SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
9 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 76169990 u 86090090 – Tubular Transport Running-system (TubeLock) – Kunċett ta’ ‘kontejner’”
Fil-Kawża C‑788/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Retten i Esbjerg (il-Qorti tal-Ewwwel Istanza ta’ Esbjerg, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura
Skatteministeriet Departementet
vs
Global gravity ApS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn J.–C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu–Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent, assistita minn B. Søes Petersen, advokat, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Rasmussen u M. Salyková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 86090090 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal-4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 100, p. 13). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Skatteministeriet Departementet (il-Ministeru għall-Kontribuzzjonijiet, id-Danimarka) u Global gravity ApS (iktar ’il quddiem “GG”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ mezz ta’ trasport ta’ pajpijiet żviluppat minn din tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Is-Sistema Armonizzata
3 |
Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) twaqqfet mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, magħmula fi Brussel fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll ta’ Emenda li hemm magħha, magħmula fi Brussel fl-24 ta’ Ġunju 1986, huma b’dan approvati f’isem il-Komunità, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA ġew elaborati fi ħdan l-ODD skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. |
4 |
Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet tal-kapitoli u tas-subintestaturi u li ma jbiddlux il-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subintestaturi tas-SA. |
5 |
L-ODD approvat, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA. |
6 |
L-intestatura 8609 tas-SA, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tirrigwarda l-“Kontejners (inklużi kontejners għat-trasport ta’ fluwidi) maħdumin apposta u mgħammrin għal ġarr b’mod ta’ trasport wieħed jew aktar”. |
7 |
Skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar din l-intestatura, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali: “Il-kontejners huma ippakkjar speċjali ddisinjat u mgħammar sabiex ikunu jistgħu jiġu ttrasportati b’mezz wieħed jew iktar ta’ trasport (b’mod partikolari bil-ferrovija, bit-triq, bl-ilma jew bl-ajru). Huma mgħammra b’mezzi (ganċijiet, ċrieki, appoġġi, roti, eċċ.) sabiex jiffaċilitaw iċ-ċaqliq u t-twaħħil fil-vejikolu tal-art, tal-vejikolu tal-ajru jew tad-dgħajsa tat-trasportatur. Huma jistgħu jittrasportaw sal-għatba merkanzija mingħajr tibdil fl-ippakkjar mill-post tat-tluq sal-post tal-wasla. Huma magħmula b’mod robust b’tali mod li jippermettu użu ripetut. It-tip l-iktar kurrenti, tal-injam jew tal-metall, jikkonsisti f’kaxxa kbira b’bibien jew inkella pjanċi tal-ġenb li jistgħu jiġu żarmati. Fost it-tipi prinċipali ta’ kontenituri, jistgħu jissemmew:
Il-kapaċità tal-oqfsa u tal-kontejners ġeneralment tvarja bejn 4 u 145 m3. Madankollu, jeżistu iżgħar, iżda l-kapaċità tagħhom normalment ma tkunx inqas minn 1 m3. Min din l-intestatura huma esklużi:
[…].” |
In-NM
