SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kundizzjoni marbuta mal-vantaġġ selettiv – Trattament fiskali tal-operaturi tal-każinòs pubbliċi fil-Ġermanja – Soprataxxa fuq il-profitti – Tnaqqis parzjali tal-ammonti mħallsa fir-rigward ta’ din is-soprataxxa mill-bażi tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Ċaħda ta’ lment fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni minħabba l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat ikkostitwita minn dan it-tnaqqis – Konstatazzjoni distinta tal-ineżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku u ta’ assenza ta’ selettività – Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea limitat għall-konstatazzjoni tal-assenza ta’ selettività – Natura ineffettiva tar-rikors – Identifikazzjoni mill-Kummissjoni tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali ‘normali’ – Interpretazzjoni għal dan l-għan tad-dritt fiskali nazzjonali applikabbli – Klassifikazzjoni tas-soprataxxa fuq il-profitti bħala ‘imposta speċjali’ li tista’ titnaqqas abbażi tal-‘ispejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali’ – Prinċipju ta’ ultra petita

Fil-Kawża C‑831/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑28 ta’ Diċembru 2021,

Fachverband Spielhallen eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

LM,

irrappreżentati minn A. Bartosch u R. Schmidt, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn K. Blanck u B. Stromsky, sussegwentement minn B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Fachverband Spielhallen eV u LM jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑22 ta’ Ottubru 2021, Fachverband Spielhallen u LM vs Il‑Kummissjoni (T‑510/20, ECLI:EU:T:2021:745, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 8819 final tad‑9 ta’ Diċembru 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44944 (2019/C) (ex 2019/FC) – Trattament fiskali tal-operaturi tal-casinos pubbliċi fil-Ġermanja u l-għajnuna mill-Istat SA.53552 (2019/C) (ex 2019/FC) – Garanzija allegata għall-operaturi tal-casinos pubbliċi fil-Ġermanja (garanzija tal-profittabbiltà) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

2

Fil-punti 1 sa 18 tad-digriet appellat, il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża huma miġbura kif ġej:

“1

Fit‑22 ta’ Marzu 2016, [l-appellanti], Fachverband Spielhallen eV, assoċjazzjoni professjonali ta’ 88 operatur ta’ apparat tal-logħob tal-flus, u LM, operatur ta’ apparat tal-logħob tal-ażżard, ressqu [quddiem il-Kummissjoni Ewropea] tliet ilmenti li jikkonċernaw it-trattament fiskali tal-operaturi ta’ każinòs pubbliċi fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja [minħabba li dan kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni].

2

[It-tielet minn dawn l-ilmenti kien jirrigwarda b’mod iktar preċiż il-Land ta’] Nordrhein-Westfalen, [li fih] l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard proposti fil-każinòs kienu rregolati mis-Spielbank-Gesetz NRW (il-Liġi dwar il-Każinòs tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-‘Liġi dwar il-Każinòs’), sas-sostituzzjoni tagħha fl‑2020. [Għall-finijiet] ta’ dik il-liġi, Westdeutsche Spielbanken GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem ‘WestSpiel’) kienet l-unika konċessjonarja ta’ każinòs pubbliċi f’dan il-Land.

3

Bis-saħħa tal-Liġi dwar il-Każinòs, id-dħul iġġenerat minn dawn tal-aħħar kien suġġett għal żewġ sistemi fiskali differenti. Minn naħa, id-dħul idderivat minn logħob tal-flus u tal-ażżard kien suġġett għal sistema fiskali partikolari kkostitwita minn taxxa fuq il-każinòs. Min-naħa l-oħra, id-dħul li ma jirriżultax minn dan il-logħob, bħad-dħul li joriġina minn żoni fejn jiġi servut l-ikel, kien suġġett għas-sistema fiskali normali, ikkostitwita mill-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u mit-taxxa tal-kummerċ (iktar ’il quddiem is-‘sistema fiskali normali’).

