12.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 278/36


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Firenze (l-Italja) fl-10 ta’ Mejju 2021 – XXX.XX vs Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l'Immigrazione – Unità Dublino

(Kawża C-297/21)

(2021/C 278/50)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Ordinario di Firenze

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XXX.XX

Konvenut: Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l'Immigrazione – Unità Dublino

Domandi preliminari

1)

Prinċipalment, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 604/2013 (1) għandu jiġi interpretat, f’konformità mal-Artikoli 19 u 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] u tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 604/2013 fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru, adita bil-kontestazzjoni tad-dispożizzjoni tal-unità “Dublin”, tkun tista’ tiddikjara r-responsabbiltà tal-Istat nazzjonali li għandu jwettaq it-trasferiment abbażi tal-Artikolu 18(1)(d), fejn tistabbilixxi l-eżistenza, fl-Istat Membru responsabbli, ta’ riskju li jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement billi l-applikant jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn jiġi espost għal perikolu ta’ mewt jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti.

2)

Sussidjarjament, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 604/2013 għandu jiġi interpretat f’konformità mal-Artikoli 19 u 47 tal-[Karta] u mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 604/2013, fis-sens li l-qorti tkun tista’ tiddikjara r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jkun obbligat li jwettaq it-trasferiment skont l-Artikolu 18(1)(d) tal-istess regolament [għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali], meta tiġi stabbilita:

a)

l-eżistenza fl-Istat Membru responsabbli tar-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement billi l-applikant jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn jiġi espost għal perikolu ta’ mewt jew trattamenti inumani jew degradanti;

b)

l-impossibbiltà li jitwettaq it-trasferiment lejn Stat ieħor li jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 604/2013.


(1)  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).