8 |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU 2000, L 28, p. 16) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), jipprevedi: “1. Nomeklatura ta’ oġġetti, minn issa ’l quddiem imsejħa […] ‘Nomenklatura Magħquda’; jew fil-qosor ‘NM’;, li tħaddan fiha, fl-istess waqt, dak kollu li titlob it-Tariffa Doganali Komuni, l-istatistiċi kummerċjali esterni tal-Komunità u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni. 2. In-[NM] għandha tiġbor fiha:
3. In-[NM] qed terġa’ tinġieb f’Annex I. […] […]” |
9 |
Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, ta’ kull sena, regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, flimkien mar-rati tad-dazji doganali komuni skont l-Artikolu 1, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. |
10 |
Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-NM applikabbli fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1001/2013. |
11 |
L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima I, li tirrigwarda r-regoli ġenerali, li l-punt A tagħha, intitolat “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, jipprevedi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
[…]
|
12 |
It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi Taqsima XV, intitolata “METALLI TA’ VALUR BAXX U OĠĠETTI TA’ METALLI TA’ VALUR BAXX”, li tinkludi l-Kapitolu 76 ta’ din in-nomenklatura, intitolat “ALUMINJU U OĠĠETTI TIEGĦU”. |
13 |
L-intestaturi 7601 sa 7615 tan-NM jikkonċernaw diversi prodotti speċifiċi tal-aluminju, bħall-aluminju mhux maħdum u vireg u profili fl-aluminju. L-intestatura 7616 tan-NM hija intestatura residwa li tkopri l-“Oġġetti oħrajn ta’ aluminju”. Is-subintestatura 761610 tan-NM tikkonċerna ċertu numru ta’ prodotti speċifiċi bħall-imsiemer, taċċi, stejpils, viti, boltijiet, skorfini, ganċijiet. Is-subintestatura 761699 tikkonċerna l-oġġetti l-oħra. |
14 |
It-Taqsima XVII, intitolata “Vetturi, Biċċiet tal-Ajru, Bastimenti u Tagħmir tat-Trasport Assoċjat”, tat-tieni parti tan-NM tinkludi l-Kapitolu 86 ta’ din in-nomenklatura, intitolat “Lokomottivi, Magni U Vaguni (Rolling-Stock) u Partijiet Tagħhom ta’ Ferroviji Jew ta’ Tramm; Tagħmir u Armar u Partijiet Tagħhom Għal-Linji Ta’ Ferroviji jew ta’ Tramm; Tagħmir ta’ Sinjalar Tat-Traffiku Mekkaniku (Inkluż Elettro-Mekkaniku) ta’ Kull Tip”. |
15 |
L-intestaturi 8601 sa 8608 tan-NM jirrigwardaw prodotti bħal-lokomotivi, vetturi bil-magna, il-vetturi tal-manutenzjoni jew tas-servizz. |
16 |
L-intestatura 8609 tan-NM u s-subintestaturi tagħha huma fformulati kif ġej:
|
It-TARIC
17 |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi fuq il-bażi tan-NM tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej, imsejħa “TARIC”, li hija bbażata fuq in-NM u tinkludi, b’mod partikolari, subdiviżjonijiet Komunitarji addizzjonali, imsejħa “sub-titoli TARIC”. |
18 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. Kull sub-titolu NM għandu jkollu numru kodifikat bi tmien numri:
[…] 3. Is-sottotitoli tat-Taric għandhom jiġu identifikati bid-9 u l-10 numri li, flimkien man-numri taċ-ċifrarju msemmija fil-paragrafu 1, jiffurmaw in-numri taċ-ċifrarju tat-Taric. Fejn m’hemmx sottodiviżjoni tal-Komunità, id-9 u l-10 numri għandhom jiġu “00”. […]” |
19 |
Skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmi regolament, il-miżuri u l-informazzjoni marbuta mat-tariffa doganali komuni jew mat-TARIC jixxandru, sa fejn ikun possibbli, f’format elettroniku permezz ta’ mezzi informatiċi. |
20 |
