SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
7 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Artikolu 52 – Kummerċ parallel – Regolament (UE) Nru 547/2011 – Rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Punt 1(b) u (f) tal-Anness I – Isem u indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni – Numru tal-lott”
Fil-Kawża C‑830/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura
Syngenta Agro GmbH
vs
Agro Trade Handelsgesellschaft mbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Syngenta Agro GmbH, minn P. Gey u H.‑G. Kamann, Rechtsanwälte, |
– |
għal Agro Trade Handelsgesellschaft mbH, minn H. P. Koof, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, K. Konsta u E. Leftheriotou, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u V.‑S. Strasser, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u M. Ter Haar, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2011 tat‑8 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 176). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Syngenta Agro GmbH u Agro Trade Handelsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Agro Trade”) dwar il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (KE) Nru 1107/2009
3 |
Il-premessi 8, 9 u 31 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) huma fformulati kif ġej:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u għan”, jgħid, fil-paragrafu 3 tiegħu, li: “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola.” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]
[…]” |
6 |
Skont l-Artikolu 28 tal-istess regolament, intitolat “Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu”: “1. Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament. 2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-ebda awtorizzazzjoni m’għandha tkun meħtieġa fil-każijiet li ġejjin: […]
|
7 |
L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Kummerċ parallel”, huwa fformulat kif ġej: “1. Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun awtorizzat fi Stat Membru wieħed (Stat Membru ta’ oriġini) jista’, soġġett għall-għoti ta’ permess kummerċjali parallel, jiġi introdott, imqiegħed fis-suq jew użat fi Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ introduzzjoni), jekk dan l-Istat Membru jiddetermina li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa identiku fil-kompożizzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti diġà awtorizzat fit-territorju tiegħu (prodott ta’ referenza). L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni. 2. Minn meta tiġi rċevuta applikazzjoni kompluta, għandu jingħata permess kummerċjali parallel bi proċedura simplifikata fi żmien 45 jum ta’ ħidma jekk il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għandu jiġi introdott huwa identiku fit-termini tal-paragrafu 3. […] 3. Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jitqiesu bħala identiċi għall-prodotti ta’ referenza jekk:
4. L-applikazzjoni għal permess kummerċjali parallel għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
[…] 5. Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih inħareġ permess kummerċjali parallel għandu jitqiegħed fis-suq u jiġi użat biss skont id-dispożizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza. Biex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u l-kontrolli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta’ kontroll speċifiċi għall-prodott li għandu jiġu introdott f’Regolament imsemmi fl-Artikolu 68. 6. Il-permess kummerċjali parallel għandu jkun validu għat-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza. Jekk id-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza japplika għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 45(1) u r-rekwiżiti tal-Artikolu 29 għadhom sodisfatti, il-validità tal-permess kummerċjali parallel għandha tiskadi sad-data li fiha l-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza kellha normalment tiskadi. 7. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 44, 45, 46 u 55 u l-Artikolu 56(4) u l-Kapitoli VI sa X għandhom japplikaw għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma l-oġġett ta’ kummerċ parallel b’mod korrispondenti. 8. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44, il-permess għall-kummerċ parallel jista’ jiġi irtirat jekk l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott huwa rtirat fl-Istat Membru ta’ oriġini minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ effikaċja. 9. Fejn il-prodott mhuwiex identiku fit-termini tal-paragrafu 3, għall-prodott ta’ referenza, l-Istat Membru ta’ introduzzjoni jista’ jagħti biss l-awtorizzazzjoni meħtieġa għat-tqegħid fis-suq u l-użu skont l-Artikolu 29. […] 11. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 63, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni rigward il-permessi għal kummerċ parallel tan-negozju.” |
8 |
L-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”, jistabbilixxi li: “Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jintużaw kif suppost. L-użu kif suppost għandu jinkludi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-prattika tal-protezzjoni tal-pjanti tajba u konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 31 u speċifikati fuq it-tikkettar. […]” |
9 |
