SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent ta’ sentenzi li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bl-għan li jiġu infurzati fi Stat Membru ieħor – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikoli 3(4) u 8 – Rifjut tal-eżekuzzjoni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti – Eżami f’żewġ stadji – Revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni li takkumpanja piena ta’ priġunerija mogħtija minn Stat Membru – Eżekuzzjoni ta’ din il-piena minn Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C‑819/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura
Staatsanwaltschaft Aachen
fil-preżenza ta’:
M. D.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall‑Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u K. Herrmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) u tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”), moqrija flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża dwar it-talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ sentenza ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur mogħtija kontra M.D. minn qorti Pollakka. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 5 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huma fformulati b’dan il-mod:
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Għan u Ambitu”: “1. L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena. 2. Din id-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni. […] 4. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.” |
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kriterji għat-trasmissjoni ta’ sentenza u ċertifikat lil Stat Membru ieħor”, jipprovdi: “1. Dment li l-persuna sentenzjata fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni, u dment li l-persuna tat il-kunsens tagħha fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6, sentenza, flimkien ma’ ċertifikat li tieghu tingħata l-formula standard fl-Anness I, jista’ jintbagħat lil wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena” jistabbilixxi: “1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9. […]” |
7 |
L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar”, jipprevedi: “1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk: […]
[…]” |
8 |
L-Artikolu 17 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Liġi li tirregola l-infurzar” huwa fformulat kif ġej: “1. L-infurzar ta’ piena għandu jkun irregolat bil-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni waħedhom għandhom, soġġett għall-paragrafi 2, u 3, jkunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
9 |
M.D. huwa ċittadin Pollakk li jirrisjedi b’mod abitwali fil-Ġermanja u li ġie kkundannat fil-Polonja għal piena ta’ sitt xhur priġunerija sospiża b’sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 tas-Sąd Rejonowy Szczecin-Prawobrzeże (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin-Prawobrzeże, il-Polonja). Il-persuna kkonċernata ma kinitx preżenti għall-proċess tagħha minkejja li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qrati Pollakki, il-konvokazzjoni għas-seduta kienet intbagħtitlu fl-indirizz fil-Polonja li dan kien indika fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni. |
10 |
Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Lulju 2019, l-istess qorti rrevokat is-sospensjoni inizjalment mogħtija u ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra M. D. Ir-raġunijiet ta’ din ir-revoka u, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk din tal-aħħar seħħitx wara kundanna kriminali ġdida, ma jirriżultawx b’mod ċar mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
11 |
Fit‑13 ta’ Awwissu 2020, is-Sąd Okregowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin, il-Polonja) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew, li abbażi tiegħu M.D. ġie arrestat fil-Ġermanja. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2020, l-iStaatsanwaltschaft Köln (il-Prosekutur ta’ Köln, il-Ġermanja) irrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest abbażi tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p.45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tad‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), minħabba li l-persuna kkonċernata kienet ilha tirrisjedi b’mod abitwali fil-Ġermanja għal diversi snin u kienet opponiet il-konsenja tagħha lill-awtoritajiet Pollakki. |
12 |
Fis‑26 ta’ Jannar 2021, is-Sąd Okregowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin) adixxiet lill-Generalstaatsanwaltschaft Berlin (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja) b’kopja awtentikata tas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għall-finijiet tal-infurzar fil-Ġermanja tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra M.D. Il-proċess intbagħat lis-Staatsanwaltschaft Aachen (il-Prosekutur ta’ Aachen, il-Ġermanja), li għandu ġurisdizzjoni territorjali. |