F’dak li jirrigwarda s-subintestatura 761699 tan-NM, li tikkonċerna l-oġġetti l-oħra tal-aluminju, it-TARIC, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kienet ifformulata kif ġej: “76169990 | – – – Oħrajn – – – – magħmula bl-idejn: – – – – oħrajn: 7616999010 – – – – – għenuq, flanġijiet u tagħmir ieħor għat-twaħħil, ta’ konnessjoni, ta’ ikklampjar jew l-ispazjar, għall-użu f’ċerti tipi ta’ vetturi tal-ajru […] 7616999091 – – – – – – Radjaturi tal-aluminju u elementi jew sezzjonijiet li minnhom huwa magħmul tali radjatur, kemm jekk dawn l-elementi huma mmuntati fi blokki jew le 7616999099 – – – – – –Oħrajn” |
21 |
It-TARIC, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, ma kinitx tipprevedi kodiċi speċifiku assoċjat mas-subintestatura 86090090 tan-NM. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 |
Fit-28 ta’ Frar 2014, GG talbet l-iSkattestyrelsen (l-Amministrazzjoni tad-Dwana u tat-Taxxa, id-Danimarka) informazzjoni tariffarja vinkolanti għall-prodott imsejjaħ “Tubular Transport Running System (TTRS)” jew “TubeLock ®” (iktar ’il quddiem il-“TubeLock”). |
23 |
Dan il-prodott, żviluppat minn GG, huwa deskritt bħala mezz sigur sabiex jittrasporta pajpijiet mill-fabbrika sal-pjattaformi tat-tħaffir taż-żejt u tal-gass bl-użu ta’ diversi mezzi ta’ trasport (bit-triq, bil-ferrovija u/jew b’bastiment) mingħajr ma jkun neċessarju li jinbidel l-ippakkjar matul it-triq. |
24 |
It-TubeLock huwa kompost minn għadd ta’ profili ta’ rfigħ magħmula mill-aluminju, minn żewġ arbli ta’ rfigħ tal-azzar (waħda fuq ix-xellug u waħda fuq il-lemin) għal kull profil ta’ rfigħ u minn żewġ boltijiet M20 tal-azzar għal kull profil ta’ rfigħ, sabiex iżommu flimkien. Il-profili ta’ rfigħ huma partijiet imtawla tal-aluminju, li għandhom ċertu numru ta’ toqob adattati għad-dijametru tat-tubi. Wara li l-pajpijiet ġew imwaħħla fit-toqob tal-ewwel profil ta’ rfigħ, it-tieni profil ta’ rfigħ jitqiegħed fuq fid-direzzjoni l-oħra, u wara dan jista’ jitwaħħal saff ġdid ta’ pajpijiet. Kull wieħed miż-żewġ arbli tal-irfigħ għandu ħolqa li fiha tiddaħħal ċinga meta s-sistema ta’ trasport tinħeles mill-mezz trasportatur. Il-kostruzzjoni robusta tippermetti użu ripetut tal-imsemmi prodott. Il-komponenti tat-TubeLock huma importati flimkien, iżda dan ikun, fil-mument tal-importazzjoni, f’partijiet separati. Meta l-prodott ma jintużax — jiġifieri meta l-profili tal-irfigħ ma jgħabbux pajpijiet — dan jista’ jiġi żarmat u maħżun f’kaxxa ta’ trasport, b’tali mod li huwa ma tantx jieħu spazju. |
25 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2014, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana qieset li t-TubeLock kellu jiġi kklassifikat bħala prodott tal-aluminju fis-subintestatura 76169990 tan-NM (il-Kodiċi tal-Merkanzija TARIC 7616999099), li għaliha d-dazju doganali kien ta’ 6 %. |
26 |
GG ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka), li ddeċidiet, fit-2 ta’ Diċembru 2019, li t-TubeLock kellu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 86090090 tan-NM (il-Kodiċi Merkanzija TARIC 8609009000) bħala kontejner ta’ merkanzija, mhux suġġett għal dazju doganali. |
27 |