L-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni dwar l-effetti potenzjalment ta’ ħsara jew effetti inaċċettabbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 4, li: “Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jirrapporta kull sena lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jawtorizzaw il-prodott tiegħu għall-protezzjoni tal-pjanti jekk għandu kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tirrelata man-nuqqas tal-effikaċja mistennija, mal-iżvilupp ta’ reżistenza u ma’ kwalunkwe effett mhux mistenni fuq il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew l-ambjent.” |
10 |
L-Artikolu 65 tal-istess regolament, intitolat “Tikkettar”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “It-tikkettar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jinkludi r-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni, tikkettar u imballaġġ tad-Direttiva 1999/45/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 109),] u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’Regolament adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 79(4). […]” |
Ir‑Regolament Nru 547/2011
11 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011: “It-tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jikkonforma mar-rekwiżiti, kif stipulati fl-Anness I, u jinkludu, fejn xieraq, il-frażijiet standard għar-riskji speċjali għas-saħħa tal-bniedem jew dik tal-annimali jew għall-ambjent, kif stipulat fl-Anness II, u l-frażijiet standard għall-prekawzjonijiet tas-sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew dik tal-annimali jew tal-ambjent, kif stipulat fl-Anness III.” |
12 |
L-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti ta’ tikkettjar kif imsemmi fl-Artikolu 1”, jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu, li: “L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: […]
[…]
[…]” |
Regolament (KE) Nru 1272/2008
13 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), intitolat “Għan u Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi li: 1. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet u oġġetti kif imsemmija fl-Artikolu 4(8) billi: […]
[…]
[…] […]” |
14 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li: “Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
15 |
Taħt it-Titolu III tal-imsemmi regolament, intitolat “Komunikazzjoni ta’ periklu fil-forma ta’ ttikkettar”, l-Artikolu 17, intitolat “Regoli ġenerali”, huwa fformulat kif ġej: “1. Sustanza jew taħlita klassifikata bħala perikoluża u li tkun tinsab fl-imballaġġ għandu jkollha tikketta li tkun tinkludi l-elementi li ġejjin:
[…]” |
Id‑dritt Ġermaniż
16 |
L-Artikolu 49(4) tal-Gesetz zum Schutz der Kulturpflanzen (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti Kkultivati), jistabbilixxi li: “Id-detenturi ta’ permess li ma jużawx in-numru tal-lott tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat b’mod parallel għat-tikketta msemmija fl-Artikolu 47(1) għandhom iżommu reġistru, li għandu jinżamm għal mill-inqas ħames snin, li jindika l-korrelazzjoni bejn in-numru tal-lott li jużaw u n-numri tal-lott tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat b’mod parallel. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
17 |
Syngenta Agro hija kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-grupp Syngenta, li tipproduċi u tiddistribwixxi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni. |
18 |
Agro Trade hija impriża kummerċjali fis-settur agrikolu li tiddistribwixxi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b’mod partikolari prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela. |
19 |
Fost dawn l-aħħar prodotti, hemm dawk ta’ Syngenta Agro, li Agro Trade tiddistribwixxi fil-Ġermanja f’kontenituri oriġinali, mhux miftuħa, li jappartjenu lil Syngenta Agro, wara li tissostitwixxi t-tikketta oriġinali bit-tikketta tagħha stess. |
20 |
Fuq din l-aħħar tikketta, jinsabu, b’mod partikolari, informazzjoni dwar Agro Trade, fil-kwalità tagħha ta’ importatriċi u ta’ distributriċi, iżda ma tinsab ebda informazzjoni dwar Syngenta Agro, fil-kwalità tagħha ta’ detentriċi tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat fl-Istat Membru ta’ oriġini. Agro Trade tissostitwixxi wkoll in-numru tal-lott inizjali tal-produttur b’numru ta’ identifikazzjoni tagħha stess u żżomm reġistru li juri l-korrispondenza bejn dan l-aħħar numru u dan in-numru tal-lott inizjali. |
21 |
Syngenta Agro ressqet quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) talba intiża sabiex Agro Trade tiġi pprojbita milli tqiegħed fis-suq b’mod kummerċjali, fit-territorju Ġermaniż, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ta’ Syngenta Agro li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela meta l-indikazzjonijiet dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni li jinsabu fuq l-imballaġġ inizjali tneħħew u/jew meta n-numru tal-lott tal-preparazzjoni li jinsab fuq dan l-imballaġġ tneħħa u ġie ssostitwit b’numru ta’ identifikazzjoni ieħor, għar-raġuni li l-aġir ta’ Agro Trade kien imur kontra d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011. |
22 |
Il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) laqgħet it-talba ta’ Syngenta Agro sa fejn din kienet ibbażata fuq il-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 u kienet tikkonċerna l-indikazzjonijiet dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet din it-talba sa fejn din kienet ibbażata fuq il-punt 1(f) ta’ dan l-anness u kienet tikkonċerna n-numru ta’ lott tal-preparazzjoni kkonċernata. |
23 |
Syngenta Agro u Agro Trade appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. |
24 |
