SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikoli 70 u 74 – Determinazzjoni tal-valur doganali – Valur doganali ta’ frott u ħaxix li għalihom japplika prezz tad-dħul – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 181 – Regolament Delegat (UE) 2017/891 – Artikolu 75(5) u (6) – Valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ogħla mill-valur standard tal-importazzjoni – Tneħħija tal-prodotti f’kundizzjonijiet li jikkonfermaw ir-realtà tal-valur tat-tranżazzjoni – Bejgħ b’telf mill-importatur – Rabtiet bejn l-importatur u l-esportatur – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li tistabbilixxi d-dejn doganali”

Fil-Kawża C‑770/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

OGL-Food Trade Lebensmittelvertrieb GmbH

vs

Direktor na Teritorialna direktsia “Mitnitsa Plovdiv” pri Agentsia “Mitnitsi”

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OGL-Food Trade Lebensmittelvertrieb GmbH, minn G. Goranov, advokat, u C. Salder, Rechtsanwalt,

għad-Direktor na Teritorialna direktsia “Mitnitsa Plovdiv” pri Agentsia “Mitnitsi”, minn E. Dimitrova, E. Harizanova, N. Kancheva u S. Kirilova,

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva, T. Mitova u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart, D. Drambozova, M. Morales Puerta u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:

tal-Artikoli 22, 44, 70 u 74 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 267, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”);

tal-Artikoli 127 u 142 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87,p. 35, u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni”);

tal-Artikolu 75 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat‑13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU 2017, L 138, p. 4).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OGL-Food Trade Lebensmittelvertrieb GmbH (iktar ’il quddiem “OGL-Food”) u d-Direktor na Teritorialna direktsia “Mitnitsa Plovdiv” pri Agentsia “Mitnitsi” (id-Direttur tad-Direttorat Territorjali “Dwana ta’ Plovdiv” tal-Aġenzija “Dwana”, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem id-“Direttur tad-Dwana”) dwar il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għall-importazzjoni ta’ qarabagħli frisk li joriġina mit-Turkija.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑leġiżlazzjoni doganali

Il‑Kodiċi Doganali tal‑Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni […] li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri ġenerali applikabbli għal merkanzija li tiddaħħal jew tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

Mingħajr ħsara għal-liġi u l-konvenzjonijiet internazzjonali u l-leġislazzjoni tal-Unjoni f’oqsma oħra, il-Kodiċi għandu japplika b’mod uniformi fit-territorju doganali tal-Unjoni.”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni], għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘awtoritajiet doganali’ tfisser l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri responsabbli biex japplikaw il-leġislazzjoni doganali u kwalunkwe awtorità oħra mogħtija s-setgħa taħt il-liġi nazzjonali biex tapplika ċertu leġislazzjoni doganali;

[…]

(3)

‘kontrolli doganali’ tfisser atti speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw il-konformità mal-leġislazzjoni doganali u leġislazzjoni oħra li tirregola d-dħul, ħruġ, tranżitu, moviment, ħażna u użu aħħari ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi jew territorji barra minn dak it-territorju, u l-preżenza u l-moviment fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni u merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari.”

[…]”

5

L-Artikolu 22 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Deċiżjonijiet meħuda wara applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 6 u 7 tiegħu:

“6.   Qabel tittieħed deċiżjoni li taffettwa b’mod negattiv lill-applikant, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet li fuqhom bi ħsiebhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom lill-applikant, li għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu f’perijodu preskritt mid-data li fiha jkun irċieva dik il-komunikazzjoni jew li fiha jitqies li jkun irċeviha. Wara li jiskadi dak il-perijodu, l-applikant għandu jkun mgħarraf, fil-mod xieraq, bid-deċiżjoni.

[…]

7.   Deċiżjoni li taffettwa lill-applikant b’mod negattiv għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tirriferi għad-dritt tal-appell previst fl-Artikolu 44.”

6

L-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Id-dritt ta’ appell”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni ta’ legislazzjoni doganali li tikkonċernaha direttament u individwalment.

[…]

2.   Id-dritt tal-appell jista’ jkun eżerċitat mill-anqas f’żewġ stadji:

(a)

inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali jew awtorità ġudizzjarja jew korp ieħor maħtur għal dik il-għan mill-Istati Membri;

(b)

sussegwentement, quddiem korp indipendenti ogħla, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp ekwivalenti speċjalizzat, skont il-provvedimenti fis-seħħ fl-Istati Membri.

[…]”

7

L-Artikolu 46 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Il-ġestjoni tar-riskji u l-kontrolli doganali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħmlu kwalunkwe kontrolli doganali li jqisu meħtieġa.

Il-kontrolli doganali jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari f’eżami tal-merkanzija, teħid ta’ kampjuni, verifika tal-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija f’dikjarazzjoni jew notifika u l-eżistenza, l-awtentiċità, il-preċiżjoni u l-validità ta’ dokumenti, eżami tal-kontabbiltà tal-operaturi ekonomiċi u kotba oħra, ispezzjonar ta’ mezzi tat-trasport, ispezzjonar ta’ bagalji u merkanzija oħra li jinġarru minn jew fuqhom persuni u twettiq ta’ stħarriġ uffiċjali u atti simili oħrajn.”

8

Skont l-Artikolu 70 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Il-metodu ta’ valutazzjoni doganali bbażat fuq il-valur tat-tranżazzjoni”:

“1.   Il-bażi primarja għall-valur doganali tal-merkanzija għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat fejn meħtieġ.

2.   Il-prezz li effettivament tħallas jew li għandu jitħallas għandu jkun il-pagament totali magħmul jew li għandu jsir mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil parti terza għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-pagamenti kollha magħmula jew li għandhom isiru bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal- merkanzija importata.

3.   Il-valur tat-tranżazzjoni għandu japplika dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

[…]

(d)

ma jkun hemm l-ebda relazzjoni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jew ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz.”

9

L-Artikolu 74 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Metodi sekondarji ta’ valutazzjoni doganali”, jipprevedi:

“1.   Fejn il-valur doganali tal-merkanzija ma jkunx jista’ jkun determinat skont l-Artikolu 70, dan għandu jkun determinat billi jipproċedi b’mod sekwenzjali mill-punt (a) sal-punt (d) tal-paragrafu 2, sakemm jintlaħaq l-ewwel punt fejn jista’ jkun determinat il-valur doganali tal-merkanzija.

[…]

2.   Il-valur doganali, skont il-paragrafu 1, għandu jkun:

[…]

(c)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ unità li bih il-merkanzija importata, jew merkanzija identika jew simili importata, tinbiegħ fit-territorju doganali tal-Unjoni fl-akbar kwantità totali lill-persuni li ma għandhomx relazzjoni mal-bejjiegħa; jew

[…]”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Kodiċi Doganali tal‑Unjoni

10

Taħt it-Titolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-“[f]atturi li abbażi tagħhom huma applikati dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni u miżuri oħra fir-rigward ta’ kummerċ ta’ merkanzija”, hemm il-Kapitolu 3 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Valur doganali tal-merkanzija”. Fi ħdan dan il-Kapitolu 3, l-Artikolu 127 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” u dwar l-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, żewġ persuni għandhom jitqiesu bħala relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju;

[…]”

11

L-Artikolu 134 tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Tranżazzjonijiet bejn persuni relatati” u dwar l-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jipprovdi:

“1.   Meta x-xerrej u l-bejjiegħ ikunu relatati, u sabiex jiġi stabbilit jekk tali relazzjoni influwenzatx il-prezz, għandhom jiġu eżaminati, skont kif jista’ jkun meħtieġ, iċ-ċirkostanzi madwar il-bejgħ u d-dikjarant għandu jingħata opportunità sabiex jagħti aktar informazzjoni dettaljata, kif jista’ jkun meħtieġ, dwar dawk iċ-ċirkostanzi.

2.   Madankollu, il-prodotti għandhom jiġu stmati skont l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni] meta d-dikjarant juri li l-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat japprossima mill-qrib ma’ wieħed mill-valuri tat-test li ġejjin, stabbiliti fl-istess ħin jew kważi:

[…]

(b)

il-valur doganali ta’ prodotti identiċi jew simili, stabbilit skont l-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni];

[…]”

12

L-Artikolu 142 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Metodu ta’ tnaqqis”, dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jipprevedi:

“1.   Il-prezz unitarju li jintuża sabiex jiddetermina l-valur doganali skont l-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni] għandu jkun il-prezz li bih il-prodotti importati jew il-prodotti simili jew identiċi importati jinbiegħu fl-Unjoni, fil-kundizzjoni kif importati, fiż-żmien jew għall-ħabta ta’ żmien l-importazzjoni tal-prodotti li qegħdin ikunu stmati.