4

Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-Każinòs kien jiddisponi li l-profitt annwali ddikjarat mill-operaturi ta’ każinòs pubbliċi, irrispettivament minn jekk dan irriżultax minn logħob tal-flus jew tal-ażżard, kellu jitħallas lura fl-ammont ta’ 75 % lil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen. Madankollu, fil-każ li l-kwart rimanenti minn dan il-profitt ikun jeċċedi 7 % tat-total tal-ishma tal-kapital azzjonarju tar-riżervi u tal-fond mutwu, il-profitt kollu kellu jitħallas lura lil-Land (iktar ’il quddiem is-‘soprataxxa fuq il-profitti’).

5

Is-soprataxxa fuq il-profitti, sas-sehem ta’ din tal-aħħar li jirriżulta minn dħul li ma joriġinax minn logħob, kienet madankollu deduċibbli mill-bażijiet taxxabbli tat-taxxa tal-kummerċ u tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji bħala ‘spejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali’. Huwa dan it-tnaqqis (iktar’ il quddiem [it-‘tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti’ jew] il-‘miżura kontenzjuża’) li [l-appellanti] kkontestaw fl-ilment […] tagħhom […].

6

Wara skambju ta’ ittri mal-appellanti, il-Kummissjoni […] qieset, fid‑9 ta’ Diċembru 2019, li l-miżura kontenzjuża ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ selettiv u għaldaqstant l-ebda għajnuna u għal din ir-raġuni ddeċidiet li ma tiftaħx, fil-konfront tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE […].

7

Fid-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni kkonstatat li d-dħul tal-operaturi ta’ każinòs pubbliċi li ma joriġinawx mil-logħob kien suġġett, minn naħa, għas-sistema fiskali normali u, min-naħa l-oħra, għas-soprataxxa fuq il-profitti, li hija kklassifikata bħala ‘imposta speċifika’.

8

Il-Kummissjoni rrilevat li t-tnaqqis ta’ din is-soprataxxa mill-bażi taxxabbli tal-imposta fuq […] il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ kienet tirriżulta mhux minn dispożizzjoni speċifika, iżda mill-applikazzjoni ta’ regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali, li skonthom l-imposti jiġu kkalkolati abbażi tal-profitti netti, wara t-tnaqqis tal-‘ispejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali’, bħal, f’dan il-każ, is-soprataxxa fuq il-profitti. Minn dan kien isegwi, skont il-Kummissjoni, li t-tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti ma kienet tikkostitwixxi l-ebda vantaġġ selettiv.

9

Wara d-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni wettqet l-analiżi tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tal-argumenti mqajma mill-appellanti waqt il-fażi tal-eżami preliminari.

10

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li, bl-argumenti tagħhom, l-appellanti impliċitament sostnew li s-soprataxxa fuq il-profitti kienet imposta paragunabbli mal-imposti fuq il-profitti, li ma kinux deduċibbli skont ir-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali, b’mod partikolari minħabba l-Artikolu 4(5)b tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar l-Imposta fuq id-Dħul).

11

Issa, skont il-Kummissjoni, is-soprataxxa fuq il-profitti setgħet titqies bħala imposta speċjali fuq il-profitti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Artikolu 4(5)b tal-Liġi dwar l-Imposta fuq id-Dħul kien jeskludi mill-klassifikazzjoni bħala miżata tal-kummerċ deduċibbli, unikament lit-taxxa tal-kummerċ, u mhux lill-imposti kollha fuq il-profitti. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-ebda dispożizzjoni ma kienet tipprekludi, b’mod ġenerali, it-tnaqqis ta’ imposta speċifika fuq il-profitti. […]