Din il-qorti tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, sa fejn dan ir-regolament ma jipprevedi ebda regola speċifika għal dak li jirrigwarda l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela. |
25 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
26 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, jista’, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, jissostitwixxi l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini b’ismu u bl-indirizz tiegħu stess. |
27 |
Skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq jew użati skont dan ir-regolament għandu jinkludi r-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/45, li tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 1272/2008. Barra minn hekk, dan l-ittikkettjar għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 547/2011, li ġie adottat, abbażi ta’ dan l-Artikolu 65(1), sabiex jiġu applikati r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti previsti mir-Regolament Nru 1107/2009. |
28 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, l-imsemmi ttikkettjar għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. |
29 |
Mill-punt 1(b) tal-Anness I jirriżulta li l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għandhom jidhru b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. |
30 |
Ir-Regolamenti Nru 1107/2009 u Nru 547/2011 ma jinkludu ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom intalab permess kummerċjali parallel u l-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi sempliċement, għal dawn il-prodotti, l-applikazzjoni “mutatis mutandis”, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-ittikkettjar li jinsabu fil-Kapitolu VII ta’ dan l-aħħar regolament. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, konformement mat-tifsira normali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Leistritz,C‑534/20, EU:C:2022:495, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Barra minn hekk, regolament ta’ implimentazzjoni għandu jkun is-suġġett, jekk possibbli, ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek,C‑376/11, EU:C:2012:502, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Huwa konformement ma’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi ddeterminat kif l-espressjoni “l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni”, li tinsab fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, għandha tinftiehem fil-kuntest tal-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel, fis-sens tal-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009. |
34 |
Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni letterali ta’ din l-espressjoni, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ dan il-punt 1(b) tal-Anness I ma tipprovdi ebda element utli f’dan ir-rigward. |
35 |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni kuntestwali, mill-punti 10 u 24 tal-Artikolu 3 u mill-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li, bħala prinċipju, l-obbligu li li jiġi inkluż, fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni japplika għall-persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ att amministrattiv speċifiku, sabiex tqiegħed fis-suq il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
36 |
Issa, għal dak li jirrigwarda prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, huwa d-detentur tal-permess kummerċjali parallel li huwa responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott fit-territorju tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, wara li jkun ġie vverifikat li l-imsemmi prodott u l-prodott ta’ referenza jkunu identiċi. |
37 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-permess kummerċjali parallel għandu natura personali u li huwa biss id-detentur ta’ dan il-permess li jista’ jqiegħed prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq tal-Istat Membru li jkun ta l-imsemmi permess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Agrimotion,C‑912/19, EU:C:2021:173, punti 26 u 37). |
38 |
Minn dan isegwi, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, li, filwaqt li awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 torbot lid-detentur tagħha mal-Istat Membru ta’ oriġini, permess kummerċjali parallel, maħruġ skont l-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, jorbot lid-detentur tiegħu mal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, u li awtorizzazzjoni maħruġa mill-Istat Membru ta’ oriġini ma tipproduċix drittijiet jew obbligi fir-rigward tad-detentur tagħha fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni. |
39 |
Konsegwentement, għandu jitqies li r-rekwiżit stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, dwar l-indikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, għandu jinftiehem, fil-kuntest tal-kummerċ parallel, bħala li jirreferi għall-isem u għall-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel. Għaldaqstant, huwa għandu l-obbligu jinkludi, fuq it-tikketta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħed fis-suq tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, ismu u l-indirizz tiegħu ħdejn jew minflok dawk tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. |
40 |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 jikkonfermaw din l-interpretazzjoni tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011. |
41 |
Skont l-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament Nru 1272/2008, “[s]ustanza jew taħlita klassifikata bħala perikoluża u li tkun tinsab fl-imballaġġ għandu jkollha tikketta li tkun tinkludi […] l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tal-fornitur(i)”. |
