SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro – Regolament (KE) Nru 1338/2001 – Artikolu 6(1) – Fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li l-attività tagħhom hija l-immaniġġar u d-distribuzzjoni ta’ karti tal-flus lill-pubbliku – Deċiżjoni BĊE/2010/14 – Artikolu 6(2) – Identifikazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li ma humiex adattati għaċ-ċirkulazzjoni – Verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus – Standards minimi ppubblikati fuq is-sit internet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u emendati perjodikament – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Portata tal-obbligi tal-cash handlers – Saħħa vinkolanti – Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑772/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

“Brink’s Lithuania” UAB

vs

Lietuvos bankas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, S. Delaude u A. Steiblytė, bħala aġenti,

għall-Bank Ċentrali Ewropew, minn A. Dambrauskaitė, M. Estrada‑Cañamares u F. Feyerbacher, bħala aġenti, assistiti minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogado,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ Settembru 2010 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU 2010, L 267, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2012/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑7 ta’ Settembru 2012 (ĠU 2012, L 253, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni BĊE/2010/14”), kif ukoll il-validità tal-att intitolat “Standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro bil-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus” (iktar ’il quddiem l-“istandards minimi għal verifika awtomatizzata”), ippubblikat fis-sit internet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Brink’s Lithuania” UAB u Lietuvos bankas (il-Bank tal-Litwanja) dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan il-bank ċentrali nazzjonali ordna lil Brink’s Lithuania tadotta l-miżuri neċessarji sabiex il-livell ta’ tolleranza tal-magni tagħha għall-ipproċessar tal-karti tal-flus, użati għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro intiżi għar-riċirkulazzjoni, ma jaqbiżx il‑5 %.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 1338/2001

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar ta’ l-euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 152), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2009, L 17, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 104, p. 52) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1338/2001”), għandu bħala għan, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, li jistabbilixxi miżuri neċessarji għaċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro b’tali mod li jkunu protetti mill-iffalsifikar.

4

Il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

“Miżuri biex jipproteġu l-euro mill-iffalsifikar huma ta’ interess għall-Komunità bħala parti mir-responsabbiltà li għandha fejn tidħol il-munita waħdanija; Il-protezzjoni legali ta’ l-euro ma tistax tiġi assigurata b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom, peress illi l-karti u l-muniti euro se jiċċirkolaw ‘l hinn mit-territorji ta’ l-Istati Membri parteċipanti. Jeħtieġ għalhekk li jiġu adottati liġijiet tal-Komunità li juru b’mod ċar il-miżuri meħtieġa biex il-karti u l-muniti euro jiċċirkolaw f’kundizzjonijiet xierqa biex tiġi assigurata protezzjoni b’effett u konsistenza totali ta’ l-euro kontra attivitajiet li x’aktarx jagħmlu ħsara lill-kredibilità tagħha, u għalhekk jiġu adottati miżuri xierqa sabiex kollox ikun lest f’ħin tajjeb qabel l‑1 ta’ Jannar 2002.”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Obbligi relattivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti”, jiddisponi:

“1.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, fil-limitu tal-attività ta’ pagament tagħhom, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ pagament, kif ukoll l-aġenti ekonomiċi l-oħra kollha li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti, li jinkludu:

[…]

it-trasportaturi ta’ fondi,

[…]

għandu jkollhom l-obbligu li jiżguraw l-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro li jirċievu u jkun bi ħsiebhom li jqiegħdu mill-ġdid fiċ-ċirkolazzjoni u li joqogħdu attenti biex jinstabu flus foloz.

Għall-karti ta’ flus tal-euro, dan il-kontroll għandu jsir f’konformità mal-proċeduri ddefiniti mill-BĊE.

L-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom l-obbligu li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro kollha li jkunu rċevew li jkunu jafu, jew li għandhom biżżejjed raġunijiet għalfejn jaħsbu li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-istituzzjonijiet li jidhru fl-ewwel paragrafu li jonqsu milli iwettqu dmirijiethom skond l-imsemmi paragrafu huma suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u deterrenti.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dati stabbiliti mill-BĊE għall-applikazzjoni tal-proċeduri definiti minnu, l-Istati Membri għandhom jadottaw, mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni [Ewropea] u lill-BĊE b’dan minnufih.”

Id‑Deċiżjoni BĊE/2010/14

6

Skont il-premessa 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14:

“Biex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro u biex tkun possibbli l-identifikazzjoni xierqa ta’ flus foloz, il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkulazzjoni għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba biex jiġi żgurat li l-awtentiċità tagħhom tkun tista’ tiġi vverifikata b’mod sempliċi u affidabbli, u għalhekk il-karti tal-flus tal-euro għandhom jiġu vverifikati għall-kundizzjoni. Barra minn dan, il-karti tal-flus tal-euro foloz għandhom jiġu skoperti malajr u jiġu mgħoddija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ambitu”, jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli u proċeduri komuni dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru 1338/2001].”