Permezz ta’ rikors tat-28 ta’ Frar 2020, il-Ministeru għat-Taxxi ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Retten i Esbjerg (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Esbjerg, id-Danimarka), rikors kontra din id-deċiżjoni fejn talab li t-TubeLock jiġi kklassifikat fis-subintestatura 76169990 tan-NM. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-Ministeru għat-Taxxi, il-prodott ikkonċernat ma jistax jiġi kklassifikat fis-subintestatura 86090090 tan-NM għaliex, l-ewwel nett, ma huwiex kontejner tal-merkanzija. Fil-fatt, huwa ma għandux qiegħ jew ġnub f’materjal solidu, ma għandux volum speċifiku u għalhekk ma jistax ikun fih merkanzija. Din il-konklużjoni hija kkonfermata min-noti ta’ spjega tal-intestatura 8609 tan-NM. |
29 |
It-tieni, it-TubeLock ma huwiex iddisinjat jew mgħammar b’mod speċjali jew mgħammar għal mezz wieħed jew iktar ta’ trasport, filwaqt li, sabiex jaqa’ taħt is-subintestatura 86090090 tan-NM, kontejner ta’ merkanzija għandu jkollu apparat sabiex jiffaċilita l-manutenzjoni u l-irmiġġ abbord vettura tat-trasport, kif jirriżulta min-noti ta’ spjega. Issa, il-ħoloq tal-arbli tal-irfigħ tat-TubeLock ma jintużawx għall-irmiġġ f’vettura tat-trasport. Barra minn hekk, din il-karatteristika ma hijiex ikkontestata minn GG. |
30 |
It-tielet, it-TubeLock jaqa’ taħt is-subintestatura TARIC 7616999099, bħala “xogħol tal-aluminju”. Fil-fatt, dan huwa oġġett kompost magħmul minn diversi materjali. Barra minn hekk, skont ir-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, tali prodotti — meta l-klassifikazzjoni tagħhom ma tistax issir skont ir-Regola 3(a) — għandhom jiġu kklassifikati skont il-materjal li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom. Issa, il-profil ta’ rfigħ tat-TubeLock jikkostitwixxu l-element essenzjali ta’ din is-sistema ta’ trasport u huma magħmula mill-aluminju. |
31 |
GG tikkontesta din il-klassifikazzjoni. It-tagħmir li jista’ jitqies bħala kontenitur li jidher fin-noti ta’ spjega tas-SA huwa elenkat hemmhekk biss bħala eżempju. Barra dan, kontejner ma għandux neċessarjament ikollu apparat sabiex jasal f’vettura trasportatur sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “kontejner ta’ merkanzija”, fis-sens tal-intestatura 8609 tan-NM. Barra minn hekk, prodott ma jistax jiġi kklassifikat fl-intestatura 7616 tan-NM jekk id-deskrizzjoni tal-merkanzija fl-“oġġetti (...) tal-aluminju” hija inqas preċiża minn dik f’parti oħra tan-NM. Issa, f’dan il-każ, is-subintestatura 86090090 ta’ din in-nomenklatura hija iktar preċiża. Issa, f’dan il-każ, is-subintestatura 86090090 ta’ din in-nomenklatura hija iktar preċiża. |
32 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontejner ta’ merkanzija” u l-portata tal-intestatura 8609 tan-NM. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Retten i Esbjerg (il-Qorti tal-ewwel Istanza ta’ Esbjerg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
34 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 86090090 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li taqa’ taħtha mezz ta’ trasport ta’ pajpijiet li huwa magħmul minn ċertu numru ta’ pari ta’ profili ta’ rfigħ tal-aluminju, li bejniethom jitwaħħlu b’mod perpendikulari l-pajpijiet intiżi sabiex jiġu ttrasportati, peress li dawn il-pari ta’ profili huma magħquda bejniethom permezz ta’ żewġ arbli ta’ rfigħ tal-azzar, mgħammra b’ħoloq, pajpijiet oħra jkunu jistgħu mbagħad jitqiegħdu minn fuq bl-istess metodu sakemm it-tagħbija tinkludi n-numru ta’ pajpijiet li għandhom jiġu ttrasportati, meta t-tagħbija titlesta, mit-twaħħil ta’ faxxex tal-azzar mal-arbli tal-irfigħ li jinsabu fl-erba’ kantunieri tat-tagħbija (billi jgħaddu mill-imsemmija ħoloq), sabiex jiffaċilita l-immaniġġjar tat-tagħbija. |
