma jiddistingwix bejn din id-data?

4)

L-Artikolu 5(1)(b) flimkien mal-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna għall-finijiet ta’ diskussjoni fi grupp tawtorizza l-ipproċessar ta’ data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali għall-finijiet tal-aggregazzjoni u tal-analiżi ta’ data minħabba reklamar personalizzat?


(1)  ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.