[…]

4.   Il-bejgħ li ġej ma għandux jittieħed f’kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni]:

[…]

(b)

il-bejgħ lil persuni relatati;

[…]”

Il‑leġiżlazzjoni dwar l‑importazzjoni ta’ frott u ħaxix li għalihom japplika prezz ta’ dħul

Ir‑Regolament (UE) Nru 1308/2013

13

L-Artikolu 181 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, fil-ĠU 2022, L 195, p. 106, u fil-ĠU 2023, L 200, p. 51), intitolat “Sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għal ċerti prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u nbid”, jipprovdi:

“1.   Għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju tat-Tariffa Doganali Komuni għal prodotti tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex, il-frott u l-ħxejjex ipproċessati u għall-meraq tal-għeneb u l-most, il-prezz tad-dħul ta’ konsenja għandu jkun ugwali għall-valur doganali tagħha kkalkulat skont [il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] u r-[Regolament ta’ Eżekuzzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni].

2.   Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-sistema, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 227 biex tipprevedi li l-eżattezza tal-prezz ta’ dħul iddikjarat tal-konsenja għadu jiġi vverifikat permezz ta’ valur fiss tal-importazzjoni u tipprevedi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi ddepożitata garanzija.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli għall-kalkolu tal-valur fiss tal-importazzjoni msemmi fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”

Ir‑Regolament Delegat 2017/891

14

Ir-Regolament Delegat 2017/891, li ġie adottat abbażi b’mod partikolari tal-Artikolu 181(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, jinkludi t-Titolu III, intitolat “Kummerċ ma’ Pajjiżi Terzi – Sistema tal-Prezz tad-Dħul”, li jinkludi l-Artikoli 73 sa 75.

15

L-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament delegat jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(a)

‘lott’ ifisser l-oġġetti ppreżentati skont dikjarazzjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, li tkopri biss oġġetti tal-istess oriġini li jaqgħu fi ħdan kodiċi NM wieħed; […]

[…]”

16

L-Artikolu 74 tal-imsemmi regolament delegat, intitolat “Notifika tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet tal-prodotti impurtati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għal kull prodott u għall-perjodi stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII, għal kull jum tas-suq u għal kull oriġini, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, sa nofsinhar (12:00 ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ wara, dwar:

(a)

il-prezzijiet rappreżentattivi medji tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi u mibjugħa fis-swieq tal-importazzjoni tal-Istati Membri; u

(b)

il-kwantitajiet totali li jirrigwardjaw il-prezzijiet imsemmija fil-punt (a).

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar is-swieq tal-importazzjoni li huma jqisu bħala rappreżentattivi u li għandhom jinkludu lil Londra, Milan, Perpignan u Rungis.

Meta l-kwantitajiet totali msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu jkunu inqas minn għaxar tunnellati, il-prezzijiet korrispondenti ma għandhomx ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.”

17

Skont l-Artikolu 75 tal-istess regolament delegat, intitolat “Bażi tal-prezz tad-dħul”:

“1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 181(1) tar-Regolament [Nru 1308/2013], il-prodoti tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati msemmija f’dak l-Artikolu għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness VII għal dan ir-Regolament.

2.   Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII ikun iddeterminat skont il-valur tat-tranżazzjoni msemmi fl-Artikolu 70 [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] u dak il-valur doganali jkun ogħla b’aktar minn 8 % mir-rata fissa kkalkolata mill-Kummissjoni bħala valur standard tal-importazzjoni fil-mument li ssir id-dikjarazzjoni tar-rilaxx tal-prodotti għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-importatur għandu jipprovdi garanzija msemmija fl-Artikolu 148 [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni]. Għal dan l-għan, l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni li għalih jistgħu jkunu soġġetti l-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII għal dan ir-Regolament, għandu jkun l-ammont ta’ dazju dovut li kieku l-prodott inkwistjoni kien ikklassifikat fuq il-bażi tal-valur standard tal-importazzjoni kkonċernat.

[…]

3.   Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 74(2)(c) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], id-dazju għandu jitnaqqas kif previst fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 [tat‑13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU 2017, L 138, p. 57)]. F’dak il-każ, l-importatur għandu jipprovdi garanzija li tkun daqs l-ammont ta’ dazju li kien iħallas kieku l-prodotti kienu kklassifikati fuq il-bażi tal-valur standard tal-importazzjoni applikabbli.

4.   Il-valur doganali tal-oġġetti importati mal-konsenja għandu jiġi ddeterminat direttament skont l-Artikolu 74(2)(c) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] u, għal dan il-għan, il-valur standard tal-importazzjoni kkalkolat skont l-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 għandu jiġi applikat matul il-perjodi fis-seħħ.

5.   L-importatur għandu jkollu xahar mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, soġġett għal limitu ta’ erba’ xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, sabiex juri li l-lott tneħħa skont il-kundizzjonijiet li jikkonfermaw il-korrettezza tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], jew sabiex jiddetermina l-valur doganali msemmi fl-Artikolu 74(2)(c) ta’ dak [il-kodiċi].

In-nuqqas ta’ ssodisfar ta’ waħda minn dawn l-iskadenzi għandu jinvolvi t-telf tal-garanzija pprovduta, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 6.

Il-garanzija pprovduta għandha tiġi rrilaxxata jekk l-awtoritajiet doganali jingħataw prova tal-kundizzjonijiet tat-tneħħija li tkun tissodisfahom. Inkella, il-garanzija għandha tintilef permezz tal-ħlas tad-dazji tal-importazzjoni.

Sabiex juri li l-lott tneħħa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-importatur għandu jagħmel disponibbli, minbarra l-fattura, id-dokumenti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli doganali rilevanti fir-rigward tal-bejgħ u t-tneħħija ta’ kull prodott tal-lott inkwistjoni, inklużi dokumenti relatati mat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar u l-ħażna tal-lott.

[…]

6.   Il-limitu ta’ żmien ta’ erba’ xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jista’ jiġi estiż mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b’massimu ta’ tliet xhur fuq talba tal-importatur, li għandha tkun debitament iġġustifikata.

[…]”

18

Il-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament Delegat 2017/891, jinkludi b’mod partikolari l-entrata li ġejja:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Perjodu tal-applikazzjoni

0709 90 70

Zukkini

Mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru

Ir‑Regolament (KEE) Nru 2658/87

19

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 273, p. 1), jinkludi, fl-Anness 2 tat-Taqsima I tat-Tielet Parti tal-Anness I tiegħu, b’mod partikolari, l-entrata li ġejja:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali tad-dazju (%)

[…]

[…]

[…]

0709 93 10

– – – Zukkini (qarabagħli żgħir)

 

[…]

[…]

[…]

 

– – – – Mill‑1 ta’ April sal‑31 ta’ Mejju:

 

 

– – – – – Bi prezz tad-dħul għal kull 100 kg piż nett ta’:

 

 

– – – – – – Mhux inqas minn € 69,2

12,8

 

– – – – – – Mhux inqas minn € 67,8 iżda inqas minn € 69,2

12,8 + 1,4 €/100 kg/net

 

– – – – – – Mhux inqas minn € 66,4 iżda inqas minn € 67,8

12,8 + 2,8 €/100 kg/net

 

– – – – – – Mhux inqas minn € 65 iżda inqas minn € 66,4

12,8 + 4,2 €/100 kg/net

 

– – – – – – Mhux inqas minn € 63,7 iżda inqas minn € 65

12,8 + 5,5 €/100 kg/net

 

– – – – – – Inqas minn € 63,7

12,8 + 15,2 €/100 kg/net

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20

Fit‑23 ta’ April 2019, OGL-Food ippreżentat, quddiem l-uffiċċju doganali ta’ Svilengrad (il-Bulgarija), fil-kwalità tagħha ta’ importatur, dikjarazzjoni doganali li permezz tagħha ddikjarat, taħt il-proċedura tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera għal finijiet ta’ konsum finali, “qarabagħli frisk”, li joriġina mit-Turkija, li jaqa’ taħt is-subintestatura 07099310 tan-nomenklatura tat-tariffa u tal-istatistika tal-merkanzija, għall-piż ta’ 4800 kg u għal valur doganali, ikkonvertit f’euro, ta’ EUR 90.81 għal kull 100 kg (iktar ’il quddiem il-“lott kontenzjuż”). L-esportatriċi kienet kumpannija stabbilita f’Antalya (it-Turkija).