12

Fit-tieni lok, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tat risposta għal argument invokat mill-appellanti, ibbażat fuq l-Artikolu 10(2) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar l-Imposta fuq il-Kumpanniji), li skontu l-imposta fuq id-dħul u l-imposti l-oħrajn fuq il-persuni fiżiċi ma humiex deduċibbli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-bażi taxxabbli tal-imposta fuq il-kumpanniji. Hija osservat li din id-dispożizzjoni kienet tirrigwarda l-imposti ġenerali fuq il-profitti u li xejn ma kien jindika li din kienet tapplika wkoll għal imposta addizzjonali speċjali, bħas-soprataxxa fuq il-profitti, li ma kienet titħallas minn ebda persuna taxxabbli oħra ħlief mill-operaturi ta’ każinòs pubbliċi u li l-bażi taxxabbli tagħha ma kinitx tikkorrispondi eżattament mad-dħul iġġenerat mill-attività ta’ dawn tal-aħħar. […]

13

Fit-tielet lok, u b’risposta għal argument ieħor tal-appellanti, ibbażat fuq il-fatt li d-dividendi ma humiex deduċibbli mill-bażi tat-taxxa tal-kummerċ u mill-bażi tal-imposta fuq id-dħul skont ir-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali, il-Kummissjoni sostniet li s-soprataxxa fuq il-profitti ma kinitx dividend. […]

14

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li t-tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti kienet konformi mar-regola ġenerali tat-tnaqqis abbażi tal-ispejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali u li għaldaqstant ma kinitx ta’ natura selettiva.

15

Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 159 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], li, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-kriterju tal-vantaġġ, l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn, u b’mod partikolari l-operaturi ta’ apparat tal-logħob tal-ażżard, ma kinux suġġetti għas-soprataxxa fuq il-profitti. Għaldaqstant, il-fatt li din is-soprataxxa titnaqqas mill-bażi taxxabbli ta’ imposti oħrajn ma seta’ jikkonferixxi lil WestSpiel l-ebda vantaġġ b’rabta mas-sistema fiskali normali.

16

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li, fl‑2014, is-soprataxxa fuq il-profitti kienet tammonta għal EUR 82.02 miljuni u li r-rati tat-taxxa tal-kummerċ u tal-imposta fuq il-kumpanniji kienu rispettivament ta’ 17.7 % u ta’ 15.6 %. Għaldaqstant hija osservat li t-tnaqqis ta’ din is-soprataxxa, fil-limiti tal-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-Każinòs, wasslet sabiex dawn ir-rati ta’ tassazzjoni ma jiġux applikati għal dan l-ammont. Konsegwentement, is-somma totali dovuta minn WestSpiel taħt is-sistema fiskali normali tnaqqset b’EUR 27.3 miljuni. Madankollu, l-piż fiskali globali li kellu jinġarr minn WestSpiel żdied, fl-istess ħin, b’ammont ħafna ikbar, jiġifieri preċiżament bi EUR 82.02 miljuni li jikkorrispondu għas-soprataxxa fuq il-profitti.

17

Minn [din] l-analiżi […], il-Kummissjoni kkonkludiet […] li l-allegat vantaġġ li jirriżulta mill-possibbiltà għal operatur bħal WestSpiel li jiddeduċi parzjalment is-soprataxxa fuq il-profitti mill-bażijiet taxxabbli tal-imposta fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ kien fi kwalunkwe każ innewtralizzat mill-piż ikbar marbut mal-ħlas tal-imsemmija soprataxxa, li kienet speċifika għall-operaturi ta’ każinòs pubbliċi u dejjem ħafna ogħla minn dawn iż-żewġ imposti u taxxa.

18

Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni speċifikat li, sa fejn l-imposta fuq il-kumpanniji u t-taxxa tal-kummerċ huma proporzjonali u l-imposta fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi hija progressiva f’porzjonijiet, il-vantaġġ tal-operaturi ta’ każinòs pubbliċi li jirriżulta mit-tnaqqis tal-bażi taxxabbli korrispondenti għal parti mis-soprataxxa fuq il-profitti kien inferjuri għall-iżvantaġġ li jirriżulta mill-obbligu ta’ dawn tal-aħħar li jħallsu din is-soprataxxa.”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat

3

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Awwissu 2020, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

4

Insostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw motiv uniku, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, filwaqt li din l-istituzzjoni ma kinitx kapaċi, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, li tegħleb id-diffikultajiet serji kollha li hija ltaqgħet magħhom.

