SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1 tal-Artikolu 8 – Numru ta’ konvenuti – Talbiet marbuta tant strettament li hemm interess li jiġu ttrattati u ġġudikati fl-istess ħin – Konvenut ta’ ankraġġ – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikoli 122 u 125 – azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea diretta kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fi Stati Membri differenti – Ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tad-direttur ta’ kumpannija konvenuta – Ġurisdizzjoni tal-qorti adita fir-rigward tad-diversi konvenuti ddomiċiljati barra l-Istat Membru tal-forum – Kunċett ta’ ‘marbuta tant strettament’ – Kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva bejn il-fornitur u l-klijent tiegħu”

Fil-Kawża C‑832/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

Beverage City hebLifestyle GmbH,

MJ,

Beverage City Polska Sp. z o.o.,

FE

vs

Advance Magazine Publishers, Inc.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Beverage City & Lifestyle GmbH u MJ, minn C. Greisner, Rechtsanwalt,

għal Beverage City Polska Sp. z o.o. u FE, minn M. Gil u M. Irmiński, adwokaci, u M. Oleksyn, radca prawny,

għal Advance Magazine Publishers, Inc., minn V. Ahmann, T. Raab u C. Tenkhoff, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa u S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková, S. Noë, u C. Vollrath, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Beverage City Lifestyle GmbH, MJ, Beverage City Polska sp. z o.o. u FE u Advance Magazine Publishers, Inc., dwar azzjoni għal vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mibdija minn din l-aħħar kumpannija.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1215/2012

3

Il-premessi 15, 16, u 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 jgħidu:

“15.

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

16.

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.

[…]

21.

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati, u biex jiġu eliminati problemi li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

4

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Persuna li tkun iddomiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:

(1)

meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma’ xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.

[…]”

Ir‑Regolament (UE) 2017/1001

6

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), intitolat “It-trademark tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“It-trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha: ma għandhiex tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma għandu jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

7

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE” jipprevedi li:

“1.   Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)

is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

(b)

is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;

(c)

is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE, irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, meta din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u meta l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trademark tal-UE, jew ikun ta’ detriment għaliha.

[…]

4.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu wkoll id-dritt li jimpedixxi li, fil-proċess normali tan-negozju, kull parti terza ddaħħal oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera hemmhekk, fejn dawn l-oġġetti, inkluż l-imballaġġ tagħhom, joriġinaw minn pajjiżi terzi u jkollhom trademark mingħajr awtorizzazzjoni li tkun identika għat-trademark tal-UE rreġistrata fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti, jew li ma tkunx tista’ tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trademark.

Id-dritt tal-proprjetarju ta’ trademark tal-UE skont l-ewwel subparagrafu għandu jiskadi jekk, matul il-proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur tat-trademark tal-UE, mibdija f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 15)], tingħata evidenza mid-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti li l-proprjetarju tat-trademark tal-UE ma jkollux id-dritt li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-oġġetti fil-pajjiż destinatarju finali.”

8

Il-Kapitolu X tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Il-ġurisdizzjoni u l-proċedura f’kawżi li jirrigwardaw trademarks tal-UE”, jinkludi l-Artikoli 122 sa 135.

9

L-Artikolu 122 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “L-applikazzjoni ta’ regoli tal-Unjoni dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, r-regoli tal-Unjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it- trademarks tal-UE u l-applikazzjonijiet għal trademarks tal-UE, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trademarks tal-UE u trade marks nazzjonali.

2.   F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 124:

(a)

l-Artikoli 4 u 6, il-punti 1, 2, 3 u 5 tal-Artikolu 7 [u] l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ma japplikawx;

(b)

l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 125(4) ta’ dan ir-Regolament;

(c)

id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament [Nru 1215/2012] li huma applikabbli għal persuni domiċiljati fi Stat Membu għandhom ikunu applikabbli wkoll għal persuni li m’għandhomx domiċilju f’ebda Stat Membru iżda li għandhom stabbiliment hemmhekk.”