21

Fit‑23 ta’ April 2019, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet il-valur standard tal-importazzjoni għall-qarabagħli ta’ kull oriġini fl-ammont ta’ EUR 53.80 għal kull 100 kg. Billi l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għal-lott kontenzjuż kien jeċċedi dan il-valur standard tal-importazzjoni b’iktar minn 8 %, OGL-Food ipprovdiet garanzija li tammonta għal 982.17 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 502), konformement mal-Artikolu 75(2) tar-Regolament Delegat 2017/891.

22

Fid-dawl tal-ispejjeż ta’ trasport, ta’ rilaxx, ta’ pproċessar u ta’ assigurazzjoni sostnuti sal-punt tad-dħul tal-lott kontenzjuż fl-Unjoni Ewropea, tal-ispejjeż ta’ trasport wara l-wasla fl-imsemmi punt ta’ dħul u tal-ispejjeż sostnuti mal-aġenzija ta’ sigurtà tal-ikel Bulgara, l-awtoritajiet Doganali Bulgari stabbilixxew il-prezz totali li OGL-Food ħallset sabiex tixtri l-lott kontenzjuż f’EUR 109.60 għal 100 kilo.

23

Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ April 2019, l-awtoritajiet doganali Bulgari infurmaw lil OGL-Food li, konformement mal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, hija kellha tipprova, fit-termini previsti minn din id-dispożizzjoni, li l-lott kontenzjuż kien tħallas f’kundizzjonijiet li kienu jikkonfermaw ir-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni. Għal dan l-għan, OGL-Food ġiet mistiedna tipprovdi, b’mod partikolari, dikjarazzjoni doganali mill-Istat ta’ esportazzjoni, fattura tat-trasport, kuntratt kummerċjali, fatturi “fiskali” dwar il-bejgħ tal-lott kontenzjuż fl-ewwel livell kummerċjali, kontabilizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ dan il-lott, ibbażata fuq il-prezz tal-akkwist, estratti ta’ kontijiet bankarji, id-dikjarazzjonijiet bankarji ta’ ħlas lill-bejjiegħ, il-ġurnal tax-xiri u l-bejgħ, il-ġurnal ta’ reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet u tan-noti ta’ kunsinna tal-prodotti. OGL-Food ġiet infurmata wkoll bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ preżentata tal-provi mitluba, jiġifieri t-telf tal-garanzija skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891.

24

Fit‑23 ta’ Mejju 2019, OGL-Food ipprovdiet lill-awtoritajiet doganali Bulgari fattura ta’ xiri tal-lott kontenzjuż, fattura tat-trasport, nota tal-kunsinna internazzjonali, fattura ta’ bejgħ tal-lott kontenzjuż fl-ewwel livell kummerċjali fl-Unjoni, noti ta’ kunsinna, konfermi tal-wasla tal-lott kontenzjuż, il-kontabilizzazzjoni tal-prezz ta’ bejgħ ibbażata fuq il-prezz ta’ akkwist u estratti ta’ kontabbilità dwar importazzjonijiet u bejgħ. Hija pproduċiet ukoll slips tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatati mal-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar u x-xahar ta’ April 2019, ġurnali tax-xiri u l-bejgħ kif ukoll dikjarazzjonijiet tal-VAT dwar il-kunsinni intrakomunitarji għall-istess perijodu. OGL-Food talbet, abbażi tal-provi prodotti, ir-rilaxx tal-garanzija pprovduta.

25

Skont il-kontabilizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ipprovduta minn OGL-Food, din biegħet il-lott kontenzjuż bil-prezz ta’ EUR 106 għal kull 100 kg. Fid-dawl tal-fatt li dan il-prezz tal-aħħar kien inqas mill-prezz totali ta’ EUR 109.60 għal kull 100 kilo li OGL-Food kienet ħallset sabiex tixtri l-lott kontenzjuż, l-awtoritajiet doganali Bulgari qiesu li din tal-aħħar ma kinitx ipproduċiet il-prova tax-xiri tiegħu f’kundizzjonijiet li jikkonfermaw ir-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni u li, għaldaqstant, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, il-garanzija kellha tinżamm bi ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni.

26

Skont l-Artikolu 22(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, OGL-Food ġiet informata b’dawn il-motivi, li abbażi tagħhom id-direttur tad-dwana kien biħsiebu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu, u ġiet mistiedna tesprimi l-opinjoni tagħha f’terminu ta’ 30 jum.

27

Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija motivi, OGL-Food sostniet, qabelxejn, li l-Artikolu 75 tar-Regolament Delegat 2017/891 ma jirrikjedix li tiġi prodotta l-prova ta’ bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija bi profitt sabiex tiġi pprovata r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni bħala valur doganali. Sussegwentement, hija enfasizzat li l-bejgħ tal-lott kontenzjuż kien jidħol fil-kuntest ta’ relazzjoni kummerċjali li ilha teżisti żmien twil ma’ katina ta’ ipermerkati internazzjonali u li l-eżami ta’ din ir-relazzjoni fuq perijodu itwal kien jippermetti li jiġi osservat li tali relazzjoni kienet tippermettilha tagħmel profitti. Fl-aħħar, OGL-Food osservat li l-prezz li bih hija biegħet il-lott kontenzjuż kien ċarament superjuri għall-valur standard tal-importazzjoni kkalkolat, fit‑23 ta’ April 2019, mill-Kummissjoni għal prodotti identiċi għal dawk li jagħmlu parti mil-lott kontenzjuż.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tistabbilixxi d-dejn doganali”), id-direttur tad-dwana ddeċieda, b’mod partikolari, li l-garanzija pprovduta kellha tintilef, bi ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni, stabbiliti għal BGN 982.17. Dik id-deċiżjoni hija msejsa, l-ewwel, fuq il-fatt li OGL-Food ma pprovdietx elementi li jistgħu jispjegaw id-differenza sostanzjali bejn il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ta’ EUR 90.81 għal kull 100 kilo u l-valur standard tal-importazzjoni ta’ EUR 53.80 għal kull 100 kilo, bħall-kwalità eċċezzjonali jew l-oriġini organika tal-lott kontenzjuż, li kien sempliċement deskritt bħala “tal-ogħla kwalità”. It-tieni, id-direttur tad-dwana ħa inkunsiderazzjoni t-telf li ġġarrab waqt il-bejgħ tal-lott kontenzjuż sabiex jikkunsidra li OGL-Food ma kinitx ipprovat it-tneħħija tiegħu f’kundizzjonijiet li jikkonfermaw ir-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891.

29

OGL-Food ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi d-dejn doganali quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, li fih hija ssostni li l-elementi, mhux ikkontestati, li hija ppreżentat lid-direttur tad-dwana jikkonfermaw li l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, OGL-Food targumenta, minn naħa, li l-eżistenza ta’ profitt li jirriżulta mill-bejgħ ta’ prodotti paragunabbli għal dawk tal-lott kontenzjuż lil klijent konkret għandha tiġi kkalkulata fuq bażi mensili u mhux fil-livell ta’ kull tranżazzjoni individwali. Min-naħa l-oħra, OGL-Food issostni li l-valur ta’ dan il-lott, kif ikkalkolat, konformement mal-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, minn espert ġudizzjarju, jikkonferma, jekk biss indirettament, li ma kienx hemm żieda artifiċjali tal-prezz tal-imsemmi lott. Barra minn hekk, OGL-Food iżżid li hi u l-katina ta’ ipermerkati internazzjonali li lilha hija biegħet il-lott kontenzjuż ma għandhomx il-kwalità ta’ imsieħba fin-negozju, fis-sens tal-Artikolu 127(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

30

Min-naħa tiegħu, id-direttur tad-dwana jenfasizza, l-ewwel, li OGL-Food ma pproduċietx elementi li jippermettu li jiġi ġġustifikat il-livell għoli tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni meta mqabbel mal-valur standard tal-importazzjoni, bħall-kwalità eċċezzjonali tal-prodotti kkonċernati jew li joriġinaw minn biedja organika. It-tieni, il-fatt li OGL-Food tbigħ il-lott kontenzjuż b’telf ma huwiex konformi mal-loġika tas-suq, li jiddetta li hija għandha tagħmel qligħ kummerċjali. It-tielet, il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament Delegat 2017/891. Issa, dan tal-aħħar jeskludi l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni oħrajn sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għall-finijiet tal-importazzjoni tal-lott kontenzjuż. Barra minn hekk, ir-raba’, il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur doganali previst fl-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

31

Il-qorti tar-rinviju jidher li tikkunsidra li l-analiżi li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni li tistabbilixxi d-dejn doganali, li hija sfavorevoli għal OGL-Food, ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza nazzjonali, mogħtija dwar l-evalwazzjoni tal-provi relatati mar-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni skont l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tingħata deċiżjoni fit-tilwima pendenti quddiemha, jeħtieġ li titqajjem ex officio l-eventwalità li OGL-Food għandha, mal-esportatur tal-lott kontenzjuż u mal-klijent tagħha fl-Unjoni, relazzjonijiet li jippermettu li dawn jiġu kklassifikati kollha bħala persuni “relatati fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) u tal-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, rispettivament.