5

Skont il-Qorti Ġenerali, dan il-motiv uniku essenzjalment kien maqsum f’ħames partijiet.

6

Fl-ewwel parti, l-appellanti sostnew li l-Kummissjoni kienet assumiet b’mod żbaljat li huma kienu jqisu s-soprataxxa fuq il-profitti bħala imposta, filwaqt li huma kienu dejjem indikaw li dan kien trasferiment ta’ profitti li ma jistax jitnaqqas taħt is-sistema fiskali normali. Fit-tieni parti, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat is-soprataxxa fuq il-profitti bħala “imposta speċjali” billi qieset b’mod żbaljat li l-mod li skontu d-dritt intern jikklassifika miżura ma huwiex determinanti. Fit-tielet parti, huma jikkontestaw il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tikklassifika s-soprataxxa fuq il-profitti bħala “imposta”. Fir-raba’ parti, huma jressqu serje ta’ argumenti sabiex isostnu li, anki jekk jiġi preżunt li s-soprataxxa fuq il-profitti tikkostitwixxi imposta, din ma tistax titnaqqas mill-bażijiet taxxabbli tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ. Fil-ħames parti, huma jippreżentaw argumenti kontra l-indikazzjoni magħmula fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tqabbel is-soprataxxa fuq il-profitti u l-ħlasijiet speċjali imposti fuq l-impriżi, pereżempju għal aġir antikompetittiv, li huma deduċibbli.

7

Fil-punti 48 u 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ħadet bħala punt ta’ tluq tal-eżami tagħha ta’ dan l-aggravju uniku li l-appellanti jikkritikaw esklużivament l-allegati nuqqasijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn, fiha, il-Kummissjoni ċaħdet in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx eżami tal-kriterji kollha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ u ta’ selettività, iżda pprovat turi, minn naħa, bi tweġiba għall-argumenti tal-appellanti, li l-allegata selettività kienet nieqsa f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra u separatament, li l-vantaġġ ekonomiku kien nieqes, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ selettività.

8

Fil-punt 58 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali osservat li l-appellanti ma kinux ikkontestaw b’mod partikolari l-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 159 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha t-tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti ma kinitx ta’ natura li tikkonferixxi vantaġġ lil operatur ta’ każinò pubbliku bħal WestSpiel, sa fejn il-piż impost fuq dan l-operatur li jirriżulta mis-soprataxxa fuq il-profitti huwa dejjem u b’mod inevitabbli ħafna ikbar mill-imposta li kienet tkun dovuta fuq l-ammont li jikkorrispondi għal din.

9

Fil-punti 60 sa 66 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali madankollu eżaminat ir-rilevanza, sabiex turi l-eżistenza tal-vantaġġ li jirriżulta mit-tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti, ta’ annessi mehmuża mar-replika tal-appellanti dwar “xenarji ta’ tassazzjoni” differenti bbażati fuq data tal-kontabbiltà tas-snin finanzjarji 2014 u 2019, iżda ddeċidiet li dawn l-elementi differenti kienu tardivi u inammissibbli.

10

Fil-punt 67 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti u, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, l-eżistenza ta’ vantaġġ għandha tiġi evalwata indipendentement mis-selettività.

11

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 68 ta’ dan id-digriet, li, peress li l-appellanti ma kinux urew li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha l-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura kontenzjuża, kellha tqajjem dubji u diffikultajiet serji fir-rigward tagħha dwar il-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis tas-soprataxxa fuq il-profitti kienx jikkostitwixxi vantaġġ favur WestSpiel, dawn tal-aħħar ma kinux manifestament iġġustifikati li jsostnu li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom.