10

L-Artikolu 124 tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni fuq ksur u validità”, jipprevedi:

“Il-qrati tat-trademarks tal-UE għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

(a)

kull kawża ta’ ksur u — jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali — kawżi dwar theddida ta’ ksur ta’ trademarks tal-UE;

[…]”

11

L-Artikolu 125 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 122, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 124 għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

[…]

5.   Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 124, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur ta’ trademark tal-UE, jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-att ta’ ksur ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida, jew fejn jitwettaq att msemmi fl-Artikolu 11(2).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Advance Magazine Publishers, Inc. stabbilita fi New York (l-Istati Uniti), hija proprjetarja ta’ diversi trade marks tal-Unjoni Ewropea li fihom il-kelma “Vogue”, li hija ssostni li huma trade marks magħrufa sew.

13

Beverage City Polska hija kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk stabbilita f’Kraków (il-Polonja). Hija tipproduċi xarba enerġetika taħt l-isem “Diamant Vogue” u tirriklamaha u tqassamha wkoll. Id-direttur tagħha, FE, huwa wkoll iddomiċiljat fi Krakovja.

14

Beverage City & Lifestyle GmbH rregolata mid-dritt Ġermaniż stabbilita f’Schorfheide, fil-Land ta’ Brandenburg (il-Ġermanja). Id-direttur tagħha, MJ, huwa ddomiċiljat fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja). Din il-kumpannija kienet marbuta ma’ Beverage City Polska b’kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva għall-Ġermanja li permezz tiegħu hija kienet tixtri x-xarba enerġetika msemmija fil-punt preċedenti. Minkejja x-xebh ta’ isimhom, iż-żewġ kumpanniji ma jappartjenux għall-istess grupp.

15

Billi qieset li kienet vittma ta’ kontrafazzjoni tat-trade marks tagħha, Advance Magazine Publishers bdiet kontra dawn il-kumpanniji u d-diretturi rispettivi tagħhom quddiem il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea kompetenti għal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, jiġifieri l-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), azzjoni ta’ inibizzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni kif ukoll għall-għoti ta’ informazzjoni, rendikonti u l-istabbiliment tal-obbligu ta’ kumpens. Sussegwentement, dawn it-talbiet annessi kienu limitati għal azzjonijiet fil-Ġermanja.

16

Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) laqgħet l-azzjoni mressqa minn Advance Magazine Publishers, billi bbażat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward ta’ Beverage City Polska u FE. Hija qieset li l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724), kienu applikabbli għall-kawża prinċipali.

17

Beverage City Polska u FE appellaw mid-deċiżjoni tal-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

18

Huma jinvokaw in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni mressqa fir-rigward tagħhom, filwaqt li jenfasizzaw li huma aġixxew u kkunsinnaw il-merkanzija lill-klijenti tagħhom esklużivament fil-Polonja. Barra minn hekk, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724), ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tagħhom peress li ma teżistix rabta rilevanti bejniethom, minn naħa, u Beverage City Lifestyle u MJ, min-naħa l-oħra.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni fir-rigward ta’ Beverage City Polska u FE hija suġġetta għall-kundizzjoni li, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, din it-talba tkun marbuta ma’ dik imressqa kontra MJ, ikklassifikat bħala “konvenut ta’ ankraġġ”, b’rabta tant mill-qrib li hemm interess li jinstemgħu u jiġu deċiżi fl-istess ħin sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament.

20

Issa, f’dan il-każ, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724), ir-relazzjoni ta’ kunsinna eżistenti bejn Beverage City Polska u Beverage City Lifestyle ma tikkonċernax lill-konvenut ta’ ankraġġ, peress li dan ġie kkontestat biss fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant ta’ din l-aħħar kumpannija. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ kumpanniji ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ kumpanniji u jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u indipendentement minn xulxin.

21

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar jekk l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva bejn Beverage City Polska u Beverage City Lifestyle hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-istess trade marks u l-istess prodotti.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“[…] It-talbiet huma “marbuta tant strettament” ma’ xulxin li hemm lok li jinstemgħu u jiġu deċiżi fl-istess ħin sabiex jiġu evitati sentenzi irrikonċiljabbli, fis-sens tal-punt 1 tal Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, fejn, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ir-rabta tikkonsisti fil-fatt li l-konvenut stabbilit fi Stat Membru (fil-każ ineżami, i[r-Repubblika ta]l-Polonja) ipprovda l-prodotti li jiksru trade mark tal-Unjoni lil konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, i[r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja), li r-rappreżentant legali tiegħu, li fil-konfront tiegħu tressqu wkoll proċeduri ta’ kontrafazzjoni, huwa l-konvenut ta’ ankraġġ, fil-każ fejn il-partijiet huma marbuta ma’ xulxin b’sempliċi relazzjoni ta’ provvista u ma hemmx, fid-dritt jew fil-fatt, rabta li tmur lil hinn?”