32

Fil-fatt, minn naħa, hemm lok li jiġi evalwat jekk, fl-assenza ta’ kuntratt kummerċjali jew ta’ xi rabta legali oħra bejn il-partijiet, ir-relazzjonijiet dejjiema, perjodiċi u rikorrenti ta’ provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif riflessi fil-fatturi u fid-dokumenti tal-kontabbiltà marbuta magħhom, humiex suffiċjenti sabiex l-esportatur u OGL-Food jiġu kklassifikati bħala persuni li huma “msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju”, fis-sens tal-Artikolu 127(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u għaldaqstant persuni li huma “relatati”, fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) ta’ dan il-kodiċi, f’liema każ ikollu jiġi vverifikat, sussegwentement, jekk din ir-rabta influwenzatx il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni tal-lott kontenzjuż.

33

Min-naħa l-oħra, quddiem il-qorti tar-rinviju, OGL-Food sostniet li l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni kellu jiġi aċċettat mid-direttur tad-dwana għar-raġuni li kien qrib il-valur doganali ta’ merkanzija identika jew simili, iddeterminat konformement mal-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, kif kien ikkalkolah l-espert ġudizzjarju. Dik il-qorti tqis li, sabiex tiġi evalwata r-rilevanza ta’ dan l-argument, li huwa relatat mal-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, hemm lok li jiġi evalwat jekk OGL-Food u l-klijent tagħha fl-Unjoni humiex persuni relatati, fis-sens tal-Artikolu 142(4)(b) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li l-kunċett ta’ “persuni relatati” għandu l-istess tifsira kemm fil-kuntest tal-Artikolu 70(3)(d) u tal-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, kif ukoll f’dak tal-Artikolu 127(1) u tal-Artikolu 142(4)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

34

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk importatur jistax jikseb l-applikazzjoni tal-metodu previst fl-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għall-ewwel darba fil-mument tal-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi d-dejn doganali, jiġifieri wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, dik il-qorti għandha dubji dwar ir-rispett, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tad-drittijiet tad-difiża tal-importatur, u dwar il-kwistjoni dwar jekk hija tistax tikkonstata li dan tal-aħħar huwa persuna relatata mal-esportatur, skont l-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, minkejja li d-deċiżjoni li tistabbilixxi d-dejn doganali ma ċaħditx il-valur tat-tranżazzjoni għal din ir-raġuni.

35

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi pprovata r-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-importatur għandu jipproduċi kuntratt ta’ xiri jew kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor, jekk l-awtorità doganali tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-merkanzija importata nbiegħet b’telf fis-suq tal-Unjoni u jekk iċ-ċirkustanzi li jiċċirkondaw dan il-bejgħ b’telf humiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

36

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-aħħar, jekk l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandux jiġi interpretat fis-sens li, mingħajr ma tiġi kkontestata l-awtentiċità tal-fattura stabbilita mill-esportatur u l-prova tal-ħlas għal dan, l-awtorità doganali tista’ tistabbilixxi l-valur doganali fil-livell tal-valur standard tal-importazzjoni meta l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni jkun għoli b’mod mhux normali u fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ kuntratt bejn l-esportatur u l-importatur jew provi oħrajn li jiġġustifikaw il-livell għoli tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-Artikolu 70(1) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(5) u mal-Artikolu 75(6) tar-Regolament Delegat [2017/891], għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 70(3)(d) [tal-Kodiċi Doganali], li jipprovdi li ‘ma [għandu] jkun hemm l-ebda relazzjoni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ’, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija għal finijiet doganali indikat f’dikjarazzjoni doganali speċifika għall-importazzjoni ta’ ħaxix, id-data segwenti għandha titqies li hija rilevanti:

id-data dwar ir-relazzjoni bejn il-partijiet fil-kuntest tal-importazzjoni tal-merkanzija u tal-bejgħ tagħha fl-ewwel livell kummerċjali fl-Unjoni (kunsinni li jmorru lura għal żmien twil u li jitwettqu b’mod regolari ta’ merkanzija tal-istess tip, fi kwantitajiet kbar u b’valur kunsiderevoli) li teskludi n-natura ad hoc tar-relazzjoni fir-rigward tal-importazzjoni konkreta li tkun is-suġġett tal-verifika;

id-data dwar il-fatturi maħruġa fir-rigward tal-kunsinni, dwar il-ħlas tal-prezz, dwar ir-reġistrazzjoni tal-fatturi fil-kontabbiltà u fir-reġistri tal-VAT tal-importatur u dwar id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input eżerċitat bħala konsegwenza ta’ din ir-reġistrazzjoni;

il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni tal-importazzjoni konkreta li tkun is-suġġett tal-verifika, liema valur ikun nettament superjuri għall-valur stabbilit għall-importazzjoni tal-istess prodott kif iddeterminat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-settur tal-ħaxix, f’sitwazzjoni fejn l-istess prodott jinbiegħ b’telf fl-Unjoni;

[il-fatt li] l-importatur ma ppreżentax kuntratt kummerċjali fil-kuntest tal-importazzjoni konkreta, kif mitlub mill-awtoritajiet doganali, u lanqas ma ppreżenta xi tip ieħor ta’ dokument li jistabbilixxi r-relazzjoni legali bejn il-partijiet kontraenti?

Fil-każ li din id-data hija rilevanti, dawn iċ-ċirkustanzi jippermettu li jingħad li l-operaturi, importatur u esportatur, rispettivament importatur u xerrej fl-ewwel livell kummerċjali fl-Unjoni, huma persuni ‘msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju’ jew ‘persuni relatati’ fis-sens tal-Artikolu 127(1)(b) u tal-Artikolu 142(4)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni]?

Fil-każ li din id-data hija rilevanti iżda ma tkunx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-operaturi huma persuni relatati, għall-finijiet tal-verifika taħt l-Artikolu 75(6) tar-Regolament Delegat 2017/891, hemm l-obbligu li jiġi vverifikat jekk ir-relazzjoni bejn l-operaturi influwenzatx id-determinazzjoni ta’ prezz ogħla għall-merkanzija fir-rigward tal-importazzjoni speċifika u dan bil-għan li jiġu evitati l-frodi tad-dazji doganali u t-telf tad-dħul fiskali għall-baġit tal-Unjoni, fid-dawl ukoll tal-bejgħ b’telf sussegwenti fl-ewwel livell kummerċjali fl-Unjoni?

2)

Fid-dawl tal-[ewwel paragrafu tal-]Artikolu 47[…] u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-[Karta], interpretati fid-dawl tad-dritt għal azzjoni legali, previst fl-Artikolu 44(1) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] u tal-obbligu għall-awtoritajiet doganali li jagħtu motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħhom previst fl-Artikolu 29 ta’ dan [il-kodiċi], moqri flimkien mal-Artikolu 22(7) tiegħu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u tal-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni, il-qorti tal-ewwel istanza hija obbligata tevalwa ex officio l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni u tal-motivi li ma jkunux issemmew fir-rikors, tiġbor provi ġodda u taħtar espert ex officio:

il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 70(3)(d) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], li jipprovdi li ‘ma [għandu] jkun hemm l-ebda relazzjoni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jew ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz’, tista’ tiġi ddeterminata għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja jew l-awtorità doganali għandha diġà tasal għal konklużjoni f’dan ir-rigward fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata?

meta l-importatur ma jkunx indika b’mod espliċitu li kien ser jiddetermina l-valur tal-merkanzija importata konformement mal-Artikolu 74(2)(c) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], minkejja li kellu l-possibbiltà proċedurali li jagħmel dan, ikun kuntrarju għall-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891, b’mod partikolari għat-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit għal din id-determinazzjoni, [il-fatt] li dan il-valur jiġi stabbilit għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikors kontra d-deċiżjoni, inkluż fil-kuntest tal-eżami tal-oġġezzjonijiet tal-importatur ibbażati fuq il-fatt li l-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija fl-Unjoni kien qrib il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni?