8

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

1.

‘BĊN’ tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-valuta tiegħu hija l-euro.

2.

‘Cash handlers’ tfisser l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru 1338/2001].

3.

‘Riċirkulazzjoni’ tfisser l-azzjoni, minn cash handlers, li jerġgħu jpoġġu fiċ-ċirkulazzjoni, direttament jew indirettament, karti tal-flus tal-euro li jkunu rċevew, jew mill-pubbliku bħala ħlas jew bħala depożitu f’kont bankarju, jew mingħand cash handler ieħor.

4.

‘Magna li timmaniġġja l-karti tal-flus’ tfisser magna mħaddma mill-klijent jew mill-persunal kif iddefinit fl-Anness I.

5.

‘Tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus’ tfisser magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li tista’ tingħaraf minn magni oħrajn li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus kif deskritt fl-Anness I.

6.

‘Proċeduri ta’ prova komuni’ tfisser il-proċeduri ta’ prova, kif speċifikat mill-BĊE, li jiġu applikati mill-BĊNi biex jiġu eżaminati tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus.

[…]

11.

‘Karti tal-flus tal-euro li mhumiex f’kundizzjoni tajba’ tfisser karti tal-flus tal-euro li huma kkunsidrati bħala li mhumiex f’kundizzjoni tajba għar-riċirkulazzjoni wara l-verifika tal-kundizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

[…]”

9

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 sa 5 tiegħu:

“1.   L-obbligu ta’ cash handlers biex jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni għandu jiġi mwettaq skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

[…]

3.   Il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni għandha ssir jew minn tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li tkun ġiet ipprovata b’suċċess minn BĊN, jew manwalment minn membru tal-persunal imħarreġ.

4.   Il-karti tal-flus tal-euro jistgħu jiġu rriċirkulati biss permezz ta magni mħaddmin mill-klijent jew magni li jagħtu l-flus kontanti jekk ikunu ġew ivverifikati għall-awtentiċità u l-kundizzjoni minn tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li tkun ġiet ipprovata b’suċċess minn BĊN u kklassifikata bħala ġenwina u f’kundizzjoni tajba. Iżda, dan ir-rekwiżit m’għandux japplika għall-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew ikkonsenjati direttament lil cash handler minn BĊN jew minn cash handler ieħor li diġà vverifika l-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni b’dan il-mod.

5.   Magni mħaddmin mill-persunal, meta użati għall-finijiet ta’ verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni […] jistgħu jitħaddmu minn kaxxiera biss jekk ikunu ġew ittestjati b’suċċess minn BĊN u elenkati fuq il-websajt tal-BĊE kif stabbilit fl-Artikolu 9(2). Il-magni għandhom jintużaw biss għad-denominazzjonijiet u s-serje ta’ karti tal-flus tal-euro elenkati fuq il-websajt tal-BĊE għall-magni korrispondenti, bil-programmazzjonijiet standard tal-fabbrika, inkluż kwalunkwe aġġornamenti tagħhom, li jkunu ġew ittestjati b’suċċess sakemm ma jiġux miftehma programmazzjonijet aktar stretti bejn il-BĊN u l-kaxxier.”

10

L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Identifikazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li mhumiex f’kundizzjoni tajba”, jiddisponi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Verifika tal-kundizzjoni awtomatizzata għandha titwettaq minn magna li timmaniġġja l-karti tal-flus skont l-istandards minimi li huma ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE u emendati minn żmien għal żmien.

3.   BĊN jista’, wara li jkun informa l-BĊE, jistipula standards aktar stretti għal denominazzjoni jew serje ta’ karti tal-flus tal-euro waħda jew aktar jekk dan huwa ġġustifikat, pereżempju min deterjorazzjoni fil-kwalità tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni fl-Istat Membru tiegħu. Dawn l-istandards aktar stretti għandhom ikunu ppubblikati fuq il-websajt ta’ dak il-BĊN.”

11

Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Proċeduri ta’ prova komuni tal-Eurosistema għall-magni għall-immaniġġjar tal-karti tal-flus”:

“1.   Tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-flus għandhom jiġu pprovati mill-BĊNi skont il-proċeduri ta’ prova komuni.

2.   It-tipi kollha ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li jkunu għaddew mill-prova għandhom jiġu elenkati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE matul il-perijodi ta’ validità tar-riżutati tal-eżami, kif imsemmi fil-paragrafu 3. Tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li matul dan il-perijodu ma tkunx tista’ tidentifika l-karti tal-flus tal-euro foloz kollha magħrufin mill-Eurosistema għandha titneħħa mil-lista skont proċedura speċifikata mill-BĊE.

3.   Fejn tip ta’ magna li timmaniġġa l-karti tal-flus hija ttestjata b’eżitu pożittiv, ir-riżultati tat-test għandhom ikunu validi maż-żona tal-euro kollha għal sena mill-aħħar tax-xahar li fih ikun twettaq it-test, sakemm hija tibqa’ kapaċi tagħraf il-karti tal-flus tal-euro foloz kollha magħrufin lill-Eurosistemas matul dan il-perjodu.