42 |
Issa, mill-Artikolu 1(1)(b)(ii) tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar jipprevedi obbligu, għall-fornituri, li jittikkettaw u li jimballaw is-sustanzi u t-taħlitiet imqiegħda fis-suq, filwaqt li, skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 26 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, il-kunċett ta’ “fornitur” ikopri kull manifattur, importatur, utent downstream jew distributur li jqiegħed fis-suq sustanza, waħedha jew f’taħlita, jew f’taħlita, jew taħlita. |
43 |
Minn dan jirriżulta li, meta importatur jew distributur, li jkollu permess kummerċjali parallel, iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Istat Membru li jkun ta dan il-permess, dan l-importatur jew dan id-distributur jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ttikkettjar previsti mir-Regolament Nru 1272/2008 jekk l-imballaġġ ta’ dan il-prodott ikollu tikketta li tinkludi ismu, l-indirizz tiegħu u n-numru tat-telefon tiegħu. |
44 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 mogħtija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għan doppju mfittex mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, li huwa, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 8, 9 u 31 ta’ dan l-aħħar regolament, li jiġi ffaċilitat il-kummerċ parallel tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti identiċi li huma awtorizzati fi Stati Membri differenti, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Vaselife International u Chrysal International, C‑445/18, EU:C:2019:968, punt 32). |
45 |
Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, fuq it-tikketta ta’ dan tal-aħħar, bl-ebda mod ma tostakola l-kummerċ parallel ta’ dan il-prodott, sa fejn hija ma timponix, fiha nnifisha, kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott barra mill-Istat Membru ta’ oriġini. |
46 |
Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Gvern Grieg, li livell għoli ta’ protezzjoni tagħhom huwa żgurat mill-kontrolli tal-użu xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, imposti mill-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, applikabbli għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel skont l-Artikolu 52(7) ta’ dan ir-regolament. |
47 |
Tali kontroll isir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-permess kummerċjali parallel tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat, li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dan il-prodott, jikkorrispondi, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-imsemmi regolament, għal dak tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni. |
48 |
Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(6) tal-istess regolament, il-perijodu ta’ validità tal-permess kummerċjali parallel ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jikkorrispondi, bħala prinċipju, għal dak stabbilit fl-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni. |
49 |
Konsegwentement, kemm għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni kif ukoll għad-distributuri u għall-utenti ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel, l-indikazzjonijiet u l-informazzjoni l-iktar importanti li jikkonċernaw dan il-prodott jinsabu biss fil-permess kummerċjali parallel ta’ dan il-prodott. |
50 |
Issa, fost dawn l-indikazzjonijiet u din l-informazzjoni hemm l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat, li, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, huwa l-uniku responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott fit-territorju tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni. |
51 |
Bl-istess mod, meta, fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni, utent jixtieq jikseb informazzjoni dwar ir-raba’ li għalih prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel huwa awtorizzat jew dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ dożaġġ ta’ dan il-prodott, l-isem u l-indirizz indikati fuq it-tikketta mwaħħla fuqu għandhom ikunu dawk tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel tal-imsemmi prodott, għaliex huwa dan id-detentur li huwa f’pożizzjoni li jipprovdi din l-informazzjoni u mhux dak tal-awtorizzazzjoni dwar l-istess prodott fl-Istat Membru ta’ oriġini. |
52 |
Issa, l-imsemmija informazzjoni hija primordjali fir-rigward tat-twettiq tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1107/2009 li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni. |
53 |
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ipoteżi li fiha l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott tiġi rtirata fl-Istat Membru ta’ oriġini għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ effikaċja, huwa biżżejjed li jiġi indikat li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni għandha, skont l-Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1107/2009, informazzjoni neċessarja sabiex jiġi ttraċċat dan il-prodott u jiġi identifikat id-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-awtorità hija f’pożizzjoni li tirtira, jekk ikun il-każ, il-permess kummerċjali parallel, konformement mal-Artikolu 52(8) ta’ dan ir-regolament. |
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1 u l-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, jista’, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, jissostitwixxi l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini b’ismu u bl-indirizz tiegħu stess. |