3)

Fid-dawl tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, li jipprovdi li ‘l-importatur għandu jagħmel disponibbli, […] id-dokumenti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli doganali rilevanti fir-rigward tal-bejgħ u t-tneħħija ta’ kull prodott tal-lott inkwistjoni’, interpretat fid-dawl tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Marzu 2020, X (Irkupru ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni) (C‑160/18, EU:C:2020:190), fir-rigward tal-prova tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni skont l-Artikolu 70(1) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni],

l-awtoritajiet doganali, jew fil-kuntest ta’ rikors, il-qorti, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-merkanzija importata (ħaxix) inbiegħet b’telf fl-Unjoni bħala indizju serju li l-imsemmi prezz tal-importazzjoni kien għoli b’mod artifiċjali, inkluż fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li l-persuni kienu relatati influwenzax il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, inkluż sabiex jiġu evitati l-frodi tad-dazji doganali u t-telf tad-dħul fiskali?

l-importatur huwa meħtieġ jipproduċi kuntratt jew dokument ekwivalenti li jipprova l-prezz li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni jew huwa biżżejjed li jipprova li ħallas il-valur iddikjarat tal-merkanzija mal-importazzjoni? jew

l-importatur għandu jippreżenta biss id-dokumenti msemmija b’mod espliċitu fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 bħala prova tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għall-importazzjoni ta’ ħaxix, u għalhekk iċ-ċirkustanzi marbuta mal-bejgħ b’telf ta’ dan il-prodott fl-Unjoni ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-verifika prevista fl-Artikolu 75(6) tal-imsemmi regolament, fir-rigward tan-nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni u tad-determinazzjoni tad-dazju tal-importazzjoni?

4)

Mill-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891 u mill-interpetazzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455) jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-valur doganali tal-importazzjoni ta’ ħaxix li joriġina minn pajjiż terz ma jistax jiġi ddeterminat fid-dawl tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni meta:

il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni tal-prodott ikun ogħla b’mod sinjifikattiv għall-valur stabbilit għall-importazzjoni għall-istess merkanzija ddeterminat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-settur tal-ħaxix;

l-awtorità doganali la tikkontesta u lanqas ma ddaħħal inkwistjoni b’xi mod ieħor in-natura awtentika tal-fattura u tal-konferma tal-ħlas għall-merkanzija prodotti bħala prova tal-prezz tal-importazzjoni effettivament imħallas;

l-importatur, bi tweġiba għat-talba tal-awtorità doganali, la ppreżenta kuntratt u lanqas xi dokument ekwivalenti ieħor sabiex jipprova l-prezz li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, inklużi provi supplimentari li jistabbilixxu elementi ekonomiċi marbuta mal-merkanzija li jiġġustifikaw il-valur ogħla tagħha fil-mument meta nxtrat mill-esportatur, bħalma jkun il-każ fir-rigward ta’ lott ta’ ħaxix prodott b’biedja organika jew ta’ kwalità superjuri?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

38

Konformement mal-Anness 2 tat-Taqsima I tat-Tielet Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, id-dazji tat-tariffa doganali komuni għall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma suġġetti għal dazju ad valorem ta’ rata ta’ 12.8 % u għal dazju varjabbli, espress f’euro. L-ammont ta’ dan id-dazju varjabbli jiżdied kif il-valur doganali tal-prodotti importati jonqos.

39

Il-valur doganali tal-prodotti importati għandu jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, prijoritarjament b’riferiment għall-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni. Dan ingħad, konformement mal-Artikolu 70(3)(d) ta’ dan il-kodiċi, il-valur tat-tranżazzjoni japplika bil-kundizzjoni li x-xerrej u l-bejjiegħ, jiġifieri l-importatur u l-esportatur, ma jkunux relatati jew li r-rabtiet ma jinfluwenzawx il-prezz.

40

Barra minn hekk, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 74(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jsegwi li, meta l-valur doganali tal-merkanzija ma jkunx jista’ jiġi stabbilit abbażi tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, skont l-Artikolu 70 ta’ dan il-kodiċi, dan il-valur ikollu jiġi stabbilit skont l-ewwel waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 74(2)(a) sa (d) tal-imsemmi kodiċi, li tippermetti li jiġi ddeterminat.

41

Fost dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprevedi metodu ta’ determinazzjoni tal-valur doganali li huwa msejjaħ “metodu ta’ tnaqqis” mill-Artikolu 142 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“metodu ta’ tnaqqis”). Dan il-metodu huwa bbażat fuq il-prezz unitarju li jikkorrispondi għall-bejgħ fit-territorju doganali tal-Unjoni tal-merkanzija importata jew ta’ merkanzija identika jew li tixxiebah importata fl-akbar kwantità totali lill-persuni li ma għandhomx relazzjoni mal-bejjiegħa.

42

L-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dispożizzjoni li tirregola t-tranżazzjonijiet bejn persuni “relatati”, fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) ta’ dan il-kodiċi, jipprevedi li, anki jekk l-importatur u l-esportatur huma relatati, għandha tiġi evalwata l-merkanzija konformement mal-Artikolu 70(1) tal-imsemmi kodiċi meta d-dikjarant juri li l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni huwa viċin ħafna tal-valur doganali tal-merkanzija identika jew li tixxiebah, iddeterminat konformement mal-metodu ta’ tnaqqis.

43

Għandu madankollu jiġi rrilevat li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dan tal-aħħar japplika bla ħsara għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola oqsma oħrajn. Issa, ir-Regolament Nru 1308/2013 u r-Regolament Delegat 2017/891 jistipulaw regoli doganali speċjali fil-qasam ta’ importazzjonijiet ta’ frott u ħaxix.

44

Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dazji tat-tariffa doganali komuni għall-prodotti li jaqgħu taħt is-settur tal-frott u l-ħaxix, l-Artikolu 181 tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi mekkaniżmu msejjaħ il-“prezz tad-dħul” li huwa bbażat fuq livelli minimi ta’ prezz tal-importazzjoni li taħthom japplikaw dazji addizzjonali speċifiċi li huma ogħla iżjed ma huwa baxx il-valur tal-importazzjoni.

45

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 181(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 jagħti l-kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti delegati sabiex ikun previst li r-realtà tal-prezz tad-dħul iddikjarat ta’ lott għandha tiġi vverifikata permezz ta’ valur standard tal-importazzjoni u sabiex ikunu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom hija rikjesta l-kostituzzjoni ta’ garanzija.

46

Ir-Regolament Delegat 2017/891, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 181(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, jinkludi, l-ewwel, l-Artikolu 74 skont liema, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-valur standard tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, kull jum tas-suq, il-prezzijiet medji rappreżentattivi tal-prodotti importati mill-pajjiżi terzi u kkummerċjalizzati fis-swieq ta’ importazzjoni tal-Istati Membri kif ukoll il-kwantitajiet totali li jikkorrispondu għal dawn il-prezzijiet.

47

It-tieni, l-Artikolu 75 tar-Regolament Delegat 2017/891 jipprevedi l-modalitajiet skont liema huma stabbiliti l-prezzijiet tad-dħul tal-prodotti kkonċernati.

48

B’mod partikolari, minn naħa, skont l-Artikolu 75(2) ta’ dan ir-regolament delegat, meta l-valur doganali ta’ ċerti prodotti, fost liema hemm prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ddeterminat konformement mal-valur tat-tranżazzjoni msemmi fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dan il-valur doganali jaqbeż b’iżjed minn 8 % l-ammont fiss ikkalkolat mill-Kummissjoni bħala valur fiss tal-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 181(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, fil-mument tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-prodotti, l-importatur għandu jipprovdi garanzija. Din il-garanzija hija daqs l-ammont ta’ dazji li kien iħallas kieku l-prodotti kienu kklassifikati fuq il-bażi tal-valur standard tal-importazzjoni applikabbli.

49

Min-naħa l-oħra, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, l-importatur għandu jkollu xahar mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, suġġett għal limitu ta’ erba’ xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, jew sabiex jipprova li l-lott tneħħa f’kundizzjonijiet li jikkonfermaw ir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jew sabiex jiddetermina l-valur doganali msemmi fl-Artikolu 74(2)(c) ta’ dan il-Kodiċi. Skont it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed minn dan it-termini jwassal għat-telf tal-garanzija pprovduta bi ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni, u dan huwa l-każ ukoll jekk l-importatur ma jipprovdix, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali, il-provi dwar il-kundizzjonijiet ta’ tneħħija tal-lott. Min-naħa l-oħra, il-garanzija tiġi rrilaxxata sa fejn il-provi dwar il-kundizzjonijiet ta’ tneħħija, kif stabbiliti fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, jiġu prodotti għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali.