12

Wara li ddeċidiet, fil-punti 69 u 70 tad-digriet appellat, li kien ukoll manifestament infondat l-argument tal-appellanti li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’kontradizzjoni sa fejn din tikklassifika s-soprataxxa fuq il-profitti kultant bħala imposta speċifika u kultant bħala ħlas speċjali paragunabbli mal-multi għal aġir antikompetittiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-motiv uniku u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu kellhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati fid-dritt.

It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

13

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digriet appellat;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u

tirriżerva l-ispejjeż.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

L‑argumenti tal‑partijiet

15

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jressqu aggravju uniku li permezz tiegħu huma jsostnu, essenzjalment, li, billi ċaħdet ir-rikors tagħhom minħabba li l-miżura kontenzjuża ma hijiex ta’ natura li tagħti xi vantaġġ ekonomiku, mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni dwar jekk dan il-vantaġġ huwiex ta’ natura selettiva, fuq il-livell materjali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex din il-miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

16

Kif tammetti l-Qorti Ġenerali, fil-punt 52 tad-digriet appellat, billi tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-miżuri nazzjonali fiskali, il-kundizzjonijiet dwar il-vantaġġ ekonomiku u s-selettività għandhom jiġu eżaminati flimkien.

17

Barra minn hekk, mill-metodu ta’ eżami fi tliet fażijiet tal-kundizzjoni dwar is-selettività materjali stabbilita minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku, il-Qorti Ġenerali kellha bilfors tibda billi tiddefinixxi s-sistema fiskali “normali”.

18

Issa, skont l-appellanti, quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn kienu kkontestaw preċiżament li, kif kienet iddikjarat il-Kummissjoni fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-soprataxxa fuq il-profitti setgħat tiġi kklassifikata bħala “imposta speċifika” li setgħet titnaqqas mill-bażi tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ konformement mar-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tad-dritt Ġermaniż.

19

Madankollu, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx, fl-evalwazzjoni tagħha tad-dritt, dan il-punt kontenzjuż u għaldaqstant effettivament irriproduċiet id-definizzjoni tas-“sistema fiskali normali” li tinsab fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

20

Jekk, bis-saħħa tad-dritt fiskali Ġermaniż, il-klassifikazzjoni bħala “imposta speċifika” tas-soprataxxa fuq il-profitti kienet ineżatta u jekk, kif sostnew l-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, is-soprataxxa fuq il-profitti kienet tikkostitwixxi trasferiment jew distribuzzjoni tal-profitti, it-tnaqqis ta’ din is-soprataxxa kien ikun jirrappreżenta deroga mis-sistema fiskali “normali” u l-miżura kontenzjuża kienet tkun ta’ natura selettiva.

21

Peress li s-sistema fiskali “normali” għandha neċessarjament tirriżulta mir-regoli tad-dritt fiskali Ġermaniż applikabbli, l-appellanti jsostnu li ma hemm l-ebda dubju u li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat li trasferiment jew tqassim tal-profitti ma jistgħux jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tat-taxxa tal-kummerċ jew minn dik tal-imposta fuq il-kumpanniji. Fil-fatt, dawn ir-regoli jipprojbixxu li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi ekonomiċi sostnuti minħabba s-soprataxxa fuq il-profitti mill-vantaġġi li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-imsemmija soprataxxa.

22

Minn dan huma jikkonkludu li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, billi ċaħdet l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mingħajr ma ddefinixxiet minn qabel is-sistema fiskali “normali” b’mod indipendenti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, id-determinazzjoni tas-sistema fiskali “normali” hija stadju indispensabbli sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku.

23

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-aggravju uniku huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, totalment infondat.