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Novembru 2021, wara li sema’ lil M. D., li indika li ma rċeviex taħrika għas-seduta li nżammet fil-Polonja u sostna li l-ilmenti mqajma kontrih kienu infondati, il-Prosekutur ta’ Aachen talab lill-awla tal-infurzar tal-pieni tal-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tilqa’ t-talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tas-sentenza u tad-digriet tas-Sąd Rejonowy Szczecin-Prawobrzeże (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin-Prawrzeże) tas‑7 ta’ Awwissu 2018 u tas‑16 ta’ Lulju 2019 u li tiddeċiedi kontra M. D. piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur. Skont il-Prosekutur ta’ Aachen, il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Polonja kienu ssodisfatti. B’mod partikolari, il-fatti li wasslu għall-kundanna, imwettqa bejn ix-xahar ta’ Marzu u x-xahar ta’ Ġunju 2009, kienu, skont dan il-prosekutur, punibbli fid-dritt kriminali Ġermaniż bħala evażjoni frawdolenti u falza. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax tirrifjuta li tiddikjara eżekuttiva fil-Ġermanja l-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra M.D. fil-Polonja, minħabba l-ksur minn dan l-Istat Membru tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 2 TUE. Hija tirrileva li l-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha jsemmu nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja Pollakka fid-dati tas-sentenza u tad-digriet tas-Sąd Rejonowy Szczecin-Prawobrzeże (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin-Prawobrzeże) li l-eżekuzzjoni tagħhom hija mitluba, jiġifieri fis‑7 ta’ Awwissu 2018 u fis‑16 ta’ Lulju 2019. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-proposta motivata tal-Kummissjoni Ewropea meħuda abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE, dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja, tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (COM (2017) 835 final), kif ukoll għall-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett. |
15 |
F’dan il-kuntest, il-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen) tistaqsi jekk, għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-infurzar fil-Ġermanja tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra M.D. fil-Polonja, għandhiex tiddetermina hija stess jekk is-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru kinitx inadempjenti fis‑7 ta’ Awwissu 2018 u fis‑16 ta’ Lulju 2019 u jekk inkisirx id-dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata għal smigħ xieraq, jew jekk hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel dan, sabiex tevita diverġenzi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Fuq il-mertu, din il-qorti tqis li ma huwiex evidenti li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), dwar id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tista’ tiġi trasposta għad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 fl-assenza, f’din tal-aħħar, ta’ ekwivalenti tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u fid-dawl tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456). |
16 |
Il-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen) tistaqsi wkoll x’għandu jsir meta, fid-data tad-deċiżjoni jew tas-sentenzi li tagħhom qiegħda tintalab l-eżekuzzjoni, is-sitwazzjoni tal-Istat tad-dritt fl-Istat Membru emittenti kienet sodisfaċenti, iżda sussegwentement evolviet b’mod sfavorevoli, b’tali mod li ma għadhiex iktar favorevoli fil-mument meta l-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirreferi s-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda
18 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ hija stess tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi s-sentenza ta’ kundanna kriminali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor meta jkollha elementi li juru l-eżistenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq u, b’mod iktar wiesa’, il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja u r-rispett tal-Istat tad-dritt. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’liema data hija għandha tqiegħed lilha nnifisha sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati u jekk għandhiex tiżgura wkoll li dawn tal-aħħar kellhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkundannata. |
19 |
Bħad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkonkretizza, fil-qasam kriminali, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku, li jimponu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull Stat Membru li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 26 kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 40). Kif tenfasizza l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, din issaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali meta ċittadini tal-Unjoni jkunu ġew ikkundannati għal pieni jew għal miżuri li jċaħħdu l-libertà fi Stat Membru ieħor, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tagħhom. |
20 |
Għal dan l-għan, l-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, obbligata tilqa’ t-talba, intiża għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-infurzar ta’ kundanna għal piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà mogħtija fi Stat Membru ieħor, li ġiet trażmessa lilha konformement mal-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Bħala prinċipju, hija tista’ tirrifjuta li tilqa’ tali talba biss għar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ infurzar elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 9 tal-istess deċiżjoni qafas. |
21 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li f’ċirkustanzi eċċezzjonali jistgħu jsiru limitazzjonijiet addizzjonali għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi (sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Dan japplika wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun esposta għal riskju reali li ssofri trattamenti inumani u degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti. Sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprevedi li din ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE, kif ukoll fuq in-natura assoluta tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 4 tal-Karta (ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 83 u 84). |