50

Peress li l-ewwel domanda tirrigwarda d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ix-xerrej u l-bejjiegħ humiex relatati fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, filwaqt li t-tieni domanda tirrigwarda, b’mod partikolari, il-possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tapplika din id-dispożizzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha qabelxejn tiġi eżaminata t-tieni domanda.

Fuq it‑tieni domanda

51

It-tieni domanda hija bbażata fuq iċ-ċirkustanza li, adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali, il-qorti tar-rinviju hija, skont id-dritt nazzjonali, obbligata li tevalwa ex officio l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni u tista’ tiġbor provi ġodda kif ukoll tinnomina espert ġudizzjarju ex officio.

52

F’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari turi li OGL-Food invokat quddiem il-qorti tar-rinviju kalkolu tal-valur doganali mwettaq konformement mal-metodu ta’ tnaqqis sabiex tipprova, billi tibbaża ruħha fuq l-argument tal-prossimità bejn ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu u l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, ir-realtà ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, mir-riferiment tal-qorti tar-rinviju għall-Artikolu 134 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni isegwi li, bħalma OGL-Food barra minn hekk ikkonfermat matul is-seduta, din xtaqet li tiġi applikata l-possibbiltà offruta mill-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu, li tipprova li l-valur tat-tranżazzjoni kien “viċin ħafna” l-valur doganali tal-merkanzija identika jew simili, iddeterminat konformement mal-metodu ta’ tnaqqis. Skont OGL-Food, din il-prossimità kellha twassal lill-awtoritajiet doganali jirrikonoxxu r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni.

53

Ir-riferiment għall-Artikolu 134 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 70(3)(d) ta’ dan il-kodiċi, jidher, barra minn hekk, li wassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar il-possibbiltà li tapplika, ex officio, din id-dispożizzjoni tal-aħħar, minkejja l-fatt li, fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali ma eskludewx il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għar-raġuni li OGL-Food u l-esportatur kienu “relatati” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

54

Għalhekk, permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk qorti nazzjonali tistax tqajjem, ex officio u għall-ewwel darba fil-kuntest tat-tilwima pendenti quddiemha, il-kwistjoni dwar jekk l-importatur u l-esportatur humiex relatati, fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u, fl-affermattiv, jekk ir-rabtiet eventwali eżistenti bejniethom influwenzawx jew le l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

55

Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li importatur, li ma jkunx għażel, fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddetermina l-valur doganali tal-lott impurtat konformement mal-metodu ta’ tnaqqis, iżda, għall-kuntrarju, iddetermina dan il-valur konformement mal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ikun jista’ validament jibbaża ruħu, insostenn tal-azzjoni ġudizzjarja tiegħu kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali, fuq kalkolu tal-valur doganali mwettaq konformement mal-metodu ta’ tnaqqis, sabiex jipprova r-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 ta’ dan il-kodiċi.

56

Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni dwar il-valutazzjoni doganali huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizji. Il-valur għal skopijiet doganali għandu għalhekk jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master, C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Issa, dan l-għan għandu jipprevali wkoll meta l-valur doganali jkun iddeterminat skont dispożizzjonijiet speċjali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 75 tar-Regolament Delegat 2017/891, applikabbli f’din il-kawża.

58

F’dan ir-rigward, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(5) u mill-Artikolu 75(6) ta’ dan ir-regolament delegat isegwi li l-importatur jista’ jew jagħżel li jiddetermina l-valur doganali tal-lott impurtat abbażi tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, f’liema każ huwa għandu jipprova, f’termini preċiżi, li dan il-lott tneħħa f’kundizzjonijiet li jikkonfermaw ir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jew jiddetermina, fl-istess termini, il-valur doganali skont il-metodu ta’ tnaqqis.

59

Barra minn hekk, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, sabiex jiġi pprovat li l-lott importat tneħħa f’kundizzjonijiet li jikkonfermaw ir-realtà tal-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat, l-importatur għandu jagħmel disponibbli, minbarra l-fattura, id-dokumenti kollha neċessarji għat-twettiq tal-kontrolli doganali meħtieġa fir-rigward tal-bejgħ u t-tneħħija ta’ kull prodott ta’ dan il-lott, inklużi d-dokumenti relatati mat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar u l-ħażna tal-imsemmi lott.

60

Minn dan isegwi li l-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891 jimponi fuq l-importatur l-obbligu li jagħżel, f’termini preċiżi, bejn l-applikazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet differenti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li jipprevedu metodi alternattivi ta’ determinazzjoni tal-valur doganali. Konsegwentement, kalkolu tal-valur doganali mwettaq skont il-metodu ta’ tnaqqis jista’ jiġi validament invokat insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja biss jekk l-importatur ikun preċedentement għażel, fit-termini previsti għal dan l-għan mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(5) u mill-Artikolu 75(6) ta’ dan ir-regolament delegat, li jiddetermina l-valur doganali skont dan il-metodu. Min-naħa l-oħra, jekk l-importatur ikun għażel il-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni, ir-riżultat ta’ tali kalkolu ma jistax jiġi eċċepit, fil-kuntest ta’ tali rikors, bl-għan li tiġi ppruvata, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, li barra minn hekk huwa wara l-iskadenza tal-imsemmija termini, ir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

61

Barra minn hekk, l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 jeħtieġ li r-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tkun ikkonfermata b’riferiment għall-kundizzjonijiet ta’ tneħħija tal-lott, kif dan it-terminu huwa ddefinit fl-Artikolu 73(a) ta’ dan ir-regolament delegat, u mhux b’riferiment għall-bejgħ, fit-territorju doganali tal-Unjoni, ta’ merkanzija li ma tagħmilx parti mill-imsemmi lott.

62

Dan ir-rekwiżit jeskludi li l-importatur ikun jista’, skont l-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dispożizzjoni li ġiet invokata minn OGL-Food quddiem il-qorti tar-rinviju u qajmet il-mistoqsijiet tagħha, jiddetermina l-valur doganali abbażi tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għar-raġuni li din tal-aħħar hija viċin ħafna tal-valur doganali tal-merkanzija identika jew simili ddeterminata skont il-metodu ta’ tnaqqis.

63

Barra minn hekk, kalkolu tal-valur doganali, bħal dak imwettaq mill-espert ġudizzjarju, maħtur fit-tilwima fil-kawża prinċipali, skont il-metodu ta’ tnaqqis, li jieħu inkunsiderazzjoni, bħalma jsegwi mit-talba għal deċiżjoni preliminari, tal-prezz tal-bejgħ tal-lott kontenzjuż lill-katina ta’ ipermerkati klijenti ta’ OGL-Food, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dispożizzjoni li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ valur ibbażat fuq il-prezz unitarju li jikkorrispondi għall-bejgħ fit-territorju doganali tal-Unjoni tal-merkanzija importata nnifisha.

64

Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891 ma jippermettix lil importatur li ma jkunx għażel, fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddetermina l-valur doganali tal-merkanzija importata skont il-metodu ta’ tnaqqis, iżda li jkun iddetermina dan il-valur konformement mal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jibbaża ruħu, insostenn tal-azzjoni ġudizzjarja tiegħu kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali, fuq kalkolu tal-valur doganali mwettaq konformement mal-imsemmi metodu, billi jinvoka l-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ta’ dan il-kodiċi, sabiex jipprova r-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-imsemmi kodiċi.

65

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 41(2)(c) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma hijiex indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 44). Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta, din tistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv lil kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura, b’tali mod li din ma tiddeterminax minn qabel l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv li l-persuna kkonċernata tibbaża ruħha fuqu.

66

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari, huwa, ċertament, minnu li l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 ma jipprekludix lill-awtoritajiet doganali milli jeżaminaw jekk l-importatur u l-esportatur humiex relatati, fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u, fl-affermattiv, jekk dawn ir-rabtiet influwenzawx il-prezz.

67

Madankollu, fir-rigward tal-prodotti li għalihom japplika prezz tad-dħul, il-kwistjoni dwar jekk l-eventwali rabtiet li jgħaqqdu lill-importatur u lill-esportatur influwenzawx il-prezz, fis-sens tal l-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tista’ taffettwa r-realtà tal-valur tal-merkanzija, bħalma hija indikata fid-dikjarazzjoni doganali.