Fuq id‑domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li diversi konvenuti, iddomiċiljati fi Stati Membri differenti, jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom adita, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni b’talbiet imressqa kontra dawn il-konvenuti kollha mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta jiġi allegat fil-konfront tagħhom ksur materjalment identiku għal din it-trade mark imwettaq minn kull wieħed minnhom, meta dawn il-konvenuti jkunu marbuta b’kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva.

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 125(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-azzjonijiet għal kontrafazzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk dan ma huwiex iddomiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu stabbiliment, dan “[b]la ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 122” tal-ewwel regolament.

25

L-Artikolu 122 tar-Regolament 2017/1001 jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, “[s]akemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, r-regoli tal-Unjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it-trademarks tal-UE u l-applikazzjonijiet għal trademarks tal-UE, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trademarks tal-UE u trade marks nazzjonali”. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 122 jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-lista tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 li ma humiex applikabbli jew li huma applikabbli biss taħt ċerti kundizzjonijiet għall-proċeduri li jirriżultaw, b’mod partikolari, minn azzjoni għal kontrafazzjoni.

26

Għalhekk, peress li l-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jinsabx fost dawn id-dispożizzjonijiet, dan japplika għall-azzjonijiet għal vjolazzjoni li jikkonċernaw it-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

27

B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tipprevedi li persuna li tkun iddomiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun iddomiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun iktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu ddeterminati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.

28

Sabiex deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala irrikonċiljabbli, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti differenza fil-mod ta’ kif tiġi konkluża l-kawża, iżda huwa meħtieġ ukoll li din id-differenza tkun irriżultat mill-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo,C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kawża fejn kien hemm allegat ksur ta’ drittijiet mogħtija minn disinni Komunitarji, li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta fil-każ fejn rikorrent ikun intiż li jipproteġi dritt esklużiv ta’ użu ta’ tali disinni Komunitarji, stabbilit mid-dritt tal-Unjoni u li jipproduċi l-istess effetti fit-territorju kollu tal-Unjoni, peress li d-differenza fil-bażijiet legali fid-dritt nazzjonali ta’ talbiet relatati ma’ din il-protezzjoni ma taffettwax l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo,C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 46 sa 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fil-qasam ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jitfakkar, minn naħa, li dritt esklużiv jingħata lill-proprjetarju ta’ tali trade mark permezz tar-reġistrazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 u, min-naħa l-oħra, li, konformement mal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha. Għalhekk, mid-dritt esklużiv mogħti lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li dan jista’ jipprojbixxi lil kull terz milli jużaha mingħajr il-kunsens tiegħu u jipproteġih permezz tal-azzjoni għal kontrafazzjoni.

31

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa minn Advance Magazine Publishers hija intiża għall-protezzjoni tad-dritt esklużiv li din il-kumpannija għandha fuq trade marks tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni legali tidher issodisfatta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

32

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Beverage City Lifestyle u Beverage City Polska ma jappartjenux għall-istess grupp, minkejja x-xebh tal-ismijiet tagħhom u l-kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva ffirmat bejniethom. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-assenza ta’ relazzjoni bejn, minn naħa, Beverage City Polska u FE u, min-naħa l-oħra, il-“konvenut ta’ ankraġġ”, jiġifieri d-direttur ta’ Beverage City Lifestyle, iddomiċiljat fil-Ġermanja, anki jekk fil-konfront ta’ dan id-direttur tressqu wkoll proċeduri ta’ kontrafazzjoni.

33

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva hijiex element suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012.

34

F’dan ir-rigward, l-għan tar-regola ta’ ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, minn naħa, tirrispondi, konformement mal-premessi 16 u 21 ta’ dan ir-regolament, għall-ħtieġa li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li b’hekk jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Solvay,C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 19).

35

Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, sa fejn tidderoga mill-kompetenza tal-prinċipju tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha tiġi interpretata b’mod strett, li ma jmurx lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu minn dan ir-regolament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Solvay,C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 21).

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet imressqa quddiemha, hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti huma akkużati, kull waħda separatament, bl-istess atti ta’ kontrafazzjoni fir-rigward tal-istess prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Solvay,C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 29).