4.   L-Eurosistema m’għandhiex tkun responsabbli jekk tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus eżaminata b’suċċess ma tkunx tista’ tikklassifika u tittratta l-karti tal-flus tal-euro skont l-Anness IIa jew IIb.”

12

L-Artikolu 10 ta’ din l-istess deċiżjoni, intitolat “Attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-Eurosistema u miżuri korrettivi”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għar-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali, BĊNi huma awtorizzati (i) biex jagħmlu spezzjonijiet fil-post, inklużi dawk mhux imħabbrin, fil-postijiet tal-cash handlers biex jimmonitorjaw il-magni li jimmaniġġjaw il-flus tagħhom, partikolarment il-kapaċità tal-magni biex jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni u biex jiġu rintraċċati karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz u karti tal-flus tal-euro li mhumiex awtentikati b’mod ċar lid-detentur ta’ kont; u (ii) biex jivverifikaw il-proċeduri li jirregolaw l-operazzjoni u l-kontroll tal-magni li jimmaniġġjaw il-flus, it-trattament ta’ karti tal-flus tal-euro verifikati u kull verifika manwali tal-awtentiċità u l-kundizzjoni.

[…]

3.   Fejn BĊN jagħraf non-konformità minn kaxxier mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, huwa għandu jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi mill-kaxxier fi żmien speċifikat. Sakemm tiġi rrettifikata n-non-konformità, il-BĊN li jagħmel it-talba jista’, f’isem il-BĊE, jipprojbixxi lill-kaxxier milli jirriċirkola d-denominazzjoni(jiet) tal-karti tal-flus tal-eur tas-serje kkonċernata. Jekk in-non-konformità hija dovuta għal nuqqas tat-tip ta’ magna li timmaniġġa l-karti tal-flus, dan jista’ jwassal għat-tneħħija tagħha mil-lista li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 9(2).

4.   Meta cash handler ma jikkooperax ma’ BĊN fir-rigward ta’ spezzjoni, dan għandu jiġi jitqies bħala nuqqas ta’ konformità.”

Id‑Deċiżjoni BĊE/2012/19

13

Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19 hija fformulata kif ġej:

“L-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, kif stabbiliti f’Anness IIIa tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, jikkostitwixxu rekwiżiti li japplikaw għall-funzjonalitajiet tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Għalhekk huma ta’ interess biss għal manifatturi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u ma għandhom ebda impatt fuq il-proċeduri tal-verifika tal-awtentitċità u l-kundizzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li magħha jridu jikkonformaw dawk li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Billi jinsabu barra l-ambitu tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, l-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni għandhom jiġu integrati fir-regoli u l-proċeduri għall-ittestjar ta‘ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, għall-ġbir ta’ dejta u l-monitoraġġ.”

L‑istandards minimi għal verifika awtomatizzata

14

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jagħmel riferiment għall-Anness IIIa tagħha, intitolat “Standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-karti tal-flus tal-euro”. Dan l-anness tħassar bid-Deciżjoni BĊE/2012/19. Mid-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni, dawn l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata huma ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE, konformement mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BCE/2010/14. Fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata kienu jipprevedu, b’mod partikolari:

“Il-livell ta’ tolleranza aċċettabbli għall-verifiki tal-kundizzjoni minn magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus huwa ta’ 5 %. Dan ifisser li massimu ta’ 5 % tal-karti tal-flus tal-euro li ma jissodisfawx il-kriterji tal-kundizzjoni tajba jistgħu jiġu kklassifikati ħażin mill-magni u ssortjati bħala f’kundizzjoni tajba.”

Il‑Linji Gwida BĊE/2010/NP16

15

Il-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ Settembru 2010 dwar ir-regoli u l-proċeduri għat-testijiet imwettaq fuq il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, il-ġbir tad-data u s-sorveljanza, kif emendati bil-Linji Gwida BĊE/2012/NP20 tas‑7 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida BĊE/2010/NP16”), huma dokument kunfidenzjali li għalih għandhom aċċess biss il-BĊE u l-BĊN. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 iddaħħlet fl-atti tal-proċess mill-BĊE.