24

Dan l-aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-digriet appellat peress li, permezz tiegħu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors mhux minħabba l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku, iżda minħabba r-raġuni essenzjali li r-rikors ma kien jinkludi ebda motiv dirett kontra l-assenza ta’ vantaġġ iġġenerat mill-miżura kontenzjuża kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża.

25

Issa, fl-assenza ta’ vantaġġ, il-miżura fl-ebda każ ma tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-miżura kontenzjuża hija selettiva, kif sostnew l-appellanti fl-ewwel istanza, dawn ma wrewx li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, kienet żbaljata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata teżamina jekk kienx jeżisti jew le vantaġġ f’dan il-każ u setgħet tillimita ruħha li tikkonstata li r-rikors ma kienx jirrigwarda din il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna.

26

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ultra petita, il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, ma setgħetx tipproċedi għall-konstatazzjoni tal-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku, peress li dan is-suġġett ma kienx is-suġġett tar-rikors fl-ewwel istanza u ma kellux jitqajjem ex officio abbażi ta’ motiv ta’ ordni pubbliku.

27

Skont il-Kummissjoni, huwa żbaljat li l-appellanti jibbażaw ruħhom fuq l-allegati karatteristiċi partikolari tal-għajnuna fiskali. Għalkemm huwa minnu li, fir-rigward ta’ tali għajnuna, il-kriterji li jirrigwardaw rispettivament il-vantaġġ u s-selettività jistgħu jiġu eżaminati flimkien, dawn il-kriterji huma kunċettwalment differenti. Barra minn hekk, il-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ u dik tas-selettività tiegħu ma jikkoinċidux la kompletament u lanqas sistematikament. Il-Kummissjoni b’hekk tosserva li, f’dan il-każ, il-miżura kontenzjuża ma kinitx intiża sabiex tnaqqas l-imposta normalment dovuta b’applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà li titnaqqas is-soprataxxa fuq il-profitti mill-bażijiet taxxabbli tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u mill-imposta fuq il-profitti hija intiża sabiex tnaqqas il-piż fiskali impost fuq il-każinòs pubbliċi ta’ Nordrhein-Westfalen minħabba s-soprataxxa fuq il-profitti.

28

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali eżaminat, sussidjarjament u bir-reqqa, fil-punti 60 sa 66 tad-digriet appellat, il-provi prodotti tardivament mill-appellanti li jistgħu jippreżentaw rabta vaga ma’ argument eventwali dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wriet li dawn l-elementi inammissibbli huma fi kwalunkwe każ irrilevanti, peress li ma ppermettewx li tiġi kkontestata b’suċċess il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ vantaġġ li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

29

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dak li jirrigwarda speċifikament in-natura selettiva ta’ miżuri fiskali nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni, sabiex tkun tista’ tikklassifika miżura ta’ din in-natura bħala “selettiva”, għandha twettaq eżami fi tliet stadji. Hija għandha, bħala effett, fl-ewwel lok, li tidentifika s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u fit-tieni lok, li turi li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn tintroduċi differenzjazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema ta’ referenza, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzjazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li huma, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu, fit-tielet lok, juri li din id-differenzjazzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li minnha jagħmlu parti dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fil-kuntest tal-aggravju uniku tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument ċentrali tagħhom, espost fl-ewwel tlieta mill-ħames partijiet li minnhom kien ikkostitwit l-uniku motiv invokat insostenn tar-rikors tagħhom, intiż sabiex jikkritika d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn, fiha, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività, identifikat, b’mod żbaljat, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat matul l-ewwel stadju tal-eżami li dan għandu jwettaq konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

32

L-iżball imwettaq mill-Kummissjoni huwa intiż b’mod partikolari għall-fatt li hija kklassifikat il-miżura kontenzjuża, jiġifieri s-soprataxxa fuq il-profitti li għandhom jitħallsu mill-każinòs pubbliċi, bħala “imposta speċifika”, jew bħala “imposta addizzjonali speċjali”, li kien jippermettilha tikkonkludi li l-ammonti mħallsa abbażi ta’ din is-soprataxxa mill-bażi tal-imposta fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji u tat-taxxa tal-kummerċ jistgħu jitnaqqsu skont ir-regoli ġenerali ta’ tassazzjoni tas-sistema fiskali normali previsti mid-dritt fiskali Ġermaniż applikabbli li jammettu t-tnaqqis tal-“ispejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali”.