35 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha huwa fuq kollox li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tippermetti lil dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, Flavourstream, C‑822/19, EU:C:2021:444, punt 33). |
36 |
Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenza tat-28 ta’ April 2022, PRODEX, C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 28). |
37 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, minkejja l-assenza ta’ forza vinkolanti tagħhom, in-noti ta’ spjega, b’mod partikolari tas-SA, jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-25 ta’ Frar 2021, Bartosch Airport Supply Services, C‑772/19, EU:C:2021:141, punt 23,u tat-28 ta’ April 2022, PRODEX, C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 29), sa fejn il-kontenut tagħhom huwa konformi mad-dispożizzjonijiet li jinterpretaw ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 48). |
38 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk merkanzija li għandha l-karatteristiċi tat-TubeLock tistax taqa’ taħt is-subintestatura 86090090 tan-NM, li tikkostitwixxi hija stess suddiviżjoni tas-subintestatura 860900 tan-NM, li tkopri l-“[k]ontejners (inklużi kontejners għat-trasport ta’ fluwidi) maħdumin apposta u mgħammrin għal ġarr b’mod ta’ trasport wieħed jew aktar”. |
39 |
Mill-kliem ta’ din l-aħħar subintestatura jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodott fiha, żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu osservati kumulattivament: minn naħa, dan il-prodott għandu jiġi kklassifikat bħala “qafas jew kontenitur” u, min-naħa l-oħra, għandu jkun speċjalment maħsub u mgħammar għal mezz wieħed jew iktar ta’ trasport. |
40 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-klassifikazzjoni bħala “qafas jew kontenitur”, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li teżisti diverġenza fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tas-subintestatura 860900 tan-NM. B’hekk, fosthom, il-verżjonijiet bil-Franċiż (“cadre ou conteneur”), Taljana (“Casse mobili e contenitori”), Olandiża (“Containers en dergelijke laadkisten”) u Rumena (“Cadre și containere”) jużaw żewġ termini. Verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw biss kelma waħda, segwita b’sinonimu bejn parenteżi. L-istess japplika b’mod partikolari għall-verżjonijiet bid-Daniż [“Godsbeholdere (containere)”] u Ġermaniża [“Warenbehälter (Container)”], jew huma limitati għal terminu, bħall-verżjoni Ingliża (“Containers”), Pollakka (“Pojemniki”) u portuguaise (“Contentores”). |
41 |
Barra minn hekk, fil-verżjonijiet lingwistiċi li jużaw żewġ kelmiet, dawn ma għandhomx neċessarjament tifsira identika. Fil-fatt, filwaqt li l-verżjonijiet bl-Olandiż u bil-lingwa Taljana jużaw, minbarra l-kelma “conteneur”, l-ekwivalenti tat-terminu “kontejner ”, il-verżjonijiet bil-lingwa Rumena u Franċiża jużaw il-kelma “qafas”. Mal-ewwel daqqa t’għajn, dan ma huwiex sinonimu għat-terminu “kontejner” jew “ċestun”. |
42 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2021, KAHL u Roeper, C‑197/20 u C‑216/20, EU:C:2021:892, punt 33). |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fil-lingwa Franċiża u Rumena, waħda mit-tifsiriet tal-kelma “qafas”, fil-qasam tat-trasport, hija preċiżament dik ta’ kaxxa ta’ dimensjonijiet kbar ħafna li sservi għat-trasport ta’ oġġetti mobbli bil-ferrovija jew bit-trakk. Barra minn hekk, bir-Rumen, il-kelma “cadru” tintuża bħala sinonimu tal-kelma “carcasă”, li tindika struttura tridimensjonali jew involukru, li ta’ spiss ikun tal-injam jew tal-metall. |