16

L-Artikolu 2 tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16, intitolat “Testijiet għal magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Fuq talba tal-manifatturi, il-BĊN għandhom iwettqu testijiet ta’ verifika tat-tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus qabel u wara l-installazzjoni tagħhom mill-cash handlers […]

[…]

4.   Il-BĊN għandhom iwettqu testijiet ta’ verifika, testijiet annwali, testijiet ġodda […] skont il-proċedura ta’ prova komuni stabbilita fl-Anness I.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

L-Artikolu 2a ta’ dawn il-linji gwida, intitolat “Standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni”, jipprevedi:

“L-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni permezz ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 huma ddefiniti mill-Eurosistema, jinsabu fl-Anness IV ta’ dawn il-Linji Gwida u huma ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18

Il-punt 3.1.1 tal-Anness I tal-imsemmija linji gwida jipprovdi:

“Il-verifika tal-kundizzjoni għandha titwettaq bl-użu tal-apparat ta’ prova l-iktar reċenti. […] L-apparat ta’ prova tal-kundizzjoni għandu jkun magħmul minn karti tal-flus tal-euro b’difetti tat-tip iddefiniti fl-Anness IV. […]”

19

L-Anness IV tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 jiddisponi, b’mod partikolari:

“Dan l-anness jistabbilixxi standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro permezz ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus.

Matul il-verifiki tal-kundizzjoni, ma humiex f’kundizzjoni tajba karti tal-flus tal-euro b’xi difett li fir-rigward tiegħu rekwiżit obbligatorju ġie ddefinit kif stabbilit hawn isfel.

Il-livell ta’ tolleranza aċċettabbli għall-verifiki tal-kundizzjoni minn magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus huwa ta’ 5 %. Dan ifisser li massimu ta’ 5 % tal-karti tal-flus tal-euro li ma jissodisfawx il-kriterju ta’ kundizzjoni jistgħu jiġu kklassifikati ħażin mill-magni u mqiegħda fost il-karti tal-flus f’kundizzjoni tajba.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20

Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, uffiċjali tal-Bank tal-Litwanja wettqu spezzjoni fuq il-post fil-fergħa ta’ Brink’s Lithuania li tinsab f’Panevėžys (il-Litwanja). Waqt din l-ispezzjoni, dawn l-uffiċjali vverifikaw jekk il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus użati f’din il-fergħa kinux josservaw ir-rekwiżiti li jirregolaw it-trattament tal-flus kontanti intiżi sabiex jiġu ċċirkulati mill-ġdid. B’mod partikolari, huma vverifikaw il-kapaċità tal-imsemmija magni li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Issa, dan it-test wera li waħda mill-magni li jimmaniġġjaw il-flus kienet ikklassifikat bħala f’kundizzjoni tajba sabiex jiċċirkulaw 18.26 % mill-karti tal-flus tal-euro mhux adattati sabiex jiċċirkulaw li kienu jinsabu fil-lott tat-test użat. Għat-tieni magna, din ir-rata kienet ta’ 13.91 %. Dawn ir-riżultati tniżżlu f’rapport ta’ spezzjoni, li jindika li l-magni inkwistjoni kienu madankollu ta’ mudell li kien jinsab fil-lista ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li kienu s-suġġett ta’ testijiet b’suċċess li tinsab fuq is-sit internet tal-BĊE.

21

Wara li kkonstata li Brink’s Lithuania kienet kisret l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata, li jeżiġu li l-livell ta’ tolleranza għall-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro ma jkunx ogħla minn 5 %, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Flus Kontanti tal-Bank tal-Litwanja, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019, ordna lil din il-kumpannija tadotta l-miżuri neċessarji sabiex ittemm dan il-ksur f’terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol.

22

Skont it-termini ta’ dik id-deċiżjoni, il-kapaċità tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tiddependi mhux biss fuq il-manifatturi tagħhom, iżda wkoll fuq l-utenti tagħhom, jiġifieri l-cash handlers, u, b’mod partikolari, fuq il-manutenzjoni tal-magni mwettaq minn dawn l-utenti. Is-sempliċi fatt li jintużaw il-magni bl-issettjar standard tal-fabbrika, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova li dan il-cash handler ikkonforma mal-obbligi tiegħu. Huma biss l-ispezzjonijiet imwettqa fil-bini tal-cash handler li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk użu u manutenzjoni xierqa tal-magni li jimmaniġġjaw flus humiex żgurati, jekk ir-rekwiżiti applikabbli għall-immaniġġjar ta’ flus kontanti ġewx debitament osservati u jekk ġewx applikati proċeduri xierqa sabiex dawn il-magni jistgħu jiġu ttestjati.

23

Fid‑29 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti, essenzjalment, talbet lill-BĊE jippreċiżalha jekk l-osservanza tal-istandards minimi għal verifika awtomatizzata hijiex imposta fuq il-cash handlers jew jekk hijiex imposta biss fuq il-manifatturi li jixtiequ li l-magni tagħhom jiġu inklużi fil-lista ta’ magni li kienu s-suġġett ta’ testijiet b’suċċess.

24

Fis‑17 ta’ April 2019, il-BĊE wieġeb għal din it-talba billi indika li l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata huma intiżi għall-manifatturi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Għall-kuntrarju, il-cash handlers għandhom biss l-obbligu li jużaw, meta jagħżlu li jwettqu l-verifika awtomatizzata ta’ falsifikazzjoni u tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus, il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus irrikonoxxuti li jikkonformaw ma’ dawn l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata, u dan bl-issettjar standard tal-fabbrika, mingħajr ma jkunu obbligati jivverifikaw huma stess il-konformità ta’ dawn il-magni mal-imsemmija standards.