33

L-appellanti jsostnu li s-soprataxxa fuq il-profitti għandha tiġi kklassifikata bħala “trasferiment” jew “distribuzzjoni” ta’ profitti, u mhux bħala “taxxa” jew “imposta speċifika”, b’tali mod li, skont id-dritt fiskali Ġermaniż applikabbli, din is-soprataxxa fuq il-profitti ma kellhiex titnaqqas mill-bażi taxxabbli tat-taxxa tal-kummerċ. It-tnaqqis effettivament imwettaq jirrappreżenta għalhekk deroga mis-sistema fiskali “normali”, u, għaldaqstant, vantaġġ selettiv.

34

F’dan ir-rigward tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx ġustament tiddeċiedi li, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kontenzjuża, mogħtija fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE, li l-miżura kontenzjuża ma tikkostitwixxix “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kemm minħabba l-ineżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti minn din il-miżura kif ukoll minħabba l-assenza ta’ selettività tagħha, rikors li huwa ppreżentat esklużivament kontra l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ selettività għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u, għaldaqstant, bħala manifestament infondat fid-dritt, peress li, anki jekk dan il-motiv jirriżulta li huwa fondat, il-miżura inkwistjoni għadha ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat minħabba l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża.

35

F’dan ir-rigward, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi distint b’mod ċar mill-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku sa fejn, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ, fis-sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ jibbenefika speċifikament impriża jew diversi impriżi (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59).

36

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali nazzjonali, peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ taxxa msejħa “normali” (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura fiskali, huwa għalhekk meħtieġ li s-sistema fiskali ordinarja jew is-sistema ta’ referenza applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat tkun identifikata b’mod korrett fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tkun eżaminata mill-qorti adita b’kontestazzjoni dwar din l-identifikazzjoni. Peress li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza tikkostitwixxi l-punt tat-tluq tal-eżami komparattiv li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva, żball imwettaq f’din id-determinazzjoni neċessarjament jivvizzja l-analiżi kollha tal-kundizzjoni dwar in-natura selettiva (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza, li għandha ssir wara dibattitu kontradittorju mal-Istat Membru kkonċernat, għandha toħroġ minn eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-interazzjoni u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’oqsma li ma humiex oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu l-imposta, li jiddefinixxu, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, li abbażi tagħha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni dwar in-natura selettiva. Dan japplika b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-bażi tal-imposta u tal-fatt taxxabbli tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Minn dan isegwi li huwa biss id-dritt nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata s-sistema ta’ referenza fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, identifikazzjoni din li hija, min-naħa tagħha, prerekwiżit indispensabbli mhux biss sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ iżda wkoll sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni ta’ jekk dan il-vantaġġ għandux natura selettiva (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 74).

41

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, miġbur fil-qosor fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, imur kontra l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 36 sa 40 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li l-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq sabiex tikkonstata s-selettività ta’ skema ta’ għajnuna ta’ natura fiskali jikkoinċidi, fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali “normali”, ma’ dik li għandha titwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżura kontenzjuża għandhiex l-effett li tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha.