68

F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jsegwi li l-kontrolli doganali jikkonsistu, inter alia, fil-verifika tal-eżattezza u tan-natura kompleta tal-informazzjoni pprovduta f’dikjarazzjoni. Minn dan isegwi li l-verifika tar-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, imwettqa konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, tikkostitwixxi, bħalma jsegwi, barra minn hekk, mill-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, att li jaqa’ taħt il-kontroll doganali, fis-sens tal-Artikolu 46(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

69

Issa, il-punt (3) tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jagħti l-kompetenza għat-twettiq tal-kontroll doganali lill-awtoritajiet doganali, jiġifieri, konformement mal-punt (1) tal-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi, lill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri inkarigati bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u lil kull awtorità oħra li għandha l-kompetenza fid-dritt nazzjonali li tapplika ċerti dispożizzjonijiet doganali. Għalhekk, l-awtoritajiet ġudizzjarji inkarigati li jagħtu deċiżjoni, konformement mal-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fuq ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali wara kontroll doganali għandhom jiġu distinti minn dawn tal-aħħar.

70

Konsegwentement, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ awtorità doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali konformement mal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, awtorità ġudizzjarja ma tistax tqajjem, ex officio u għall-ewwel darba, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-importatur u l-esportatur, fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u jekk dawn l-eventwali rabtiet influwenzawx il-prezz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, minkejja li l-kontroll doganali mwettaq mill-awtorità doganali ma jkunx irrigwarda l-eżistenza ta’ tali rabtiet iżda l-kundizzjonijiet ta’ tneħħija tal-lott impurtat fis-suq tal-Unjoni, li, skont dik l-awtorità, ma kkonfermawx ir-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni.

71

Din il-konklużjoni tibqa’ valida wkoll meta l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni humiex issodisfatti tista’ tqum fil-kuntest tal-eżami ta’ argument li parti li tikkontesta deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali tislet mill-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

72

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ma għandux rilevanza f’dan ir-rigward. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv lil kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha li huma ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura, ma tistabbilixxix minn qabel it-tqassim tal-kompetenzi bejn, minn naħa, l-awtoritajiet amministrattivi, bħall-awtoritajiet doganali, u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet ġudizzjarji, kif dan it-tqassim jirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ dawk tal-punt (1) tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 44 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li importatur, li ma jkunx għażel, fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddetermina l-valur doganali tal-lott impurtat konformement mal-metodu ta’ tnaqqis, iżda li, għall-kuntrarju, ikun iddetermina dan il-valur konformement mal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ikun jista’ validament jibbaża ruħu, insostenn tal-azzjoni ġudizzjarja tiegħu kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali, fuq kalkolu tal-valur doganali mwettaq konformement mal-metodu ta’ tnaqqis sabiex jipprova, billi jinvoka l-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ta’ dan il-kodiċi, ir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-imsemmi kodiċi;

jipprekludi li, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ awtorità doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali, awtorità ġudizzjarja tkun tista’ tqajjem, ex officio u għall-ewwel darba fil-kuntest tat-tilwima pendenti quddiemha, il-kwistjoni dwar jekk l-importatur u l-esportatur humiex relatati, fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u, fl-affermattiv, jekk dawn l-eventwali rabtiet eżistenti bejniethom influwenzawx il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, jew le, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, minkejja li l-kontroll doganali mwettaq mill-awtorità doganali ma jkunx irrigwarda l-eżistenza ta’ tali rabtiet, peress li l-imsemmija awtorità eskludiet il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għal raġunijiet differenti, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ tneħħija tal-lott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni.

Fuq l‑ewwel domanda

74

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jekk ċerti ċirkustanzi fattwali, bħan-natura durabbli tar-relazzjonijiet kummerċjali, id-distakk sinjifikattiv bejn il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni u l-valur standard tal-importazzjoni applikabbli, il-bejgħ sussegwenti b’telf u n-nuqqas ta’ preżentata ta’ kuntratt dwar l-importazzjoni, humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-importatur u l-esportatur jew bejn l-importatur u l-klijent tiegħu fl-Unjoni.

75

Madankollu, mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda jsegwi li l-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat 2017/891 jostakola l-applikazzjoni, ex officio u għall-ewwel darba, tal-Artikolu 70(3)(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, mill-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali meta l-kontroll doganali ma jkunx irrigwarda l-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-importatur u l-esportatur.

76

Peress li huwa stabbilit li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kontroll doganali mwettaq ma rrigwardax l-eżistenza ta’ tali rabtiet, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għall-ewwel domanda.

Fuq it‑tielet domanda

77

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija tal-lott ta’ merkanzija importata permezz ta’ bejgħ b’telf tikkostitwixxix indizju serju tan-natura artifiċjalment għolja tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni li jobbliga lill-importatur jipprovdi lill-awtoritajiet doganali, sabiex juri r-realtà ta’ dan il-valur, minbarra d-dokumenti relatati mat-trasport, mal-assigurazzjoni, mal-immaniġġar u mal-ħażna, espressament imsemmija fir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, u l-prova tal-ħlas tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, kuntratt jew dokument ekwivalenti li jistipula l-prezz li bih il-lott impurtat inxtara minnu.

78

Għandu jitfakkar li, konformement mal-formulazzjoni ċara tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, meta l-importatur jagħżel li jiddetermina l-valur doganali tal-lott impurtat abbażi tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, huwa l-kompitu tiegħu li jipprova li l-imsemmi lott tneħħa f’kundizzjonijiet tali li jikkonfermaw ir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

79

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tat-tneħħija tal-lott, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet”, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, jindika ċ-ċirkustanzi kollha sussegwenti għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija fl-Unjoni, li jistgħu jikkonfermaw jew jiċħdu r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, kif dan jinsab fid-dikjarazzjoni doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, X (Irkupru ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni), C‑160/18, EU:C:2020:190, punt 37).

80

Il-possibbiltà li tiġi kkonfermata r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha tissodisfa l-ħtieġa tal-awtoritajiet doganali li jiżguraw li, fil-kuntest ta’ sistema skont liema iżjed ma jkun għoli dan il-valur, iżjed ikun baxx l-ammont tad-dazji varjabbli li għandhom jitħallsu mill-importatur, dan tal-aħħar ikun prekluż milli jiddetermina l-valur doganali abbażi ta’ valur iddikjarat tat-tranżazzjoni miżjud artifiċjalment (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, X (Irkupru ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni), C‑160/18, EU:C:2020:190, punti 38 sa 40).

81

Il-prova imposta fuq l-importatur tirrigwarda għalhekk il-kundizzjonijiet kollha relatati mal-iżvolġiment tal-bejgħ tal-lott impurtat fl-Unjoni, li jistgħu jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji konsistenti li jippermettu li tiġi kkonfermata r-realtà tal-prezzijiet msemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, X (Irkupru ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni), C‑160/18, EU:C:2020:190, punt 42).

82

Ċertament, lil hinn mill-jikkonferma r-realtà ta’ dawn il-prezzijiet, bejgħ tal-lott impurtat b’telf huwa ta’ natura li jqajjem dubji dwaru. Fil-fatt, tali bejgħ b’telf, li ma huwiex, fih innifsu, prassi kummerċjali li tipprovdi qligħ, jista’ jikkostitwixxi indizju b’saħħtu li l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ġie miżjud b’mod artifiċjali mill-importatur sabiex jevadi d-dazju fuq l-importazzjoni li għandu jitħallas jew sabiex inaqqas l-ammont tiegħu, b’mod partikolari meta jkun hemm bejgħ b’telf rikorrenti jew li jsir għal perijodu twil. Madankollu, is-sempliċi konstatazzjoni li importatur biegħ mill-ġdid merkanzija fl-Unjoni b’telf ma tistax tippermetti lill-awtoritajiet doganali jikkonkludu awtomatikament li l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ma jikkorrispondix mar-realtà (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, X (Irkupru ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni), C‑160/18, EU:C:2020:190, punti 4445).

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-importatur li għandu juri mhux biss li dan il-bejgħ b’telf jista’ jiġi spjegat b’ċirkustanzi li ma jaffettwawx ir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, iżda wkoll li l-kundizzjonijiet l-oħrajn ta’ tneħħija ta’ dan il-lott jikkonfermaw ir-realtà ta’ dawn il-prezzijiet.

84

Għal dan l-għan, l-importatur għandu, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali, minbarra l-fattura, id-dokumenti kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kontrolli doganali meħtieġa fir-rigward tal-bejgħ u tat-tneħħija ta’ kull prodott tal-lott importat, inklużi d-dokumenti marbuta mat-trasport, mal-assigurazzjoni, mal-immaniġġar u mal-ħażna ta’ dan il-lott.

