21.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie (il-Polonja) fit-8 ta’ Frar 2021 – E.K., S.K. vs D.B.P.

(Kawża C-80/21)

(2021/C 242/04)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: E.K., S.K.

Konvenut: D.B.P.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (1) tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħha l-qorti ma tikkonstatax in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali sħiħa iżda biss ta’ dik il-parti minnha li minħabba fiha l-klawżola hija inġusta, b’riżultat li din il-klawżola tibqa’ parzjalment applikabbli?

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħha l-qorti, wara li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li mingħajrha l-kuntratt ma jkunx vinkolanti, tista’ temenda l-kumplament tal-kuntratt billi tinterpreta d-dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni tal-partijiet sabiex tipprevjeni li l-kuntratt ikun invalidu inkwantu dan huwa ta’ benefiċċju għall-konsumatur?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.