25

Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019 mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), Brink’s Lithuania appellat quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

26

Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa stabbilit li Brink’s Lithuania, bħala trasportatur tal-fondi, għandha tiġi kkunsidrata bħala cash handler fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14. Madankollu, hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 6(2) ta’ dik id-deċiżjoni.

27

Hija tqis, l-ewwel, li ċerti elementi tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jissuġġerixxu li l-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro għandha ssir skont l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata, li jimplika li, bis-saħħa ta’ dan l-issuġġettar tal-verifika awtomatizzata għall-osservanza tal-istandards minimi, il-cash handlers għandhom jiżguraw li din il-verifika titwettaq b’osservanza tal-imsemmija standards u, jekk ikun il-każ, jieħdu, fuq inizjattiva tagħhom stess, il-miżuri kollha xierqa għal dan l-għan. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmija deċiżjoni li l-karti tal-flus tal-euro jinżammu f’kundizzjoni tajba, peress li tali riżultat ma jistax jiġi ggarantit permezz tal-użu ta’ magni partikolari li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus bl-issettjar standard tal-fabbrika, kif meħtieġ mill-imsemmija deċiżjoni.

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-cash handlers li jiżguraw li l-verifika awtomatizzata titwettaq b’osservanza tal-istandards minimi għal verifika awtomatizzata, dan jista’ jmur kontra l-Artikolu 3(5) ta’ dik l-istess deċiżjoni, li jipprovdi li l-cash handlers għandhom jużaw il-magna tagħhom bl-issettjar standard tal-fabbrika. Jekk l-imsemmija cash handlers kellhom jiżguraw li l-verifika awtomatizzata titwettaq b’osservanza tal-imsemmija standards, dan jimplika li, fil-każ ta’ ħsara ta’ magna, dawn ikunu jistgħu jużaw issettjar ieħor li ma huwiex l-issettjar standard tal-fabbrika. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni toħloq inċertezza legali għaliex ikun diffiċli għall-imsemmija cash handlers li jiddeterminaw b’liema mod huma jistgħu jissodisfaw dan l-obbligu. Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-premessa 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19 li tindika li l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata jikkonċernaw biss il-manifatturi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u ma għandhomx effett fuq il-proċeduri awtomatizzati ta’ verifika tal-kundizzjoni li l-cash handlers għandhom japplikaw.

29

It-tieni, minkejja li l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-cash handlers li jittestjaw il-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus skont l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li dan ma jeskludix neċessarjament li l-Istati Membri jistgħu, barra mill-kuntest normattiv iddefinit mill-Unjoni Ewropea, jipprevedu tali obbligu.

30

It-tielet, fil-każ li l-cash handlers ikunu obbligati josservaw l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, dawn l-istandards huma sempliċement ippubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE u jistgħu jiġu emendati perjodikament. Tqum il-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmija standards f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dawn tal-aħħar jistgħux jitqiesu li huma vinkolanti u ta’ natura li jservu ta’ bażi għall-adozzjoni ta’ ordni indirizzata lil cash handler, jew jekk, għal dawn ir-raġunijiet, l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u mal-Artikolu 297(2) TFUE, u, għaldaqstant, validu.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni [BĊE/2010/14] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-[istandards minimi għal verifika awtomatizzata] msemmija f’din ir-regola għandhom jiġu osservati minn cash handler li jwettaq verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro?

2)

Jekk, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, l-[istandards minimi għal verifika awtomatizzata] msemmija fih japplikaw biss għal manifatturi tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus (iżda mhux għal cash handlers), l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tgħid li l-obbligu ta’ konformità ma’ dawn l-istandards minimi japplika għal cash handler?

3)

L-istandards minimi għal verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro permezz ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, fid-dawl tal-fatt li dawn huma ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE, jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u mal-Artikolu 297(2) TFUE, u huma vinkolanti fuq cash handlers u jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħhom?

4)

L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, sa fejn jipprovdi li l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE u għandhom jiġu emendati minn żmien għal żmien, jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-Artikolu 297(2) TFUE, u b’hekk huwa invalidu?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li cash handler li jwettaq verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro huwa obbligat li josserva l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 timplimenta l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ verifika tal-awtentiċità tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar u jobbliga għal dan l-għan lill-istabbilimenti li jagħmlu l-għażla u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ karti tal-flus bħala attività professjonali, inklużi lill-cash handlers, sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni ta’ ffalsifikar skont il-proċeduri stabbiliti mill-BĊE u sabiex jirtiraw miċ-ċirkulazzjoni l-karti tal-flus tal-euro kollha rċevuti minnhom u li jafu jew li għandhom raġunijiet suffiċjenti sabiex jaħsbu li dawn huma ffalsifikati, u li jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

34

Abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li hija intiża, skont il-premessa 2 tagħha, għall-protezzjoni tal-integrità tal-karti tal-flus tal-euro u sabiex tippermetti identifikazzjoni effettiva tal-iffalsifikar li jimplika li jiġi żgurat li l-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkulazzjoni jinżammu f’kundizzjoni tajba sabiex tiġi ggarantita verifika faċli u affidabbli tal-awtentiċità tagħhom.