44 |
Għalhekk, dawn il-kliem użati fil-verżjonijiet bil-Franċiż u bir-Rumen tas-subintestatura 860900 tan-NM jidhru li għandhom l-istess tifsira bħal dik użata f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din is-subintestatura, bħal “casse” fil-verżjoni Taljana u “laadkist” fil-verżjoni bil-lingwa Olandiża. Il-fatt li diversi verżjonijiet lingwistiċi jużaw biss il-kelma “kontejner” jew sinonimu tiegħu jikkorrobora barra minn hekk l-interpretazzjoni li l-kelma “qafas” użata fil-verżjonijiet bil-Franċiż u bir-Rumen għandha tinftiehem fl-istess sens, jiġifieri dak ta’ “qafaskontejner” jew ta’ “kaxxa”. |
45 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li n-NM tipprevedi subintestaturi speċifiċi ddedikati għal tipi oħra ta’ oġġetti li, minkejja li għandhom l-isem “qafas” ma jistgħu fl-ebda każ jaqgħu taħt is-subintestatura 860900 tan-NM, bħas-subintestatura 441400, dwar b’mod partikolari “Gwarniċi ta’ injam għal pitturi, ritratti, mirja u oġġetti simili”, u s-subintestatura 39252000, dwar “Bibien, twieqi u l-qofsa tagħhom u għetiebi għal bibien”. |
46 |
Għalhekk, peress li t-terminu “qafas”, fis-sens tas-subintestatura 860900 tan-NM jirreferi, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għall-oqfsa fis-sens tagħhom ta’ “kontejners”, xorta jibqa’ l-fatt li la n-NM u lanqas in-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu tagħha ma jiddefinixxu eżattament dak li jkopri dan l-aħħar kunċett. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, għandha tiġi ddeterminata t-tifsira tagħha konformement mat-tifsira normali fil-lingwa ta’ kuljum ta’ din il-kelma, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Pfizer Consumer Healthcare, C‑182/19, EU:C:2020:243, punt 48). |
47 |
F’dan ir-rigward, kontejner jindika, fil-lingwaġġ kurrenti, kontenitur ta’ dimensjonijiet standardizzati, kompost mill-inqas minn qiegħ u ta’ ġnub magħmula minn materjal riġidu, intiż għall-ħażna jew għat-trasport ta’ gass jew ta’ prodotti likwidi jew solidi u li jiffaċilita l-immaniġġjar matul it-trasport. |
48 |
Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontejner” intiż bħala “kontenitur”, jiġifieri oġġett vojt, li għandu qiegħ u ġnub hija sostnuta mill-kliem tal-intestatura 7310 tan-NM, dwar it-“[t]ankijiet, btieti, ċilindri, bottijiet, kaxxi u kontenituri simili[…] ”peress li l-indikazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt din l-intestatura ssemmi biss “kontenituri” u l-eżempji mogħtija huma kollha kkaratterizzati mill-fatt li huma inqas solidi. Issa, peress li mill-punt preċedenti jirriżulta li “kontejner”, fis-sens tas-subintestatura 860900 tan-NM huwa wkoll “kontenitur”, ma huwiex iġġustifikat li jiġi kkunsidrat li dan it-terminu jirċievi interpretazzjonijiet differenti fid-diversi intestaturi tan-NM. |
49 |
L-imsemmija interpretazzjoni tal-kelma “kontejner” bħala li tirreferi għal kontenitur li jkollu mill-inqas qiegħ u ġnub laterali hija kkorroborata wkoll min-noti ta’ spjega tal-intestatura 8609 tas-SA. Dawn jiddeskrivu l-prodotti li jaqgħu taħt din l-intestatura bħala “ippakkjar”, billi jiċċita bħala eżempju l-iktar komuni kaxxa kbira ta’ bibien jew inkella pjanċi tal-ġenb li jistgħu jiżżarmaw. L-eżempji kollha mogħtija jiddeskrivu kontenituri vojta intiżi sabiex iżommu ċerta merkanzija. |
50 |