42

Fil-fatt, konformement mal-imsemmija prinċipji, għalkemm il-Qorti Ġenerali kienet eżaminat, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju sħiħ li hija għandha fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli kif imwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-argumenti tal-appellanti diretti kontra l-identifikazzjoni f’din id-deċiżjoni tas-sistema ta’ referenza, miġbura fil-qosor fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, u jekk il-Qorti Ġenerali kinitx waslet, fi tmiem dan l-eżami, għall-konklużjoni li, fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt fiskali Ġermaniż applikabbli fil-qasam kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom fil-ġurisprudenza u fil-kummentarji nazzjonali, il-Kummissjoni kienet effettivament wettqet żball f’din l-identifikazzjoni, tali żball neċessarjament ivvizzja l-analiżi kollha tal-Kummissjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv u dan fiż-żewġ komponenti tiegħu, jiġifieri kemm fil-kundizzjoni dwar is-selettività kif ukoll f’dik relatata ma’ vantaġġ ekonomiku.

43

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn iddeċidiet li ma għandhiex teżamina l-imsemmija argumenti tal-appellanti minħabba li dawn, anki jekk kienu fondati, huma fi kwalunkwe każ ineffettivi peress li jaffettwaw biss l-analiżi mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-kundizzjoni dwar is-selettività, u mhux dik dwar vantaġġ ekonomiku eżaminat separatament fl-imsemmija deċiżjoni.

44

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imqajjem mill-Kummissjoni sussidjarjament li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ultra petita li kieku eżaminat il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża mhux biss għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-kundizzjoni tas-selettività, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku.

45

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, peress li l-qorti tal-legalità ma tistax tiddeċiedi ultra petita, l-annullament li hija tiddikjara ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-kuntest tal-kawża, il-qorti ma tistax tkun marbuta bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ultra petita biss mill-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax inkella jkollha, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 58).

47

Issa, fl-ewwel istanza, l-appellanti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża billi argumentaw, b’mod partikolari, li, fiha, il-Kummissjoni wettqet eżami tal-kundizzjoni tas-selettività, li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li dan l-eżami huwa bbażat fuq identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali “normali” li tirriżulta minn interpretazzjoni ineżatta tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt fiskali Ġermaniż fil-qasam tat-tnaqqis tal-“ispejjeż ikkawżati mit-tranżazzjonijiet kummerċjali”.

48

Għalkemm huwa minnu li, formalment, ir-rikors tal-appellanti kien jirrigwarda biss l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-kundizzjoni dwar is-selettività, u mhux dik dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, xorta jibqa’ l-fatt li, kif diġà ġie enfasizzat, l-argument tagħhom kien, fuq il-mertu, daqstant rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet peress li kien jirrigwarda l-identifikazzjoni, f’din id-deċiżjoni, tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali “normali”, eżami li huwa identiku għal dawn iż-żewġ kundizzjonijiet u li, jekk kien kuntrarju għad-dritt nazzjonali applikabbli, jivvizzja neċessarjament bl-istess mod l-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

49

Konsegwentement, kieku l-Qorti Ġenerali kienet, kif kellha tagħmel, eżaminat dan l-argument tal-appellanti, hija bl-ebda mod ma kienet tibdel is-suġġett tat-talba kif iffissat fir-rikors u, għaldaqstant, ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ ultra petita.

50

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma kisritx dan il-prinċipju li kieku, fi tmiem dan l-eżami, hija kienet ikkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata peress li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet wettqet identifikazzjoni żbaljata tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali “normali”.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-digriet appellat għandu jiġi annullat.

Fuq il‑fatt li l‑kawża tintbagħat lura quddiem il‑Qorti Ġenerali

52

Konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

53

Permezz ta’ din is-sentenza, ġie deċiż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina l-argument tal-appellanti intiż sabiex jikkritika l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali “normali”.

54

Peress li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-istħarriġ tal-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza jew tas-sistema fiskali “normali” applikabbli li hija kellha teżerċita fid-dawl tal-argumenti speċifikament imressqa quddiemha mill-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑22 ta’ Ottubru 2021, Fachverband Spielhallen u LM vs Il‑Kummissjoni (T‑510/20, ECLI:EU:T:2021:745), huwa annullat.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.