35

Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kuntest normattiv iddefinit, b’mod partikolari, mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, sabiex jiġi żgurat li l-karti tal-flus tal-euro f’kundizzjoni tajba biss jiġu ċċirkulati mill-ġdid lill-pubbliku, huwa bbażat, essenzjalment, fuq tliet pilastri prinċipali, jiġifieri, l-ewwel, il-manifattura u l-issettjar ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus konformi mal-istandards minimi ta’ verifika awtomatizzata, li, wara li jkunu ġew ittestjati b’suċċess minn BĊN fuq talba ta’ manifattur, jiġu elenkati skont it-tip fuq is-sit internet tal-BĊE, sussegwentement, l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ obbligi għall-cash handlers, b’mod partikolari fir-rigward ta’ verifiki awtomatizzati tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus, u, fl-aħħar nett, ir-rikonoxximent lill-BĊN ta’ setgħat ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet ikkonċernati jikkonformaw mal-obbligi rispettivi tagħhom.

36

Fost l-obbligi imposti fuq il-cash handlers, l-Artikolu 3(1) ta’ dik id-deċiżjoni jipprovdi li dawn għandhom jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro skont il-proċeduri previsti f’dik id-deċiżjoni.

37

Għal dan l-għan, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li l-cash handlers jistgħu jikkonformaw mal-imsemmi obbligu li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro billi jistabbilixxu jew proċedura ta’ verifika manwali minn membri tal-persunal imħarrġa, jew proċedura ta’ verifika awtomatizzata permezz ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ittestjata b’suċċess minn BĊN. Skont l-Artikolu 3(4) ta’ dik l-istess deċiżjoni, fir-rigward tal-karti tal-flus tal-euro, l-użu ta’ proċedura ta’ verifika awtomatizzata huwa madankollu obbligatorju għall-karti tal-flus tal-euro intiżi sabiex jiġu ċċirkulati mill-ġdid permezz ta’ magni għall-użu mill-pubbliku jew permezz ta’ magni awtomatiċi li jagħtu l-karti tal-flus, ħlief jekk dawn il-karti tal-flus ikunu ġew ikkunsinnati direttament lil cash handler minn BĊN jew minn cash handler ieħor li diġà vverifika l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro b’dan il-mod

38

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-modalitajiet ta’ twettiq ta’ din il-verifika awtomatizzata, l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jipprevedi li tali verifika għandha “titwettaq minn magna li timmaniġġja l-karti tal-flus skont l-istandards minimi li huma ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE u emendati minn żmien għal żmien”. Issa, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk l-istandards minimi li tirreferi għalihom għandhomx jiġu osservati mill-istabbilimenti li jagħmlu l-għażla u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ karti tal-flus jew jekk dawn humiex imposti biss fuq il-manifatturi li jixtiequ li l-magni tagħhom jiġu inklużi fil-lista ta’ magni ttestjati b’suċċess.

39

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Les Entreprises du Médicament, C‑20/22, EU:C:2022:1028, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, huwa minnu li, f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu, l-istruttura grammatikali ta’ din il-formulazzjoni tista’ tissuġġerixxi li l-kliem “skont l-istandards minimi” jirreferu għall-verb “titwettaq” u għalhekk li huma intiżi li jippreċiżaw in-natura tal-verifika li għandha titwettaq.

41

Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 45 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 tal-konklużjonijiet tagħha, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal dawk bil-lingwa Spanjola, Ingliża, Franċiża, Taljana u Portugiża, l-istruttura ta’ din il-formulazzjoni pjuttost issostni l-interpretazzjoni kuntrarja li skontha din il-frażi tirreferi għat-testijiet li l-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus għandhom jissodisfaw qabel ma l-cash handlers ikunu jistgħu jużawhom sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 meta dawn ikollhom jew ikunu għażlu li jużaw verifika awtomatizzata tal-awtentiċità u tal-kwalità tal-karti tal-flus tal-euro.

42

Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem jew l-istruttura grammatikali użati f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux iservu bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħataw prijorità meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65).

43

Għall-kuntrarju, tkun xi tkun il-verżjoni lingwistika kkunsidrata, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 fis-sens li l-kliem “skont l-istandards minimi” jirreferu għall-verifika awtomatizzata mwettqa ċċaħħad fil-biċċa l-kbira lill-kliem “li tkun ġiet ipprovata b’suċċess”, użat ukoll f’dik id-deċiżjoni, minn effett utli, peress li mbagħad din tal-aħħar ma tippreċiżax fir-rigward ta’ liema standards il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus għandhom jiġu ttestjati b’suċċess.