37

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 60 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni tat-talbiet ikkonċernati tirrigwarda prinċipalment ir-relazzjoni li teżisti bejn l-atti kollha ta’ ksur imwettqa iktar milli rabtiet organizzattivi jew kapitali bejn il-kumpanniji kkonċernati. Bl-istess mod, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt, għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari għan-natura tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jeżistu bejn il-klijent u l-fornitur.

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju rrilevat li Beverage City Lifestyle kienet marbuta ma’ Beverage City Polska permezz ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva tax-xarba enerġetika “Diamant Vogue” fil-Ġermanja. Tali relazzjoni kuntrattwali esklużiva bejn dawn iż-żewġ kumpanniji tista’ tirrendi iktar prevedibbli l-possibbiltà li l-atti ta’ ksur allegati fil-konfront tagħhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-istess sitwazzjoni ta’ fatt, li tista’ tiġġustifika l-ġurisdizzjoni ta’ qorti waħda sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet imressqa kontra l-atturi kollha li wettqu dawn l-atti.

39

Barra minn hekk, kemm mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mir-risposti tal-partijiet fil-kawża prinċipali għad-domandi magħmula waqt is-seduta jirriżulta li l-kooperazzjoni mill-qrib tal-kumpanniji bejniethom immanifestat ruħha wkoll permezz tal-użu ta’ żewġ siti internet li d-dominji tagħhom jappartjenu lil wieħed mill-konvenuti konġunti, li permezz tagħhom, permezz ta’ riferiment bejn dawn is-siti, kienu kkummerċjalizzati l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40

Tali fatt jista’ jsaħħaħ l-ipoteżi tal-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet ta’ Advance Magazine Publishers fil-qasam tal-ksur, iżda wkoll jiżvela n-natura prevedibbli tal-obbligu li tingħata risposta għall-allegazzjonijiet ta’ atti ta’ kontrafazzjoni li għandhom l-istess oriġini.

41

Konsegwentement, il-konstatazzjoni minn qorti nazzjonali li t-talbiet li hija adita bihom huma diretti kontra atturi differenti li kull wieħed minnhom ikkontribwixxa għall-istess ksur ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ sensiela ta’ atti kontrafattwali tista’ tiġġustifika li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt tidher issodisfatta fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar talbiet imressqa kontra konvenuti konġunti differenti li jirrigwardaw l-istess atti ta’ kontrafazzjoni li jikkonċernaw l-istess trade mark tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012.

42

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ dritt u ta’ fatt, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kawża li għandha quddiemha, f’dak li jirrigwarda t-talbiet diretti kontra d-diversi konvenuti.

43

Jibqa’ l-fatt li r-regola stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tista’ tippermetti lil rikorrent iressaq talba kontra diversi konvenuti bl-għan waħdieni li jneħħi lil wieħed minn dawn il-konvenuti mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat fejn huwa ddomiċiljat u, għalhekk, li jmur kontra r-regola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni, billi joħloq jew iżomm b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide,C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Madankollu, l-ipoteżi li rikorrent ikun ressaq talba kontra diversi konvenuti bl-għan waħdieni li wieħed minnhom jitneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat fejn huwa ddomiċiljat hija eskluża, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li teżisti rabta mill-qrib bejn it-talbiet ifformulati kontra kull wieħed mill-konvenuti, waqt il-preżentata tagħhom, jiġifieri peress li jkun hemm interess li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Freeport,C‑98/06, EU:C:2007:595, punti 52 sa 54).

45

Għaldaqstant, hija l-qorti adita li għandha tiżgura li t-talbiet diretti kontra biss il-konvenuti konġunti li d-domiċilju tagħhom jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma jkollhomx l-għan li tissodisfa b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li diversi konvenuti, iddomiċiljati fi Stati Membri differenti, jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom adita, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, b’talbiet imressqa kontra dawn il-konvenuti kollha mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta jiġi allegat fil-konfront tagħhom ksur materjalment identiku għal din it-trade mark imwettaq minn kull wieħed minnhom, fil-każ fejn dawn il-konvenuti jkunu marbuta b’kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

diversi konvenuti, iddomiċiljati fi Stati Membri differenti, jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom adita, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni, b’talbiet imressqa kontra dawn il-konvenuti kollha mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta jiġi allegat fil-konfront tagħhom ksur materjalment identiku għal din it-trade mark imwettaq minn kull wieħed minnhom, fil-każ fejn dawn il-konvenuti jkunu marbuta b’kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.