Fuq it‑tieni domanda
55 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwa obbligat jinkludi, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, in-numru tal-lott tal-preparazzjoni inizjalment mogħti mill-produttur. |
56 |
Kif jirriżulta mill-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq jew użati skont ir-Regolament Nru 1107/2009 għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, li l-punt 1(f) tiegħu jipprevedi li “in-numru tal-lott tal-formulazzjoni u d-data tal-produzzjoni” għandhom jidhru b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti. |
57 |
Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “numru tal-lott”, għandu jiġi rrilevat li la r-Regolament Nru 547/2011, la r-Regolament Nru 1107/2009, u lanqas ir-Regolament Nru 1272/2008 ma jiddefinixxu dan il-kunċett. |
58 |
Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat kif l-imsemmi kunċett għandu jinftiehem, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tiegħu, konformement mat-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, kif ukoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti. |
59 |
Skont it-tifsira tal-kliem “numru tal-lott” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dan jirreferi għal sensiela ta’ numri u/jew ittri ta’ identifikazzjoni, mogħtija lil grupp ta’ prodotti li jkollhom l-istess karatteristiċi u li jiġu mmanifatturati fl-istess operazzjoni ta’ produzzjoni. |
60 |
Għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Gvern Awstrijak, li l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 jirreferi b’mod konkret għan-“numru tal-lott […] tal-produzzjoni”, billi jorbot, b’mod inseparabbli, in-“numru tal-lott” mal-“produzzjoni” immanifatturata mill-produttur tagħha. |
61 |
Barra minn hekk, it-tifsira msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza hija riflessa, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1280 tat‑2 ta’ Awwissu 2021 rigward il-miżuri dwar prattika tajba ta’ distribuzzjoni għas-sustanzi attivi li jintużaw bħala materjali tal-bidu fil-prodotti mediċinali veterinarji f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 279, p. 1), li jiddefinixxi “lott” bħala “kwantità ddefinita ta’ materjal tal-bidu, ta’ materjal tal-imballaġġ jew ta’ prodott ipproċessat fi proċess wieħed jew f’serje ta’ proċessi, sabiex ikun mistenni li jkun omoġenju”, u fl-Artikolu 2(p), li jiddefinixxi “numru tal-lott” bħala “kombinazzjoni distintiva ta’ numri jew ta’ ittri li tidentifika lott uniku”. |
62 |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “numru tal-lott”, fis-sens tal-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, ifisser in-numru ta’ lott inizjalment mogħti lil prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mill-manifattur tiegħu. |
63 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-“data tal-produzzjoni” tirreferi mingħajr ebda ekwivoku għall-attività ta’ manifattura mill-“produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(11) tar-Regolament Nru 1107/2009. Issa, il-persuni li jwettqu ttikkettjar mill-ġdid jew ippakkjar mill-ġdid tal-prodotti ma jistgħux jitqiesu li huma “produttur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
64 |
L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 1107/2009, jiġifieri, b’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, li jippreżupponi li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jiġu ttraċċati u jkunu suġġetti għal kontrolli effettivi. |
65 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-traċċabbiltà ta’ dawn il-prodotti, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ anomalija li taffettwa tali prodott, in-numru tal-lott inizjali tal-preparazzjoni kkonċernata huwa l-unika referenza rilevanti u li, fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, huwa biss dan in-numru li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jirtiraw mis-suq, b’mod immirat u immedjat, dan il-prodott. |
66 |
Min-naħa l-oħra, jekk importatur parallel ikun awtorizzat jirtira u jissostitwixxi n-numru tal-lott inizjali tal-preparazzjoni kkonċernata b’numru ta’ identifikazzjoni personali ġdid, it-traċċabbiltà tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat tkun possibbli biss permezz ta’ database li tistabbilixxi korrispondenza bejn dawn in-numri, u dan jirrendi iktar bil-mod u kkomplikat l-irtirar eventwali ta’ dan il-prodott mis-suq. |
67 |
Għaldaqstant, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, hija kuntrarja għall-għan imfittex mir-Regolament Nru 1107/2009 leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li huwa possibbli għal importatur parallel li jissostitwixxi, fuq l-imballaġġ ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel, in-numru tal-lott inizjali tal-preparazzjoni kkonċernata bin-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu, indipendentement mill-fatt li din il-leġiżlazzjoni tobbliga lil dan l-importatur parallel li jżomm reġistru li jikkorrelata n-numri tal-lottijiet inizjali u n-numri ta’ identifikazzjoni personali tal-imsemmi importatur parallel. |
68 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 1 u l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwa obbligat jinkludi, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, in-numru tal-lott tal-preparazzjoni kkonċernata inizjalment mogħti mill-produttur. |
Fuq l‑ispejjeż
69 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.