44

Konsegwentement, għandu jitqies li l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 pjuttost turi li l-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni mwettqa mill-cash handlers fil-kuntest tal-attività tagħhom, iżda għat-testijiet li l-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus għandhom jissodisfaw qabel ma jkunu jistgħu jintużaw mill-cash handlers.

45

Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, sostnuta kemm mill-kuntest tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 kif ukoll mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-dispożizzjoni.

46

Minn naħa, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, mill-Artikolu 3(3) sa (5) ta’ dik id-deċiżjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ verifika awtomatizzata, il-cash handlers għandhom jużaw magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ittestjati b’suċċess minn BĊN konformement mal-istandards minimi tal-BĊE msemmija fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmija deċiżjoni u li dawn il-magni għandhom jintużaw biss għad-denominazzjonijiet u s-serje ta’ karti tal-flus tal-euro elenkati fis-sit internet tal-BĊE fl-issettjar standard tal-fabbrika, inklużi l-aħħar aġġornamenti. Issa, għalkemm il-BĊE kellu l-intenzjoni li jobbliga lill-cash handlers sabiex jiżguraw li l-verifika awtomatizzata mwettqa titwettaq skont l-imsemmija standards minimi, la kien neċessarju li jiġi previst li għal dan l-għan dawn jistgħu jużaw il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li jkunu ssodisfaw ċerti testijiet u lanqas li jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li fihom dawn il-magni għandhom jintużaw sabiex titwettaq tali verifika. Għall-kuntrarju, tali rekwiżiti jimplikaw li l-użu ta’ dawn il-magni jitqies, fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, bħala l-mezz li permezz tiegħu, fil-każ ta’ verifika awtomatizzata, il-cash handlers jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jiggarantixxu l-kundizzjoni tal-karti tal-flus.

47

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi rrilevat li, qabel ma ġie emendat bid-Deċiżjoni BĊE/2012/19, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 kien jipprevedi li l-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro kellha ssir konformement mal-istandards minimi msemmija fl-Annessi IIIa u IIIb tal-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, l-Anness IIIa tagħha kien jistabbilixxi l-“istandards minimi għall-verifika tal-kundizzjoni awtomatizzata tal-karti tal-flus tal-euro minn magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus”, filwaqt li l-Anness IIIb kien jistabbilixxi l-“istandards minimi għall-verifika manwali tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro minn membri tal-persunal mħarrġin”. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, id-Deċiżjoni BĊE/2012/19 ħassret l-Anness IIIa tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 bl-għan espliċitu li jiġu integrati l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, li sa dak iż-żmien kienu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, fost ir-regoli u l-proċeduri għat-testijiet imwettqa fuq il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, il-ġbir tad-data u s-sorveljanza. Fl-istess ħin, riferiment għal dawn l-istandards ġie inkorporat fil-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 li jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri għall-ittestjar imwettaq fuq it-tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Minn dak il-punt, mill-Artikolu 2(1) u (4) ta’ dawn il-linji gwida, moqri flimkien mal-Artikolu 2a, mal-punt 3.1.1 tal-Anness I u mal-Anness IV tal-imsemmija linji gwida, jirriżulta li l-imsemmija standards japplikaw għat-testijiet imwettqa fuq dawn it-tipi ta’ magni.

48

Barra minn hekk, il-premessa 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19 tindika b’mod ċar li l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro “huma ta’ interess biss għal manifatturi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u ma għandhom ebda impatt fuq il-proċeduri tal-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li magħha jridu jikkonformaw dawk li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus”.

49

Konsegwentement, mid-Deċiżjoni BĊE/2012/19 jirriżulta li l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ġie emendat bl-għan li jippreċiża li l-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni japplikaw esklużivament għat-testijiet imwettqa mill-manifatturi fuq it-tipi tagħhom ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus.

50

Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ma jobbligax lill-cash handler li jwettaq verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, huwa nnifsu, li jitwettaq il-verifika awtomatizzata b’osservanza tal-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni. Tali standards għandhom, mill-banda l-oħra, jiġu osservati mill-manifatturi jekk dawn tal-aħħar jixtiequ li mudell ta’ magni li huma jipproduċu jiġi rreġistrat fis-sit internet tal-BĊE bħala li huwa adattat sabiex jivverifika l-kundizzjoni u l-awtentiċità tal-karti tal-flus li għandhom ċerta denominazzjoni u li jaqgħu taħt ċerti serje.

51

Madankollu, kif enfasizzat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 66 sa 68 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija cash handlers xorta jibqgħu obbligati josservaw l-obbligi imposti fuqhom mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, fosthom b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 10(1) ta’ dik id-deċiżjoni li jwettqu verifiki awtomatizzati tal-kundizzjoni u li jistabbilixxu proċeduri ta’ verifika tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li huma jużaw.