Dawn in-noti jsemmu wkoll il- “kapaċità” tal-kontejners, li jimplika wkoll li dawn għandhom jiġu mifhuma bħala reċipjenti intiżi sabiex jagħlqu l-oġġetti, likwidi jew gass li għandhom jiġu ttrasportati. |
51 |
Barra minn hekk, billi jindikaw kemm għall-qafas kif ukoll għall-kontejners li dawn għandhom kapaċità, dawn in-noti ta’ spjega jikkonfermaw li t-terminu “qafas” użat fil-verżjonijiet bil-Franċiż u bir-Rumen ta’ din is-subintestatura għandu jinftiehem bħala li jindika kontenitur, u mhux qafas, ċaċċiż jew xambralla, li hija kwistjoni mqajma fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. |
52 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mezz ta’ trasport li ma jistax jinkludi jew li jdawwar pajpijiet li għandhom jiġu ttrasportati, iżda li jżommhom ma’ xulxin permezz ta’ arbli metalliċi bħala staffa, b’tali mod li dan il-mezz ikopri biss parti limitata ħafna tal-wiċċ ta’ dawn il-pajpijiet, ma jippreżentax il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ kontenitur, b’tali mod li tali prodott ma għandux il-karatteristiċi meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat bħala “(qafas jew) kontejner”, fis-sens tan-NM 860900. |
53 |
Peress li l-kundizzjonijiet għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodott fis-subintestatura kkonċernata huma kumulattivi, ma hemmx lok li tiġi analizzata t-tieni kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex taqa’ taħt is-subintestatura 860900 tan-NM, jiġifieri li l-prodott għandu jkun speċifikament maħsub u mgħammar għal mezz wieħed jew iktar ta’ trasport. |
54 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li s-subintestatura 86090090 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jirriżultax minn din tal-aħħar mekkaniżmu ta’ trasport ta’ pajpijiet li huwa kkostitwit minn ċertu numru ta’ pari ta’ profili tal-irfigħ tal-aluminju, li bejniethom jinsabu b’mod perpendikulari l-pajpijiet li huma intiżi li jiġu ttrasportati, peress li dawn il-pari ta’ profili tal-irfigħ huma konnessi bejniethom permezz ta’ żewġ arbli tal-irfigħ tal-azzar, mgħammra b’ħoloq, u li fuqhom jistgħu jitqiegħdu l-pajpijiet l-oħra, bl-istess mod sakemm it-tgħabija tkun b’hekk laħqet in-numru ta’ pajpijiet li għandhom jiġu ttrasportati, it-tagħbija titlesta mbagħad billi jintrabtu l-faxxi tal-azzar mal-arbli tal-rfigħ li jinsabu fl-erba’ kantunieri tat-tagħbija (billi jgħaddu minn dawn il-ħoloq), permezz ta’ tagħmir maħsub biex jiffaċilita l-immaniġġjar tat-tgħabija, li hi kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Is-subintestatura 860900 2013 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana,fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal-4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jirriżultax minn din tal-aħħar mekkaniżmu ta’ trasport ta’ pajpijiet li huwa kkostitwit minn ċertu numru ta’ pari ta’ profili tal-irfigħ tal-aluminju, li bejniethom jinsabu b’mod perpendikulari l-pajpijiet li huma intiżi li jiġu ttrasportati, peress li dawn il-pari ta’ profili tal-irfigħ huma konnessi bejniethom permezz ta’ żewġ arbli tal-irfigħ tal-azzar, mgħammra b’ħoloq, u li fuqhom jistgħu jitqiegħdu l-pajpijiet l-oħra, bl-istess mod sakemm it-tagħbija tkun b’hekk laħqet in-numru ta’ pajpijiet li għandhom jiġu ttrasportati, it-tagħbija titlesta mbagħad billi jintrabtu l-faxxi tal-azzar mal-arbli tal-irfigħ li jinsabu fl-erba’ kantunieri tat-tagħbija (billi jgħaddu minn dawn il-ħoloq), sabiex jiffaċilita l-immaniġġjar tat-tagħbija, li hi kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.