23 |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ wkoll tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew meta l-konsenja tal-persuna rikjesta tista’ tesponi lil din tal-aħħar għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-importanza kardinali ta’ din tal-aħħar għall-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u għall-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 48 u 59, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 45 u 46). |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali soluzzjoni hijiex trasponibbli għall-każ ta’ talba intiża mhux għall-konsenja lill-awtoritajiet emittenti ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżda għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-eżekuzzjoni fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ta’ kundanna kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor, meta jeżistu elementi li jindikaw li l-kundizzjonijiet f’dan l-aħħar Stat Membru, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita jew ta’ deċiżjonijiet sussegwenti li jikkonċernawha, huma inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi li din tal-aħħar ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE. |
26 |
Barra minn hekk, il-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni qafas tindika li din “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi mill-Karta […] b’mod partikolari l-Kapitolu VI tagħha”, li fosthom jidher id-dritt għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 ta’ din tal-aħħar. Din l-istess premessa tippreċiża b’mod partikolari li “xejn f’[id-Deċiżjoni Qafas 2008/909] m’għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi rifjut għal esekuzzjoni ta’ deċiżjoni fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li l-piena ġiet imposta bil-għan li tikkastiga persuna minħabba s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, il-lingwa, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi preġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet”. |
27 |
Minn dan isegwi li, bħad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ kundanna kriminali mogħtija fl-Istat Membru emittenti, meta jkollha elementi li juru nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura f’dan l-Istat Membru u b’hekk tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq tal-persuna kkonċernata. |
28 |
B’mod konkret, b’risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ talba mressqa abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tista’ tiġi rrifjutata fil-każ ta’ ksur sistemiku jew iġġeneralizzat tad-dritt għal smigħ xieraq fl-Istat Membru emittenti, għandu jiġi ppreċiżat li l-possibbiltà li tiġi rrifjutata r-rikonoxximent ta’ sentenza u ta’ infurzar ta’ kundanna kriminali abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, minħabba riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, tippreżupponi min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li twettaq eżami f’żewġ stadji. |
29 |
Fl-ewwel stadju, hija din l-awtorità li għandha tiddetermina jekk jeżistux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati intiżi li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura f’dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Jekk dan huwa l-każ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha, fit-tieni stadju, tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn in-nuqqasijiet ikkonstatati matul l-ewwel stadju setgħu kellhom effett fuq il-funzjonament tal-qrati tal-Istat Membru emittenti kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom kienet suġġetta l-persuna kkonċernata u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din tal-aħħar, tan-natura tar-reat li għalih hija ġiet iġġudikata u tal-kuntest fattwali li fih saret il-kundanna li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha huma mitluba, kif ukoll, jekk ikun il-każ, informazzjoni addizzjonali pprovduta minn dan l-Istat Membru skont din id-deċiżjoni qafas, jeżistu motivi serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li tali riskju effettivament seħħ f’dan il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
F’dan ir-rigward, l-assenza, fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ta’ ekwivalenti għall-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tgħid li l-implimentazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti, minn wieħed mill-Istati Membri, tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) TUE, ikkonstatat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 7(1) TUE, li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġi sospiż, b’mod ġenerali, il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ Stat Membru, ma tistax tikkontesta n-neċessità, għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li twettaq, każ b’każ, il-verifiki deskritti fil-punt preċedenti. |
32 |
Is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), invokata mill-qorti tar-rinviju, kienet tirrigwarda, min-naħa tagħha, il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li ma għandhiex rabta diretta mad-domanda magħmula f’din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti huma suffiċjenti sabiex jeżentaw lill-Istat ta’ eżekuzzjoni milli jirrikonoxxi s-sentenzi u mill-infurzar tal-kundanni kriminali mogħtija mill-qrati tal-Istat Membru emittenti abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (ara, b’analoġija, s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 50). |
33 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati ma għandhiex neċessarjament effett fuq id-deċiżjonijiet kollha mogħtija mill-qrati tal-imsemmi Stat Membru f’kull każ partikolari (ara f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punti 41 u 42). |
34 |