52

Issa, dawn l-obbligi jimplikaw neċessarjament li dawn il-cash handlers ikunu obbligati jużaw magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li jkunu kapaċi jwettqu dawn il-verifiki u, b’mod partikolari, li jidentifikaw il-karti tal-flus li ma humiex adatti għaċ-ċirkulazzjoni jew li huma ddeterjorati, li jimplika li jiġi żgurat li l-magni użati jkunu fi stat ta’ funzjonament, ta’ manutenzjoni u ta’ aġġustament adattat għall-verifika tal-kwalità tal-karti tal-flus tal-euro. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmija cash handlers jonqsu mill-obbligu iktar ġenerali impost fuqhom mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 li jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar.

53

Konsegwentement, cash handler li l-magni tiegħu li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ma josservawx il-livell ta’ tolleranza ta’ 5 % previst mill-istandards minimi għal verifika awtomatizzata ma jistax jirrifjuta li jikkonforma ma’ ordni indirizzata lilu abbażi tal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 minn BĊN wara spezzjoni fil-bini tiegħu li tordnalu jirrimedja din is-sitwazzjoni.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx għall-cash handlers meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Madankollu, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 10(1) ta’ dik id-deċiżjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija cash handlers għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw sitwazzjoni fejn spezzjoni minn BĊN tkun żvelat li l-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ma humiex kapaċi jidentifikaw in-natura mhux adatta għaċ-ċirkulazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro taħt il-livell ta’ tolleranza ta’ 5 %.

Fuq it‑tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-istandards minimi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 japplikaw biss għall-manifatturi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, dan l-Artikolu 6(2), moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) ta’ dik id-deċiżjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jobbliga lill-cash handlers, meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, li josservaw dawn l-istandards minimi.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-miżuri neċessarji għall-użu tal-euro, bħala munita unika, imsemmija fl-Artikolu 133 TFUE, li jaqgħu fil-qasam tal-politika monetarja li fir-rigward tagħha l-Unjoni għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(c) TFUE, kompetenza esklużiva. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1338/2001, ir-regoli u l-proċeduri komuni dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar tal-munita, fosthom dawk dwar il-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro, jikkostitwixxu miżuri neċessarji għall-użu ta’ din il-munita.

57

Konsegwentement, peress li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-verifika tal-awtentiċità u tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw dispożizzjonijiet f’dan il-qasam mingħajr ma jkunu awtorizzati jagħmlu dan mid-dritt tal-Unjoni. Issa, id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ma tipprevedi l-ebda awtorizzazzjoni għall-Istati Membri sabiex jobbligaw, fuq inizjattiva tagħhom stess lill-cash handlers, meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, li josservaw l-istandards minimi tal-BĊE msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.

58

Huwa minnu li l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija deċiżjoni jawtorizza lil BĊN jistabbilixxi standards iktar stretti għal waħda jew iktar mid-denominazzjonijiet jew minn serje ta’ karti tal-flus tal-euro. Madankollu, din il-possibbiltà hija limitata, kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “standards aktar stretti”, għall-kontenut tar-rekwiżiti li l-magni għandhom josservaw sabiex jimmaniġġjaw waħda jew iktar mid-denominazzjonijiet jew minn serje ta’ karti tal-flus tal-euro. Għaldaqstant, hija ma tistax tawtorizza lil BĊN iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-istandards minimi tal-BĊE msemmija fl-Artikolu 6(2) tal-istess deċiżjoni, billi jobbliga lill-cash handlers sabiex jiżguraw li, fil-każ ta’ verifika awtomatizzata mwettqa permezz ta’ tip ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ittestjat b’suċċess fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, din il-verifika titwettaq b’osservanza tal-imsemmija standards minimi.

59

Konsegwentement, l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) ta’ dik id-deċiżjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jobbliga lill-cash handlers, meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, li josservaw l-istandards minimi tal-BĊE msemmija f’dan l-Artikolu 6(2).

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

60

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, humiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll mal-Artikolu 297(2) TFUE sa fejn dan l-Artikolu 6(2) jipprevedi li l-imsemmija standards għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE u emendati perjodikament.

61

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn BĊN u cash handler. Issa, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-istandards minimi għal verifika awtomatizzata ma japplikawx għall-cash handlers meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda.

Fuq l‑ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ Settembru 2010 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2012/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑7 ta’ Settembru 2012,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx għall-cash handlers meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro.

Madankollu, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, kif emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar ta’ l-euro, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

l-imsemmija cash handlers għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw sitwazzjoni fejn spezzjoni minn bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro tkun żvelat li l-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ma humiex kapaċi jidentifikaw in-natura mhux adatta għaċ-ċirkulazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro taħt il-livell ta’ tolleranza ta’ 5 %.

 

2)

L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2012/19, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) ta’ din id-Deċiżjoni BĊE/2010/14, kif emendata,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li Stat Membru jobbliga lill-cash handlers, meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, li josservaw l-istandards minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew imsemmija f’dan l-Artikolu 6(2).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.