85

Peress li din il-lista ta’ dokumenti ma għandhiex, bħalma jsegwi mit-terminu “inklużi” użat f’din id-dispożizzjoni, natura eżawrjenti, xejn ma jipprekludi lil importatur, jekk id-dokumenti relatati mat-trasport, mal-assigurazzjoni, mal-immaniġġar u mal-ħażna tal-lott ta’ merkanzija kkonċernata ma humiex biżżejjed sabiex juri r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, milli jipprovdi lill-awtoritajiet doganali dokumenti oħrajn marbuta mal-bejgħ u mat-tneħħija ta’ dan il-lott, bħal, b’mod partikolari, kuntratt bil-miktub konkluż bejnu u l-esportatur jew kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor ta’ natura li jiġu stabbiliti l-elementi rilevanti tar-relazzjoni kuntrattwali, fosthom dawk relatati mal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-istipulazzjoni tal-prezz li l-lott impurtat inxtara bih.

86

Min-naħa l-oħra, għalkemm id-dokumenti elenkati fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 prodotti mill-importatur huma biżżejjed sabiex l-awtoritajiet doganali jiġu konvinti bir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huwa ma jistax jiġi rikjest li jipproduċi barra minn hekk kuntratt bil-miktub li jorbtu mal-esportatur jew dokument ekwivalenti li jistipula l-prezz li bih il-lott impurtat inxtara minnu.

87

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija tal-lott ta’ merkanzija impurtata permezz ta’ bejgħ b’telf tikkostitwixxi indizju serju tan-natura artifiċjalment għolja tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni li ma jobbligax lill-importatur jipprovdi lill-awtoritajiet doganali, sabiex juri r-realtà ta’ dan il-valur, minbarra d-dokumenti dwar it-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar u l-ħażna, espressament imsemmija fir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, u l-prova tal-ħlas tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, kuntratt jew dokument ekwivalenti li jistipulaw il-prezz li bih il-lott impurtat inxtara minnu, meta dawk id-dokumenti tal-ewwel huma suffiċjenti sabiex juru r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni.

Fuq ir‑raba’ domanda

88

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom iwarrbu l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ta’ lott ta’ merkanzija importata meta dan il-valur huwa ċarament ogħla mill-valur standard tal-importazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni, dan il-lott inbiegħ b’telf fit-territorju doganali tal-Unjoni u, minkejja l-fatt li ġie mistieden jippreżenta kull dokument li jipprova li l-imsemmi lott tneħħa f’kundizzjonijiet tali li jikkonfermaw ir-realtà ta’ dan il-valur, l-importatur ma ppreżentax dokumenti suffiċjenti għal dan l-għan, minkejja li dawn l-awtoritajiet la jikkontestaw l-awtentiċità tal-fattura maħruġa mill-esportatur u lanqas il-ħlas effettiv tagħha mill-importatur.

89

Għandu jitfakkar li mill-ewwel, it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 isegwi li huwa l-importatur li għandu jipprova, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali, li l-kundizzjonijiet ta’ tneħħija ta’ lott partikolari juru r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, b’tali mod li l-garanzija pprovduta bi ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni tkun tista’ tiġi rrilaxxata.

90

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li differenza fil-prezz ta’ iżjed minn 50 %, bħal dik ikkonstatata, f’dan il-każ, bejn il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ta’ lott ta’ merkanzija importata u l-valur standard tal-importazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni hija suffiċjenti sabiex l-awtorità doganali jkollha dubji dwar ir-realtà ta’ dan il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 3839). Dan japplika iżjed u iżjed meta tali differenza fil-prezz takkumula mal-bejgħ b’telf tal-lott ikkonċernat lill-klijent tal-importatur, peress li tali bejgħ b’telf ma huwiex, fih innifsu, prassi kummerċjali li tipprovdi qligħ, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza.

91

Huwa mingħajr effett, f’dan ir-rigward, li l-awtentiċità tad-dokumenti pprovduti mill-importatur sabiex jattesta r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ma tkunx ikkontestata mill-awtoritajiet doganali. Fil-fatt, l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti ma hijiex l-element determinanti, iżda tikkostitwixxi fattur fost oħrajn li dawn l-awtoritajiet għandhom jieħu inkunsiderazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 41).

92

L-istess japplika għall-fatt li l-importatur huwa f’pożizzjoni li jipprova li l-prezz effettivament imħallas minnu jikkorrispondi għall-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 44).

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa, min-naħa l-oħra, dan l-importatur, bħalma jsegwi diġà mill-punti 78 sa 87 ta’ din is-sentenza, li għandu jipprovdi lill-awtoritajiet doganali kull dokument probatorju ta’ natura li juri li l-lott tal-merkanzija importata tneħħa f’kundizzjonijiet li jikkonfermaw ir-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni.

94

Fl-assenza ta’ preżentata ta’ kwalunkwe dokument ta’ din in-natura f’terminu raġonevoli, l-awtoritajiet doganali huma, għaldaqstant, fondati li jiċħdu l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni u, għaldaqstant, li jżommu, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891, il-garanzija pprovduta bi ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni.

95

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom iwarrbu l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ta’ lott ta’ merkanzija importata meta dan il-valur huwa ċarament ogħla mill-valur standard tal-importazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni, dan il-lott inbiegħ b’telf fit-territorju doganali tal-Unjoni u, minkejja l-fatt li ġie mistieden jippreżenta kull dokument li jipprova li l-imsemmi lott tneħħa f’kundizzjonijiet tali li jikkonfermaw ir-realtà ta’ dan il-valur, l-importatur ma ppreżentax dokumenti suffiċjenti għal dan l-għan, minkejja li dawn l-awtoritajiet la jikkontestaw l-awtentiċità tal-fattura maħruġa mill-esportatur u lanqas il-ħlas effettiv tagħha mill-importatur.

Fuq l‑ispejjeż

96

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 75(5) u (6) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat‑13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li importatur, li ma jkunx għażel, fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddetermina l-valur doganali tal-lott impurtat konformement mal-Artikolu 74(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, iżda li, għall-kuntrarju, ikun iddetermina dan il-valur konformement mal-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, ikun jista’ validament jibbaża ruħu, insostenn tal-azzjoni ġudizzjarja tiegħu kontra deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali, fuq kalkolu tal-valur doganali mwettaq konformement mal-Artikolu 74(2)(c) tar-Regolament Nru 952/2013, sabiex jipprova, billi jinvoka l-Artikolu 134(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 952/2013, ir-realtà tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 952/2013;

jipprekludi li, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ awtorità doganali li tistabbilixxi d-dejn doganali, awtorità ġudizzjarja tkun tista’ tqajjem, ex officio u għall-ewwel darba fil-kuntest tat-tilwima pendenti quddiemha, il-kwistjoni dwar jekk l-importatur u l-esportatur humiex relatati, fis-sens tal-Artikolu 70(3)(d) tar-Regolament Nru 952/2013, u, fl-affermattiv, jekk l-eventwali rabtiet eżistenti bejniethom influwenzawx il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, jew le, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, minkejja li l-kontroll doganali mwettaq mill-awtorità doganali ma jkunx irrigwarda l-eżistenza ta’ tali rabtiet, peress li l-imsemmija awtorità eskludiet il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni għal raġunijiet differenti, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ tneħħija tal-lott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

L-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-tneħħija tal-lott ta’ merkanzija importata permezz ta’ bejgħ b’telf tikkostitwixxi indizju serju tan-natura artifiċjalment għolja tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni li ma jobbligax lill-importatur jipprovdi lill-awtoritajiet doganali, sabiex juri r-realtà ta’ dan il-valur, minbarra d-dokumenti dwar it-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar u l-ħażna, espressament imsemmija fir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, u l-prova tal-ħlas tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, kuntratt jew dokument ekwivalenti li jistipulaw il-prezz li bih il-lott impurtat inxtara minnu, meta dawk id-dokumenti tal-ewwel huma suffiċjenti sabiex juru r-realtà tal-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni.

 

3)

L-Artikolu 75(5) tar-Regolament Delegat 2017/891

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom iwarrbu l-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni ta’ lott ta’ merkanzija importata meta dan il-valur huwa ċarament ogħla mill-valur standard tal-importazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, dan il-lott inbiegħ b’telf fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea u, minkejja l-fatt li ġie mistieden jippreżenta kull dokument li jipprova li l-imsemmi lott tneħħa f’kundizzjonijiet tali li jikkonfermaw ir-realtà ta’ dan il-valur, l-importatur ma ppreżentax dokumenti suffiċjenti għal dan l-għan, minkejja li dawn l-awtoritajiet la jikkontestaw l-awtentiċità tal-fattura maħruġa mill-esportatur u lanqas il-ħlas effettiv tagħha mill-importatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.