Il-fatt li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tissospendi, fuq inizjattiva tagħha stess, il-mekkaniżmu previst mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 billi tirrifjuta, bħala prinċipju, li tilqa’ t-talbiet kollha intiżi għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u għall-eżekuzzjoni ta’ kundanni kriminali maħruġa mill-Istat Membru kkonċernat minn dawn in-nuqqasijiet, jippreġudika l-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni qafas (ara, b’analoġija, s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 43). |
35 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dik il-qorti, li għandha tevalwa jekk il-provi prodotti mill-persuna kkonċernata jiżvelawx raġuni li tiġġustifika r-rifjut tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li madankollu huwa mifhum li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà ta’ tali rifjut tikkostitwixxi eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2022, Minister for Justice and Equality (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti - II), (C‑480/21, EU:C:2022:592, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll, fir-rigward tad-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tqiegħed lilha nnifisha sabiex twettaq din l-evalwazzjoni, li, fir-rigward ta’ talba li taqa’ taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intiża għar-rikonoxximent u għall-infurzar, fi Stat Membru, ta’ kundanna kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-eżami tal-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati, għandu neċessarjament jitwettaq fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti f’dan l-Istat Membru fid-data ta’ din il-kundanna. Matul din l-evalwazzjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi ta’ din is-sitwazzjoni sa din id-data. Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok, bħala prinċipju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi tal-imsemmija sitwazzjoni sussegwenti għall-imsemmija data. |
37 |
L-għan ta’ dan l-eżami huwa fil-fatt li jippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, abbażi tal-provi prodotti mill-persuna kkonċernata, li tevalwa jekk tali nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati setgħux ikollhom effett konkret fuq il-proċeduri kriminali li din il-persuna kienet suġġetta għalihom u li wasslu għall-kundanna tagħha (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2022, Minister for Justice and Equality (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti - II), C‑480/21, EU:C:2022:592, punt 41). |
38 |
Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tqiegħed lilha nnifisha fid-data tal-kundanna sabiex tevalwa kemm l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti kif ukoll l-effett konkret li dawn tal-aħħar seta’ kellhom fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkundannata. |
39 |
Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li wieħed jistaqsi dwar l-osservanza jew le tal-Istat tad-dritt fl-Istat Membru emittenti fid-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija mitluba tiddeċiedi dwar it-talba intiża għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-infurzar ta’ kundanna kriminali mogħtija fl-Istat Membru emittenti, peress li l-għan stess ta’ dawn il-proċeduri huwa li l-persuna kkonċernata, mhux talli ma għandhiex tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru, iżda tibqa’ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta l-piena tagħha hemmhekk. |
40 |
L-istess japplika għas-sitwazzjoni fl-Istat Membru emittenti fid-data tar-revoka tas-sospensjoni meta din tkun ġiet deċiża minħabba l-ksur ta’ kundizzjoni oġġettiva li biha l-piena inizjali kienet, jekk ikun il-każ, ġiet akkumpanjata, peress li tali revoka tikkostitwixxi sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni li la tbiddel in-natura u lanqas il-quantum tal-piena (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Madankollu, fl-ipoteżi fejn ir-revoka tas-sospensjoni tirriżulta minn kundanna kriminali ġdida, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru emittenti sad-data tal-kundanna l-ġdida li l-għoti tagħha wassal għal din ir-revoka u, għaldaqstant, għamlet possibbli t-talba intiża għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tal-piena inizjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punti 67 u 68). |
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi s-sentenza ta’ kundanna kriminali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor meta jkollha elementi li juru l-eżistenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati, u meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li dawn in-nuqqasijiet seta’ kellhom effett konkret fuq il-proċedura kriminali li kienet is-suġġett tagħha l-persuna kkonċernata. Hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru emittenti sad-data tal-kundanna kriminali li qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, sad-data tal-kundanna l-ġdida li wasslet għar-revoka tas-sospensjoni tal-piena li ntalbet l-eżekuzzjoni tagħha kienet ġiet imqabbla inizjalment. |
Fuq ir‑raba’ domanda
43 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi s-sentenza ta’ kundanna kriminali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor meta jkollha elementi li juru l-eżistenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati, u meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li dawn in-nuqqasijiet seta’ kellhom effett konkret fuq il-proċedura kriminali li kienet is-suġġett tagħha l-persuna kkonċernata. Hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru emittenti sad-data tal-kundanna kriminali li qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, sad-data tal-kundanna l-ġdida li wasslet għar-revoka tas-sospensjoni tal-piena li ntalbet l-eżekuzzjoni tagħha kienet ġiet imqabbla inizjalment. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.